Xtaqt niġbor ftit tagħrif fuq xi drawwiet li niftakar jien fil-belt qadima tagħna – l-Birgu.  Xtaqt nibda mill-bidu tas-sena, u nimxi, pass pass sa tmiemha.

Kitba ta’ Lorenzo Zahra. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imanara Vol 9(2008)1 – Ħarġa Nru. 32.

IL-BIDU TAS-SENA

Dari, nhar il-ħdax ta’ Jannar fil-ħdax ta’ filgħodu, l-Parroċċa kienet iddoqq mota bil-qanpiena l-kbira biex tfakkar il-ġrajja ta’ terremot li kien inħass mal-gżira kollha u li kien għamel ħsarat diversi.  Għadni niftakar tajjeb li fil-knisja tas-sorijiet Benedittini – il-knisja ta’ Santa Skolastika – kien hemm, mal-faċċata, fissura li kienet riżultat ta’ dik it-theżżiża.

Hawn irrid insemmi li kull nhar ta’ Ħamis filgħaxija kienet tindaqq mota bil-qanpiena l-kbira msejħa “il-Mota tal-Ħamis”.  Kienet tindaqq biex tfakkar it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija minn Ġesu.  Allura niftakar fid-djar il-ġenituri jaħarqu xi fergħa tas-siġra taż-żebbuġ u jduru biha mad-dar u jbaħħru.

FRAR

Fil-lejl tal-Kandlora lit-tfal kienu jgħidulhom li joħroġ il-Kawkaw jew il-Gawgaw. Dan ma kien ħadd għajr il-Babaw li kienu jbeżżgħu it-tfal bih.  Fil-Kandlora il-Kappillan kien jagħti xemgħa li l-parti t’isfel tagħha kienet tkun miżbugħa bil-porporina lewn id-deheb.  Ix-xemgħa li kienet tingħata lil xi wħud benefatturi kienet tkun inżejna u mpittra b’disinji ta’ fjuri.  Ix-xemgħa li jagħti l-Kappillan kienet tinżamm fid-djar, imdendla f’xi rokna.  Meta kien jagħmel xi maltemp tal-biża’ bit-tfaqqigħ tas-sajjetti, ix-xemgħa kienet tinxtegħel u kienet tingħad it-talba: “Santa Barbara, la deni u lanqas ħsara.”

Il-KARNIVAL

Fil-Karnival fit-tlett ibliet kien isir għors sħiħ bil-kumpannijiet jiġġerrew mat-toroq.  Fil-Birgu kienu jiġu wkoll xi Żabbarin, liebsin jew ħomor ta’ xjaten, jew bojod ta’ mewt.  It-tfal kienu jibżgħu minnhom.  Il-Karnival kien okkażżjoni biex raġel jilbes ta’ mara u mara tilbes ta’ raġel.  Il-grupp Jazz tal-banda tal-Birgu kien jidħol il-Belt biex idoqq waqt iż-żfin li kien isir fil-Main Guard.

RAS IR-RANDAN

F’Ras ir-Randan kulħadd kien jersaq lejn il-knisja biex il-qassis jagħmillu ftit irmied fuq rasu u jfakkru li “trab kont u trab terġa’ ssir”.  Is-sawm kien aktar osservat mill-lum.  Niftakar li anke tal-ħalib – dak li kien jiġi bil-mogħoż jiġru fit-toroq u jħammġu kullimkien – fir-Randan ma kienx jgħajjat l-għajta tas-soltu “Hawn tal-Ħalib”, imma kien jgħajjat: “Hawn ta’ l-Abjad”.

Fir-Randan dari ma kienx isir żwieġ.

Dari wkoll, f’waħda mill-ġimgħat tar-Randan kienet issir il-festa tal-Via Sagra, li fil-Birgu, peress li kellna fratellanza apposta, kienet issir gwappa.  Kienu jsiru erbatax-il priedka, mhux minn fuq il-pulptu, imma minn fuq il-presbiterju.  Xi drabi l-predikatur kien joqgħod jixxenja minn-naħa għall-oħra tal-presbiterju, u bejn priedka u oħra kienu jitkantaw ir-responsorji.  Dawn ir-responsorji kienu msemmija ħafna, u għal bosta nies kienu aktar ta’ attrazzjoni milli ta’ devozzjoni.  Dan għax ir-responsorji kienu ħafna drabi solijiet kantati u għalihom kienu jinġiebu l-aqwa tenuri u baxxi, anke dawk li jkunu ġew biex ikantaw l-opri fit-teatru.

ĦADD IL-PALM

Nhar Ħadd il-Palm, fil-Parroċċa ta’ San Lawrenz kienu jsiru l-Kwaranturi – 40 siegħa ta’ adorazzjoni li kienu jibdew mill-Ħadd u jwasslu sa l-Erbgħa filgħodu.  Il-kappella kienet tintrama tassew sabiħ (hekk għadu jsir, almenu dwar it-tiżjin).  L-erbgħin siegħa kienu jintemmu l-Erbgħa tat-Tniebri filgħodu.  Kif jintemmu, kienu jitniżżlu l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira mill-Oratorju tal-Kurċifiss lejn il-Parroċċa.  Il-vari kienu jkunu ġa lesti, mlibbsin u armati.  It-tfal, li ma kienx ikollhom skola, kienu jinġabru jaraw dan it-trasport tal-vari lejn il-knisja.

L-Erbgħa tat-tniebri wara nofsinhar, waqt l-uffiċċjatura tal-Kanoniċi fil-kor – fejn allura kienu jilbsu l-muzzetta l-vjola – kienu jitkantaw il-lamentazzjonijiet bil-Latin, minn xi tfajjel b’vuċi tajba u b’dak is-soltu ton tradizzjonali.

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira mbagħad, l-Adorazzjoni tas-Salib kienet issir b’ċertu solennita’.  Il-Kanoniċi kienu jinżlu fil-kor, rashom mgħottija b’muzzetta tas-suf abjad u bla żarbun.

Il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira kienet iddur sewwa mal-Birgu, tant li kienet tidħol ukoll lejn il-Pjazzetta u terġa’ lura minn Strada San Lorenzo.  Dan għaliex meta l-Ammiraljat Ingliż ħa x-Xatt kollu f’idejh, kien bena l-kolonnat li minħabba fih din il-purċissjoni m’għaddietx aktar mix-Xatt.

Sibt il-Għid fil-Birgu kien imsejjaħ Sibt il-Gloria.  Allura l-Banda tal-Palma f’xi l-għaxra kienet tmur lejn il-knisja tal-Madonna tal-Karmnu u minn hemm kienet takkumpanja bil-marċi l-vara ta’ Kristu Rxoxt, li kienet tinġieb lejn il-parroċċa. Dan kien ikun il-bidu tal-festa ta’ l-Għid il-Kbir.

L-għada, Ħadd il-Għid filgħodu kmieni kien joħroġ it-tanbur, jew aħjar – il-katuba.  Maż-żerniq din kienet iddur mat-toroq biex tħabbar il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu.  It-tanbur kien jiġġerra mat-toroq kollha tal-Birgu.  Xi l-għaxra ta’ filgħodu mbagħad, kienet toħroġ il-proċessjoni bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt u, kif għadu jsir sal-lum, tingħata dik il-ġirja b’attrazzjoni speċjali.  Minn kull fejn tgħaddi l-vara, t-tfal kienu jgħollu l-figolli u jgħidu lil Ġesu “Berikhieli, berikhieli”.  Dan kollu kien isir sa żmien il-Papa Piju XII.

Wara l-Għid jibdew il-festi.  Il-festa ta’ San Ġużepp kienet issir mill-Fratellanza Giuseppina li dari kienet numeruża ħafna, b’mastrudaxxi mustaċċuni għas-sengħa.  Fil-Ħdud, xi wħud minn dawn l-imgħallmin kienu jilbsu s-sidrija bil-polka tad-deheb, u b’xi domna mdendla magħha, u bit-tomna, u joqogħdu l-pjazza, jitkellmu fuq is-sengħa tagħhom.

SANTU KRUĊ

Nhar Santu Kruċ, il-festa tas-salib imqaddes, kienet issir processjoni bis-salib, bl-istatwa ta’ Santu Rokku u relikwa tas-salib ta’ Kristu taħt il-baldakkin.  Din il-proċessjoni kienet wegħda tal-kleru u tal-poplu b’radd il-ħajr għall-ħelsien ta’ epidemija.  Malli tidħol il-proċessjoni, l-poplu kien ikanta għal  tliet darbiet “Misericordia” fuq l-artal tal-Kurċifiss.

Tul ix-xahar ta’ Mejju kienet issir priedka kuljum minn qassis jew patri differenti filgħaxija, għax dari ma kienx isir quddies filgħaxija.  U f’dan ix-xahar ukoll kienet issir il-festa tal-Madonna tal-Karita’.  Din kienet issir minn fratellanza apposta, u kull fratell kien ikollu “baċir” imżejjen.  Dawn il-baċiri, lejlet il-festa kienu jinġiebu mill-knisja tat-Trinita’ fi Triq San Lawrenz akkumpanjati  mill-banda.  Kull baċir kien ikollu statwetti b’episodji mill-vaġelu u kien ikun imżejjen b’ħobż ta’ l-injam.  Il-baċiri kienu jitqiegħdu fl-oratorju ta’ San Ġużepp.  L-għada kienu jinħarġu fil-proċessjoni, u kull fratell kien jinkariga persuna biex iġġorlu l-baċir, u hu jakkumpanja bix-xemgħa.  Oriġinarjament il-baċiri kienu tilari bil-ħobż li mbagħad kien jitqassam lill-foqra, imma biż-żmien saru dekorattivi.  Il-baċiri kienu oġġetti personali tal-fratelli li kienu anke jżommuhom fi djarhom.  B’xorti tajba għad baqa’ wieħed li narawh fil-Mużew tal-Parroċċa.

Lapsi kien żmien il-bandli.  Dari d-djar kienu kollha b’xi bitħa, u t-tfal kienu jsibu mezz kif jorbtu ħabel biex jitbandlu.

Fix-xahar ta’ Ġunju, l-festa tal-Qalb ta’ Ġesu kienet tkun tassew gwappa.  Kienet saret magħrufa ma’ Malta kollha għas-solennita’ tagħha.  Fuq l-artal maġġur kienet tintrama raġġiera kbira, u fil-għoli kienet titqiegħed l-isfera bl-Ostja Kkonsagrata fuq dinja, jew globu, miżmuma minn grupp ta’ anġli.  Il-gwerra qerdet mhux biss lil din l-opra hekk sabiħa u artistika, imma wkoll lis-solenita’ li biha kienet iċċelebrata l-festa.  Anke fil-knisja tal-Lunzjata, għal din il-festa kien jintrama pavaljun kbir, b’ġilandra mill-isbaħ.

Wara kienu jibdew l-għaxar Erbgħat ta’ San Lawrenz, b’ċerimonja kull filgħaxija bi tħejjija għal Jum San Lawrenz. Il-jum ta’ qabel l-ewwel Erbgħa kien magħruf bħala “Jum il-Mota”, għax kienet tindaqq mota bil-qniepen kollha tal-parroċċa biex tgħarraf lid-devoti li l-għada se jkun l-ewwel Jum ta’ l-Erbgħa f’ġieħ il-Levita padrun tal-Birgu.

Jgħaddu l-Erbgħat u tasal il-festa.  Din ukoll tibda b’mota ġenerali bil-qniepen kollha tal-Parroċċa, mota li tindaqq filgħaxija qabel tibda n-novena – jiġifieri disat ijiem qabel il-festa.  In-novena kienet tibda b’quddiesa fis-sitta ta’ filgħodu u tkompli b’funzjoni u priedka fuq San Lawrenz wara nofsinhar.  It-8 ta’ Awissu kien imsejjaħ Jum l-Antiviġilja.  Dan għaliex għal bosta snin, lejliet il-festa kien obbligu ta’ sawm.  Fil-Birgu bosta kienu jsumu billi jieklu biss il-frott, u oħrajn ma kinux jieklu ikel imsajjar bin-nar.   Filgħodu fil-knisja, l-istatwa ta’ San Lawrenz kienet titqiegħed fuq l-artal u qassis kien ibiddel il-ħwejjeġ ta’ l-istatwa u jlibbisha l-ħwejjeġ tal-festa.  Bosta tfal kienu jinġabru jarawh ilibbes l-istatwa bil-libsa eleganti u sabiħa tal-festa.  Il-funzjoni fil-knisja kienet tkun bil-piena orchestra.  Fit-8 t’Awissu kienu jibdew ukoll il-festi esterni billi l-banda kienet takkumpanja statwa tal-qaddis li mbagħad titqiegħed fuq kolonna għolja f’post prominenti.

Lejlet il-festa filgħodu kienet issir ukoll l-aħħar priedka tan-novena.  Din allura kienet tkun speċjali, billi s-suġġett tagħha kien ikun ir-rebħa tal-Birgu fl-Assedju l-Kbir.  Il-poplu kien isejħilha “l-priedka ta’ l-Assedju”.  Wara kien jitkanta t-Te Deum li jkun ifisser li ntemmet in-novena, u mad-daqq tal-qniepen jibda l-marċ tal-banda.  Kif il-banda tasal il-pjazza kien ikun hemm ballun kbir li jinfetaħ b’musketterija u minnu joħorġu għadd ta’ għasafar.

Wara nofs in-nhar issir translazzjoni u għasar b’mod pontifikali – jiġifieri li fuq l-artal ikun hemm iċ-ċelebrant megħjun minn żewġ djakni, u jkun hemm ukoll erba’ persuni oħra lebsin il-kappa.  Nhar il-festa, l-Arċipriet ta’ San Lawrenz kien igawdi privileġġ li jqaddes pontifikali – bħall-isfqijiet – li jkun ifisser li flok żewġ djakni jkunu erbgħa lebsin it-tuniċelli.  Naturalment dawn l-istili ta’ ċerimonji nqatgħu minn wara ż-żjara tal-Kardinal Lepicier fl-1936.

Nhar San Lawrenz kienu ħafna dawk li jsegwu ċ-ċaqliq tal-kwiekeb – kwiekeb feġġejja msejħa ‘Dmugħ ta’ San Lawrenz”.  Oħrajn kienu jfittxu fil-ħamrija biex isibu frammenti żgħar ta’ ġebel imbaskat imsejjaħ il-“Faħam ta’ San Lawrenz”.  Billi dak iż-żmien kien hawn faqar konsiderevoli, fil-festa kien jitqassam il-“Ħobż tal-Fqar.”  Il-festa ta’ San Lawrenz, fil-port, kienet waħda marittima, u bħall-Imnarja, kienet okkażżjoni għall-għarus li jieħu l-għarusa għal din il-festa.  Kienu jiġu ħafna Għawdxin li kienu jorqdu barra taħt tined apposta, u dak in-nhar il-bibien tal-Birgu ma kenux jingħalqu mis-suldati.

Kien hemm żmien meta wara s-sena 1813 il-festa tbiddlet għal pelligrinaġġ bit-talb u l-orazzjoni u bla ebda mużika; u fil-proċessjoni kienu joħorġu mhux biss l-istatwa ta’ San Lawrenz, imma wkoll dik ta’ Santu Rokku.

Sa mis-sena 1893, fl-aħħar jiem ta’ Awissu bdiet issir festa oħra esterna – festa f’ġieħ San Duminku.  Kienet issir mill-knisja tal-Lunzjata.  Din il-festa sabet l-appoġġ ta’ każin ieħor tal-banda, u r-riżultat kien firda kbira fost il-popolin żgħir tal-Birgu.  Kienu ħafna l-okkażjonijiet ta’ għajb li nħolqu biss kawża ta’ dawn iż-żewġ festi reliġjużi.

SETTEMBRU

Il-Birgu dejjem kien hemm nies ta’ sentimenti patrijottiċi.  Ir-rebħa ta’ l-Assedju baqgħet stampata fil-qlub ta’ nies din il-belt.  U kien hawn li nibtet il-festa tal-Vitorja tal-Assedju.  Kienet issir minn bosta snin qabel proċessjoni bi kwadru antik tal-Madonna msejjaħ “tal-Vittorja” waqt li l-Arċipriet nhar is-7 ta’ Settembru mhux biss kien iqaddes għal ruħ dawk li mietu fl-Assedju, imma wkoll kien joħroġ ibierek l-inħawi tal-pjazza li parti minnha kien iċ-ċimiterju.  Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ingħaqdu ma’ ċelebrazzjonijiet esterni bil-baned u bin-nar, u hekk feġġet il-Festa Nazzjonali fil-Pjazza, b’diskorsi minn patrijotti Maltin.  Ġara pero li kawża tal-firda li kienet twieldet bil-festi esterni ta’ San Lawrenz u San Duminku, din il-festa Nazzjonali spiċċat okkażjoni oħra ta’ firda u mietet fuq ommha, waqt li nġarret minn bliet u irħula oħra fostna.

Il-Birgu għandu wkoll inħawi li twieldu mill-ġrajjiet u użanzi folkloristiċi.  Hekk ngħidu aħna: Il-Prexxa – il-post minn fejn daħlu t-Torok fl-Assedju meta għamlu fetħa fis-sur ta’ Kastilja.  It-Toqba – li kienet saret apposta biex bil-lejl fl-Assedju jinġarr il-proviżjon u għajnuna oħra lejn Sant’Iermu. Il-Pjazza – kienet il-lok fejn jiltaqgħu d-difensuri, waqt li l-Pjazzetta kienet fejn tinġabar il-maġġuranza tal-poplu.  Il-Ballett – fejn, skond it-tradizzjoni, beda l-Karnival.  Il-Ġenna – post qrib il-knisja fejn jintrefgħu il-vari.  Il-Banju tal-Paġġi, id-Daħla, il-Bir tas-Skieken, il-Palazz ta’ Bettina – fejn twieled u trabba l-Kardinal Xeberras, it-Triq ta’ Lhud – fejn il-Lhud kellhom il-ghetto tagħhom, id-Dar tal-Qalb ta’ Ġesu, il-Fortini, il-Ħwejna – dawn huma kollha postijiet marbutin ma ġrajjiet folkloristiċi.

Ma xtaqtx inħalli barra d-daqq tal-Lawdijiet fil-Birgu.  Dan kien sinjal bid-daqq ta’ qanpiena żgħira kull meta titwieled tarbija. Jindaqqu l-Lawdijiet b’sinjal ta’ tifħir lil Alla għat-twelid ta’ persuna ġdida.

B’hekk dorna dawra mas-sena u tajna tagħrif fuq xi drawwiet qodma fil-Birgu.

Kelma ta’ l-aħħar: Xi ftit snin ilu l-Gvern kien qatagħha li fil-Palazz ta’ l-Inkwiżitur isir mużew tal-Folklor.  L-Għaqda tal-Folklor ħadmet ħafna għal dan il-għan u nġabru ħafna oġġetti li kellhom x’jaqsmu mal-Folklor.  Sar xogħol mill-Public Works Department biex il-Palazz jissewwa.  Jiddispjeċini li l-aperturi kollha, minflok issewwew, saru ġodda, u l-ħitan li f’bosta minnhom kien hemm il-grafiti tbajdu bil-ġir.  Intant il-Palazz infetaħ bħala Mużew tal-Folklor u niftakar li f’sala tal-piano nobile tqiegħdu l-karrijiet tal-mejtin.  Il-Mużew infetaħ nhar il-5 ta’ Diċembru, 1981 – sebat ijiem biss qabel l-elezzjoni.

 Żmien wara daħlet l-idea ta’ Mużew tal-Etnoloġija, li jsir fil-Berġa ta’ Franza l-Birgu stess.  Xi oġġetti fil-mużew tal-folklor ntbagħtu Għawdex u oħrajn għebu fl-inventarji.  Magħhom għeb ukoll il-Mużew tal-Folklor.  Jingħad li l-Palazz tal-Inkwiżitur hu wkoll mużew etnoloġiku u tal-ġrajja inkwiżitorjali.  Il-Berġa ta’ Franza saret Mużew ta’ l-Ilsien Malti…iżda baqgħet BLA LSIEN