Fi tfuliti kien hemm xi drawwiet li llum spiċċaw jew inbidlu skont il-ħsieb tan-nies tal-lum – għax hekk miexja d-dinja…dejjem iddur u aħna nduru magħha.  Dawn id-drawwiet kienu l-aktar ta’ xeħta reliġjuża.

Kitba ta’ Rafel Bonnici Cali. Dan l-artiklu  kien deher l-ewwel darba fl-Imnara Nru. 5, f’Awwissu tal-1982 u reġa’ deher fil-ħarga Nru. 40 2016. Rafel Bonnici Cali twieled fil-11 ta’ Ġunju, 1907, u f’din kitba qed isemmi xi drawwiet li kien għexhom hu, u li llum għebu minn fostna jew inbiddlu.

IL-MAGĦMUDIJA

Dari, l-magħmudija kienet aktarx issir l-għada stess tat-twelid tat-tarbija, u kull tarbija titgħammed għaliha fuq il-fonti qrib il-bieb ta’ barra tal-knisja. Minn ftit snin ‘l hawn, it-trabi bdew jiġu kollha flimkien il-knisja, u jigħammdu fuq l-artal stess, wara xahar jew aktar fuq it-twelid, u għalhekk illum l-omm stess tressaq it-tarbija għal dan is-sagrament.  Dari, l-omm qatt ma kienet tara l-magħmudija ta’ wliedha, għax kien hawn id-drawwa li l-omm ma toħroġx mid-dar qabel jgħaddu erbgħin jum mit-twelid.  Għalhekk dari t-tarbija kienet tinġarr lejn il-knisja minn mara li tissejjaħ: ir-Reffiegħa, u din kienet tieħu ħsieb ta’ kollox: il-ħin, il-qabla (li fl-ibliet kienet tissejjaħ “il-majjistra”), u saħansitra l-isem tat-tarbija.  Iżda l-missier spiss kien jieħu sehem ukoll, għax wara kollox id-dritt hu tiegħu li jagħti l-isem, u jieħu ħsieb il-ħlas tax-xemgħa, u xi flus oħra lil min kien jgħammed.  Ma dawn kienu jieħdu sehem ukoll, l-istess bħalma għadu jsir, il-parrinijiet – raġel u mara ħbieb tal-familja, li x-xogħol tagħhom kien li jżommu t-tarbija mimduda sakemm il-qassis isawwab l-ilma fuq rasha.  Ir-ras tinżamm mir-raġel jekk it-tarbija tkun tifel, u minn mara jekk it-tarbija tkun tifla.

Ir-ras tinżamm mill-parrinu raġel jekk it-tarbija tkun tifel, u mill-parrina mara jekk it-tarbija tkun tifla.

Din kienet il-magħmudija tal-ħaddiem u ta’ dawk ta’ klassi medja komuni.  Min kien jista’ mhux ħażin kien iżid xi ħaġa oħra: flok xemgħa ta’ kwart kien jagħti waħda ta’ ratal, u flok disa’ rbajja lil-qassis, kien jagħti tmintax irbiegħi (żewġ xelini u nofs).  Imma min kien tassew sinjur kien jagħti lira tad-deheb lill-qassis, u jqassam nofs lira oħra lis-sagristan u lit-tifel abbati li jkun hemm.  Tirrakkanota ommi li kulħadd kien skanta meta s-Sur Ġużeppi D’Amato ta lira tad-deheb lill-qassis meta kien għammed l-ewwel tifla li kellu, meta l-knisja ta’ Raħal Ġdid saret parroċċa fl-1910.  Tirrakkonta wkoll li l-Markiż Barbaro ħa t-tarbija tiegħu biex titgħammed, fil-knisja ta’ Ħal Tarxien, bil-parilja, u ż-żwiemel kellhom in-nagħal tad-deheb – għall-okkażjoni.  Ħa ukoll miegħu buqar u friskatur tal-fidda, u xugaman tal-għażel irrakkmat, biex il-qassis jaħsel idejh, u meta kien lest kollox, tefgħalu fuq idu fwieħa minn flixkun ċkejken; minn dan il-flixkun raxx ukoll il-fwieħa fuq idejn kulmin kien hemm fil-knisja.  Din il-biċċa tal-fwieħa intogħġbot wisq, u ftit ftit saret drawwa wkoll tan-nies tal-klassi medja.  Niftakar fost l-oħrajn, lil missieri jroxx il-fwieħa fuq dawk li kienu fil-knisja għall-magħmudija ta’ oħti ż-żgħira Lorenza.  Dak iż-żmien jien kelli xi disa’ snin, u mort il-knisja mdaqqaq, inżomm ix-xemgħa mal-kumpannija sħiħa tal-familja u tal-parrinijiet, kulħadd bil-mixi qisna proċessjoni, għax hekk kienet id-drawwa dak iż-żmien.

Il-Markiż Barbaro ħa t-tarbija tiegħu biex titgħammed riekba fuq il-parilja, u ż-żwiemel kellhom in-nagħal tad-deheb, għall-okkażżjoni.

M’hemmx għalfejn ngħidu, għamilna proċessjoni oħra mill-knisja għad-dar, fejn sibna xi ħaġa tal-ħelu, ġelat, biskuttini tawwalin bil-ġelu, għamla tal-ittra “S”, xogħol ta’ Malta, skont l-użu Malti.  Kellna wkoll ix-xorb tar-Rożolin u l-Menta għat-tfal, u l-Maskta u r-Rum għall-kbar.  Kienet drawwa oħra li l-parrinijiet jagħtu r-rigali, ġeneralment xi ħaġa tad-deheb, x’aktarx xi labra jew ġiżirana bis-salib jew domna, għat-tarbija filjozza.  Ta’ tifel li kont, gawdejt kemm flaħt bil-biskuttini u r-rożolin, xogħol tipiku ta’ Malta, aħmar u ħelu, famuż għall-festi tal-magħmudijiet u t-tigien ta’ dari.  Ħaġa stramba li dawn il-festi ma kenux isiru meta t-tfal jagħmlu l-Ewwel Taqrbina, forsi għax ma kienx hemm ħtieġa ta’ parrinijiet għal dan s-Sagrament.  Iżda wkoll għal-Griżma tal-Isqof, li għaliha jkun hemm bżonn ta’ parrinijiet, ftit li xejn kienu jagħmlu festi familjari, għalkemm il-parrinijiet kienu jagħtu xi ħaġa tad-deheb lill-filjozzi tagħhom.

Dawn il-parrinijiet tal-Griżma u tal-Magħmudija kienu jissejħu Xbejjen (singular: Xbin) mill-ġenituri tal-filjozzi, u l-ġenituri kienu joqgħodu attenti lil min jaqilgħu bi xbejjen – għax dawn jibdew jitqiesu bħala biċċa mill-familja tagħhom; għalhekk kien unur kbir li wieħed jinħatar parrinu, jew oħra tinħatar parrina.

TAL-MUŻEW

Il-festi tal-magħmudija u l-Griżma tal-Isqof bdew x’aktarx isiru fil-familji wara li bdew isiru mill-istituti tad-duttrina msejħa “Tal-Mużew”, li kien waqqaf Dun (San) Ġorġ Preca fl-1907 fil-Ħamrun, u li malajr xterdu ma’ Malta u Għawdex.  It-tfal bdew jinġabru fil-Mużew tal-belt jew raħal tagħhom, u jmorru l-knisja f’għamlu ta’ proċessjoni, flimkien mal-għalliema tagħhom tal-katekiżmu, jkantaw matul it-triq.  Bl-istess mod kienu jerġgħu lura lejn il-Mużew fejn kien ikollhom imħejjijin biskuttini ta’ Malta u kokotina. Dawn kienu l-festi ta’ ulied il-poplu, organizzati mill-għaqdiet ta’ Dun (San) Ġorġ.  Iżda kien hemm ukoll it-tqassim tas-santi mill-Kappillan lil kull tifel u tifla, biex jibqgħu jiftakru f’dak il-jum sabiħ.  Dawn kienu santi kbar, li jkun fihom l-isem tat-tifel jew tifla, u tal-parroċċa.  Il-familji bdew jagħtu wkoll santi żgħar b’isem uliedhom lill-ħbiebhom, li bdew ukoll jiġu mistedna jiltaqgħu id-dar.  Illum dawn saru komuni ħafna.

Dari, is-santi kienu jsiru biss għall-ewwel quddiesa tal-qassisin ġodda, bl-istampa fuq quddiem, u kitba bl-Ing;iż, bil-Latin, jew bit-Taljan fuq wara.  Illum din il-kitba x’aktarx issir bil-Malti.  Spiċċaw dawk is-santi lussiżi, imdawrin bil-bizzilla, li kienu jsiru fl-antik.  Kollezzjoni ta’ santi bħal dawn, antiki, jkun fiha tassew x’tara.

IL-FUNERALI

Santi oħra ta’ tifkira kienu dawk tal-mejtin, li xi drabi bdew ikollhom fuqhom mhux biss xbiha ta’ qaddis jew ta’ ħaġa oħra, u kitba bl-isem u d-data tal-mejjet, imma wkoll fotografija – minn nofs is-seklu dsatax ‘il quddiem.  Il-funerali dejjem kienu jsiru mill-aħjar li wieħed jista’, bħala sinjal ta’ rispett u ta’ mħabba lejn il-mejjet.  Qawl Malti jgħid “Kulħadd ikeffen ‘l ommu kif jista’”.  Dari, il-familji tal-flus kienu jaħsbu għall-qabar qabel ma jaħsbu għall-bini ta’ djarhom.  U dawk li kienu tassew għonja kienu jżejnu l-qabar b’għatu tal-irħam, u fuqu l-arma tal-familja, u kitba bil-Latin jew bit-Taljan.  Kulħadd kien iħabrek biex jindifen fil-knisja fejn ikun tgħammed, u kien jaħseb ukoll biex ikollu talb għall-mistrieħ ta’ ruħu billi jinkiteb f’xi fratellanza li taħseb għas-suffraġju tal-imseħbin tagħha.  L-għanja kien jħallu flus għall-quddies, jew karita; imma l-fqir u l-medja klassi kien jaqblilhom jinkitbu f’xi fratellanza, u b’hekk ikollhom suffraġju mhux inqas minn ħaddieħor.

Fratell kellu wkoll il-privileġġ li jindifen fil-qabar tal-fratellanza, u jkollu wkoll funeral sabiħ bil-fratelli jakkumpanjawh bl-istandard tagħhom.  Bniedem kien jista’ jinkiteb f’kull fratellanza tal-parroċċa tiegħu u wkoll f’ta’ parroċċi oħra.  F’Ħal Tarxien, fil-parroċċa tiegħi, il-bdiewa u xi mgħallmin kienu jinkitbu fil-ħames fratellanzi, u kien ikollhom funerali daqs ta’ l-aqwa għanja, bl-akkumpanjament ta’ ħames standardi u ħafna fratelli.  Dari, hawn kulħadd kien bidwi jew jaħdem għal rasu, u kien jista’ jfalli meta jrid mix-xogħol biex jieħu sehem fil-funerali.  Għalhekk meta kien imut xi fratell, is-sagristan kien joħroġ idur mar-raħal bil-qanpiena f’idu – idoqq u jgħajjat.  Dan kien iseħħ wara li ddoqq l-Ave Maria.  L-għajta tiegħu kienet tkun:

“Tal-abjad, tal-aħmar, tal-ikħal, tal-iswed u l-aħdar – għada fis-sebgħa il-kumpanjament!”

Dan kien ifisser li l-fratelli tar-Rużarju, tas-Sagrament, tal-Kunċizzjoni, taċ-Ċintura, u tad-Duttrina jridu jmorru għall-funeral fil-ħin.  Ma’ dawn kienu jiżdiedu l-qassisn li kienet tordna l-familja tat-tajjeb, u kien ikun hemm funeral daqs ta’ kappillan, ukoll jekk il-mejjet kien xi bajjad jew skarpan.  Id-differenza kienet tkun biss li l-kappillan kien jinġarr mikxuf fuq il-mejjilla, u l-iskarpan f’tebut magħluq.  Imbagħad kien ikollna l-funeral tal-foqra, meta xi ħabib kien joħroġ (jiġbor) mat-triq biex isirlu tebut irħis, u l-imsejken jittieħed fil-knisja u jindifen fil-qabar tal-komun, dejjem bl-akkumpanjament tal-kappillan tal-parroċċa.  F’xi parroċċi fejn hemm il-fratellanza tal-Karita, bħall-Belt, il-Birgu, u r-Rabat, il-foqra kienu jinġabru u jindifnu minn dawn il-fratellanzi tal-ħniena, li jaħsbu wkoll għall-mistrieħ tal-erwieħ kollha, għanja u foqra xorta waħda.