Struttura, ġen. magħmula minn tliet ġebliet kbar, tnejn weqfin u waħda sserraħ orizzontali fuqhom.  Fl-Ewropa jinsabu numru kbir ta’ dolmen. F’Malta dawn huma meqjusa li jmorru lura sa żmien il-Bronż (ċ.1500 – 700 Q.K.) L-arkeoloġi jxebbhu l-użu tad-dolmen f’Malta ma’ dawk tal-Ewropa, fejn instab li dawn kienu x’aktarx iservu ta’ oqbra. Biss f’Malta qatt ma nstabu oġġetti funerarji relatati magħhom. U aktar possibbli li bosta mid-dolmen setgħu kienu parti mill-kostruzzjoni tat-tempji megalitiċi (3,800 – 2,500 Q.K.)  Fost id-dolmen li nafu bihom hemm dawk ta’ Wied Filep, limiti tal-Mosta, dak ta’ Ċenċ, Għawdex, u dak tal-Qala, magħruf bħala l-Ġebla ta’ Sansuna. Dolmen oħrajn huma dawk ta’ Wied Żnuber f’Birżebbuġa; Ta’ Misraħ Sinjura, li jinsab bejn is-Siġġiewi u l-Qrendi; u Ta’ Ħammut, f’Qalet Marku. Il-fdalijiet tal-ġebel li hemm fil-Lukanda Dolmen f’Buġibba, huma ċertament fdalijiet ta’ tempju megalitiku bħal ħafna oħrajn. Ara: Malta – Prehistory and Temples ta’ David H. Trump, pp. 276 – 270.