Dak li Fadal mal-Ħafna li Għeb. 

Kitba ta’ Anton Attard. Dan l-artiklu kien deher oriġinarjament fl-Imnara (2013 Nru 37)

Din hi t-tieni parti tal-artiklu dwar il-festi tagħna l-Maltin – Festi marbutin mat-twemmin Nisrani, u li wħud minnhom imorru lura sekli sħaħ. Fl-ewwel parti konna mxejna tul l-ewwel nofs tas-sena sa Ġunju.  Issa jmiss it-tieni nofs.

 

TAL-KARMNU, SANT’ ANNA, U SAN LAWRENZ.

Fl-aħħar kwart tas-seklu dsatax u l-ewwel kwart ta’ dak ta wrajh, fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu li tkun qed tiġi ċċelebrata fil-Belt Valletta fis-16 ta’ Lulju,  in-nies kienet tmur bi ħġarha lejn Tas-Sliema u Ta’ Xbiex. Fit-triq bejn ix-Xatt ta’ Tas-Sliema u Ta Xbiex, bejn l-1881 u l-1929 kienu jsiru t-tiġrijiet biż-żwiemel, dwieb, fliewi, ponijiet u xi drabi ħmir. Ir-rebbieħa kieni jingħataw  paljijiet mill-isbaħ. Kien hemm snin li fihom mal-paljijiet kienu jingħataw ukoll midalji u tazzi tal-fidda.

Il-festa ta’ Sant’ Anna fis-26 ta’ Lulju u dik ta’ San Lawrenz fl-10 ta’ Awwissu intrabtu magħhom diversi drawwiet li ħafna minnhom, billi tista’ tgħid li nqatgħu għal kollox, issa saru parti mill-folklor ta’ pajjiżna.

Snin ilu, jum Sant’ Anna kien ikun mistenni ħafna mit-tfal, l-aktar dawk fl-inħawi ta’ Santa Venera. Fil-misraħ tal-knisja ta’ dan ir-raħal, kien jintrama speċi ta’ suq jew fiera, fejn, fost ħwejjeġ oħra, għall-bejgħ kien ikun hemm ħafna pasturi, statwetti u ġugarelli żgħar ta’ kull xorta. Din id-drawwa qisha qed tqum mill-ġdid f’Wied il-Għajn. F’jiem il-festa qed ikun hemm  għadd imdaqqas ta’ karettuni, armati b’kull xorta ta’ ġugarelli kuluriti.

Billi nhar Sant’Anna l-bdiewa ma kinux jaħdmu, uliedhom xebbiet li jkunu waslu għaż-żwieġ kienu jinżlu l-Belt ma’ ommijiethom biex jixtru dik il-ħajta deheb li kienu jieħdu magħhom bħala dota. Ħafna minnhom, kienu jistennew  dak il-jum ukoll, biex imorru l-Furjana, fil-Kappella ta’ San Kalċidonju, ħalli jagħmlu l-qrara magħrufa bħala taż-żwieġ.Meta s-saqqijiet komdi tal-um kienu biss ħolma, in-nisa tad-dar kienu jagħżlu jum Sant’ Anna wkoll biex jinżlu ħdejn il-baħar u jaħslu u jnixxfu s-suf li bih kienu jimlew is-saqqijiet u l-imħaded dak iż-żmien.

L-istess nisa kienu jiftakru f’Sant’ Anna anki waqt is-siegħa tal-ħlas. Ma nafx jekk bnadi oħra kienx isir l-istess, iżda mill-Knisja ta’ Wied il-Għajn, iddedikata lill-Qaddisa, in-nisa tqal kienu jiksbu xemgħa mbiereka bi xbieha żgħira ta’ Sant Anna fil-parti t’isfel, biex jixegħluha tul ħin il-ħlas. Ukoll dawk li jrabbu n-naħal ikunu jistennew jum Sant’ Anna. Hemm it-tradizzjoni li dawn jistennew dan il-jum biex jibdew jaqtgħu l-għasel.

Fl-aħħar Ħadd ta’ Lulju, fir-raħal tal-Għarb, Għawdex, tiġi ċċelebrata l-festa tal-Viżitazzjoni. Minn dik iċċelebrata fl-2003 ’l hawn, minn fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali sal-pjazza quddiemha, beda jintrama b’sengħa li tgħaġġbek tapit bil-fjuri, magħruf bħala Infiorata. Dan isir biex minn fuqu tgħaddi l-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna ma’ Santa Eliżabetta. Id-disinji bil-fjuri jinbidlu minn sena għal oħra. Dan it-tapit, l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu fil-Gżejjer Maltin, qed ikun mistenni u ħafna jmorru f’dan ir-raħal pittoresk biex jaraw x’ħejjew sabiħ għal dik il-festa ż-żgħażagħ tar-raħal, bl-inizjattiva u l-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lolkali.

Fl-10 ta’ Awwissu, fil-Birgu tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Lawrenz. Dawk li xi darba marru l-Birgu għal din il-festa, raw li l-istatwa ta’ San Lawrenz, hija mlibbsa b’ilbies naturali. L-istess kif din it-tradizzjoni antika nżammet f’din il-belt, bl-istatwa ta’ San Ġużepp u bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira wkoll.

Iżda filwaqt li l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira kellhom libsa waħda, l-istatwa ta’ San Lawrenz kellha tlieta. Kienet drawwa ġejja mill-antik, li l-istatwa kellha libsa għal meta tkun fin-niċċa tul is-sena; kellha oħra għall-ewwel sebat ijiem tan-novena, u għall-kumplament tal-festa  titlibbes id-dalmatika rikka, li saret mid-ditta Tanfani ta’ Ruma fl-1904, u l-alba storika, mogħtija mill-Inkwiżitur Carpegna. Iżda minn xi snin ’l hawn, kien hemm min ħass li din it-tradizzjoni jew drawwa antika kien għadda żmienha. B’hekk, daż-żmien, il-libsa rikka tal-festa qed tkun fuq l-istatwa tul jiem in-novena kollha.

Drawwa oħra marbuta mal-festa ta’ San Lawrenz ilha li nqatgħet ħafna u ħafna snin ilu. L-antiki kienu jgħidu li l-antenati tagħhom kienu jirrakuntaw li għall festa ħafna nies kienu jmorru fuq id-dgħajjes u l-frejgatini. Meta jidlam, dawn u l-oħrajn fuq ix-xtut tat-Tlett Ibliet kienu jistennew fuq ix-xwiek dehra li n-nies tal-Birgu kienu vvintaw għal jum il-qaddis padrun tagħhom. Dawn kienu jaqsmu ħafna ġewż min-nofs u, wara li jneħħu l-qalba, kienu jimlew il-qxur biż-żejt u wara li jixegħlu l-ftila żgħira li kienu jqiegħdu fihom, jitilquhom jgħumu mal-kurrent. Id-dawl irqiq inemnem f’wiċċ il-baħar, imkaxkar mill-kurrent madwar il-bajja lejn Bormla, l-Isla u xi drabi sal-Belt, kien joħloq dehra li ssaħħar u mhux ta’ min jitlifha.

F’San Lawrenz ukoll, il-ftuħ tal-ballun, waqt il-marċ nagħruf bħala tat-Te Deum, lejlet il-festa filgħodu, drawwa li tmur lura għexieren ta’ snin, tkun mistennija minn kulħadd. Meta l-banda tasal il-pjazza, minn fuq il-bejt tal-każin, tinħaraq musketterija u kif tispiċċa, wara li tinħaraq miċċa li tkun iżżomm magħluq speċi ta’ ballun, dan jinfetaħ u minnu joħorġu jittajru fil-baxx fuq in-nies daqs tużżana amorini. Tibqa’ fih biss statwa żgħira ta’  San Lawrenz tfajjel miżmum minn ommu. Naturalment, l-aktar it-tfal, ikunu fuq ix-xwiek jistennew il-ballun jinfetaħ, kollha ħerqana li jirnexxilhom jaqbdu xi wieħed mill-għasafar.

U la qegħdin insemmu drawwiet tul il-festa ta’ San Lawrenz, ma nistgħux ma nsemmux il-mod li bih tittella’ statwa tal-qaddis fuq kolonna fit-triq prinċipali tal-Birgu. Din issir waqt dimostrazjoni bil-banda fil-jum magħruf bħala l-Antiviġilja, jumejn qabel il-festa. Dan isir billi tintrama boma max-xewka tas-sur tat-Torri ta’ San Gwann, li permezz tagħha, meta jibdew jinġibdu l-ħbula, l-istatwa tibda tiela’ bil-mod il-mod fost l-entużjażmu tal-folla preżenti. Fl-istess post u bl-istess mod tittella’ statwa ta’ San Duminku fil-festa tiegħu ċċelebrata fl-istess belt, tliet ġimgħat wara.

Drawwa oħra f’jum dan il-Qaddis kienet li n-nies iqallbu fil-ħamrija biex isibu dak li kienu jxebbħuh mal-faħam li tkebbes taħt il-gradilja waqt il-martirju. Jingħad li dan kienu jsibuh dakinhar biss.

Ħamest ijiem wara San Lawrenz, tasal il-festa ta’ Santa Marija. Għalkemm id-drawwa taż-żjarat lill-parroċċi ddedikati lill-Madonna taħt dan it-titlu ma’ xi wħud għadhom popolari, fl-antik kienu aktar u ta’ xeħta oħra għal kollox. Lejlietha, wara li jidlam, minn kull parroċċa kien jitlaq pellegrinaġġ għall-knejjes parrokkjali li jkunu qed jiċċelebraw il-festa, magħrufa bħala s-Seba’ Santa Marijiet. Meta jaslu quddiem kull waħda minnhom, fost talb ieħor, kienet tingħad is-Salve Regina. Wara mixjiet hekk twal, żgur li l-għatx kien jagħmel tiegħu. Kienu jaqtgħuh bl-ilma li kienu jtellgħu mill-bir li kull knisja kellha għalhekk fuq iz-zuntier.

Id-drawwa antika li ħafna Maltin imorru għall-festa ċċelebrata fil-kapitali Għawdxija baqgħet magħna sallum. Dak il-jum Għawdex ikun miżgħud bil-Maltin, l-aktar jekk il-festa taħbat qrib tmiem il-ġimgħa. It-tiġirijiet tal-bhejjem, fi Triq it-Tiġrija  fir-Rabat, li minnhom ħadet isimha, għadhom iriduhom u jiġbdu ħafna nies.

Festa  oħra f’Għawdex li hemm marbuta magħha drawwa partikular hi dik iċċelebrata fil-bidu ta’ Settembru fir-raħal pittoresk taż-Żebbuġ. Din hija l-festa tal-Madonna tal-Għażżiela.. Għal nhar il-festa jagħmlu speċi ta’ ħbejżiet jew galletti f’għamla ta’ ‘M’, (Nome di Maria) li, b’rabta ma’ din il-festa, l-antiki bdew isejħulhom  għazziela. B’xebħ max-xemgha tal-kandlora, b’sinjal ta’ devozzjoni, flimkien ma’ xi talb, ħafna jqegħduhom fil-ħoġor tat-twieqi waqt xi maltempata bis-sajjetti.

It-Tiġrijiet fi Triq it-Tiġrija, Għawdex (Times of Malta)

L-għada ta’ Santa Marija, jasal jum Santu Rokku. Il-qima lejn dan il-qaddis kienet imxerrda ħafna fost niesna. Kien minn ta’ quddiem fost il-qaddisin li lejhom kienu jduru bit-talb tagħhom biex ibegħduhom mill-marda qerrieda tal-pesta, li minn żmien għal ieħor, sekli ilu, kienet tolqot lill-gżejjer tagħna. Il-festa ta’ dan il-qaddis kienet tiġi ċċelebrata bil-kbir f’Tal-Pieta’. Dakinhar, f’dan ir-raħal kienu jsiru tiġrijiet taż-żwiemel, dwieb u ħmir, li għalihom in-nies kienet tattendi bi ħġarha. Jgħidu li dawn ilhom isiru hawn minn żmien il-Granmastru Verdala. Oħrajn, kienu jibqgħu fuq id-dgħajjes u l-frejgatini jisimgħu jew jieħdu sehem bl-għana li kien ikun mistenni minn dawk dilettanti. Hemm min isostni li t-tiġrijiet tal-bhejjem li, aktar tard,  bdew isiru f’xi festi oħra, jafu l-bidu tagħhom lil din il-festa.

JASAL SETTEMBRU

Drawwa fix-xahar ta’ Settembru, li għada poplari sal-lum, speċjalment fl-ibliet ta’ madwar il-Port il-Kbir, hija t-tiġrija ta’ diversi xorta ta’ bċejjeċ tal-baħar Maltin, bħal dgħajjes, kajjikki, u frejgatini, li ssir nhar il-Vitorja, fit-8 ta’ Settembru. It-tluq ikun mill-Marsa, mill-post magħruf bħala Ras Ħanżir u t-tmiem ikun faċċata tad-Dwana l-Qadima. Ir-rebbieħa, kif ilu jsir minn żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, jingħataw bnadar ikkuluriti, magħrufa aktar bħala paljijiet, u fuqhom ikun hemm il-post miksub fit-tiġrija.

It-Tiġrijiet tal-Vitorja (Ritratt: Joseph Serracino)

Drawwa oħra li ntrabtet ma’ Jum il-Vitorja hija l-mawra tan-nies fil-Kastell ta’ Sant’ Anġlu. Waqt dawn iż-żjarat, in-nies kienu jgħarrxu għal pjanta li tikber fil-kastell li l-fjuri tagħha jixbħu ħafna s-salib tal-kavallieri.

Settembru sar ikun mistenni mid-dilettanti tar-roti u tal-muturi. Fil-festa tal-Madonna tal-Grazzji, isir għamla ta’ pellegrinaġġ b’dawn il-vetturi, li ġeneralment jibda mir-Rabat u mill-Mosta għall-muturi u r-roti rispettivament u jintemm quddiem is-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar. Din il-ġrajja taf il-bidu tagħha lill-Kappillan Zarb, f’nofs is-seklu li għadda.  Kulma jmur, dan il-pellegrinaġġ dejjem qed iżid fil-popolarita’.

LEJN TMIEM iS-SENA

Novembru x-xahar tal-mejtin

Għalkemm jum il-mejtin, fit-2  ta’ Novembru, ma tistax tqisu xi jum ta’ festa bħall-oħrajn, f’xi rħula kienu rabtu miegħu d-drawwa li, l-aktar il-fqar, kienu jistennewha minn sena għal oħra. F’xi wesgħa magħrufa tar-raħal kienet tissajjar f’borma kbira minestra b’ħaxix li kienu jagħtu n-nies bħala karita’, aktarx b’suffraġju għall-mejtin tagħhom. Minnha kienu jingħataw jieklu l-foqra tar-raħal, li dari, ma kinux ftit.

Fil-11 tal-istess xahar, taħbat il-festa ta’ San Martin. Ma’ din il-festa ntrabtu drawwiet mad-dinja kollha u hawn Malta m’aħniex, jew ma konniex, neqsin minnhom. Illum rari tara tfal bil-borża msejħa l-Borża ta’ San Martin f’idejhom nhar din il-festa. Din il-borża, magħmula minn drapp ikkulurit, miżgħuda b’taħlita ta’ frott, bħal larinġ, rummien, tin imqadded, lewż, ġellewż, qastan u frott ieħor ta’ l-istaġun, kienet tkun mistennija b’ħerqa mit-tfal ta’ snin ilu. Ma’ dawn ma kienet tonqos qatt il-ħbejża bil-ġunġlien u l-kosbor.  Il-borża ta’ San Martin tidher li qed terġa’ tidħol u tingħata lit-tfal f’xi skejjel tagħna.

F’San Martin u għal jiem wara, it-tfal subien kienu jinsew il-boċċi tal-ħġieġ u minflok, il-logħob li soltu jsir bihom, kien isir bil-lewż. L-istess kienu jagħmlu l-bniet minflok iż-żibeġ.

Tal-ħwienet tal-inbid kienu jistennew jum San Martin biex iżanżnu l-inbid il-ġdid li jkun sar mill-għeneb f’dak l-istaġun. L-irġiel li kienu jiffrekwentaw dawn il-ħwienet, dakinhar kienu jaqsmu l-lewż u l-ġellewż u l-isfortunat li f’xi waħda minnhom kien isib żewġt iqlub, kien mistenni li jħallas ix-xarba tal-oħrajn.

Id-dilettanti tal-baned ikunu jistennew it-22 ta’ Novembru, il-festa ta’ Santa Ċeċilja, il-protettriċi tal-mużiċisti. Minn ftit wara li twaqqfet l-Assoċjazzjoni tal-Każini tal-Banda, qrib il-festa ta’ din il-qaddisa, waħda mill-baned imsieħba f’din l-Għaqda, tkun inkarigata tagħmel kunċert mużikali. Dan isir fit-Teatru Manoel u  għalih l-attendenza tkun numeruża ħafna, għax il-banda nkarigata, għal din l-okkażjoni, tkun armata għall-aħħar.

Sa ftit taż-żmien ilu, l-ewwel festa ċċelebrata f’wieħed mill-irħula tagħna kienet  taħbat fil-bidu ta’ Diċembru. Il-festa  ta’ San Nikola fis-Siġġiewi, fis-6 tax-xahar. Minkejja l-kesħa li tagħmel f’dawk il-jiem, xebbiet ħerqana għaż-żwieġ kienu jimxu mad-drawwa jew devozzjoni marbuta ma’ dak il-qaddis. Dawn kienu jmorru s-Siġġiewi matul il-lejl u waqt li jduru diversi drabi mal-istatwa ta’ San Nikola, li hemm fil-misraħ tar-raħal, itennu għal ħafna drabi t-talba: San Nikola ikkunslani. Drawwa oħra marbuta mal-festa ta’ San Nikola kien li jitqassam ħobż imbierek, kemm mill-knisja tas-Siġġiewi kif ukoll mill-knisja tal-Griegi tal-Belt.

L-aħħar festa tas-sena u fost l-aktar festi mistennija, mhux biss hawn iżda mad-dinja kollha, bla dubju ta’ xejn hi l-festa tal-Milied. Dari, il-kartolini li jintbagħtu daż-żmien, is-siġra tal-Milied, id-dwal, u l-parties, li daħlu fostna wara l-wasla tal-Ingliżi, ma konniex nafu bihom. Il-qofol tal-festi tul dawk il-jiem kienet il-quddiesa ta’ nofsillejl bil-priedka tat-tifel. Illum nistgħu ngħidu wkoll tat-tifla, għax f’ċerti knejjes din qed issir mill-bniet ukoll. Biex in-nies kienet tibqa’ mqajma sa dak il-ħin, kienu jgħinu ħafna d-daqqaqa taż-żaqq u tat-tanbur, li kienu jduru mat-toroq tal-irħula u l-ibliet, sakemm joqrob ħin il-quddiesa.

Aktarx li llum inqatgħet għal kollox l-iskutella imbuljuta li kulħadd kien jistenna meta jmur lura d-dar mill-quddiesa. Mill-banda l-oħra, il-kagħak tal-għasel m’għadekx issibhom qrib il-Milied biss, kif kien isir dari, iżda ssibhom tul is-sena kollha.

Il-presepju tal-gagazza jew tal-kartapasta bil-pasturi tat-tafal kollhom kuluri kont issibhom f’ħafna djar, għax kienu l-għaxqa tat-tfal. Tfal iżgħar ikollhom jikkuntentaw bil-grotta li jagħtuhom tal-Museum. Illum, il-gagazza u l-kartapasta, tista tgħid li nqatgħu għal kollox. Hadilhom posthom il-ġablo u allura l-għadd tal-presepji pjuttost żdied u d-daqs kiber ukoll. Biex ma’ nżidx ukoll li l-biċċa l-kbira fosthom saru mekkanizzati. L-istess bħal pasturi; oħrajn tal-plastik, isbaħ u ta’ daqsijiet varji ħadu post dawk żgħar tat-tafal.

Fl-ewwel kwart tas-seklu għoxrin, San Ġorġ Preca żied il-purċissjoni bil-Bambin mill-Oqsma tal-Museum u rari tmur x’imkien lejlet il-Milied li ma tiltaqax ma’ xi waħda, bil-Bambin merfugħ mit-tfal, b’oħrajn magħhom iżommu fil-għoli fanali kkuluriti, ikantaw għanjiet tal-Milied, li jkun għallimhom is-superjur minn ġranet qabel.

Iż-żminijiet jinbidlu u aħna ninbidlu magħhom jgħidu l-għorrief. Hekk ġara lilna u bosta mid-drawwiet li kellna tul jiem il-festi. Baqgħu biss fit-tifkira ta’ wħud mix-xjuħ tagħna, li jirrakuntawhom b’ċerta nostalġija meta nistaqsuhom dwarhom. Jalla dawk li fadal ngħożżuhom u nibżgħu għalihom, għax huma dawn li jagħżluna minn artijiet oħra li għandhom drawwiet għalihom, xi drabi jixbħu u oħrajn differenti minn tagħna.  Kif ġieli naraw f’xi programmi  fuq it-televiżjoni, dawn id-drawwiet għadhom jgħożżuhom u saru attrazzjoni turistika fir-reġjun tagħhom.

© Anton Attard