L-Imgħallem Ġorġi….

Stenn, stenn, kos; qabel xejn hemm bżonn niftiehmu. Jiena sa nsemmih Ġorġi; iżda la naf kienx jismu Ġorġi, u la Wenzu u la Doru. Minn ftit ‘il hawn, semmejt bosta nies b’isimhom; imma dawn l-ismijiet ħlaqthom jiena: L-imħallef Armanin, u Toni ta’ Warda, u Ġamri ta’ Wied Qannotta, aktarx qatt ma kienu fid-dinja; jekk xi isem qabel, għax seħlet1 ġiet hekk. Jiena nistqarr li ma rrid insemmi u nriegħex lil ħadd – Ma kellix nisma’ li xi ħadd ħa għalih!

Mela l-imgħallem Ġorgi ma kienx iħobb ħlief qabil ix-xagħar2 u bhejjem ta’ laħam il-kelb3: il-bhejjem ta’ l-ifrat4 setgħu ma nħalqux, u anqas qabil is-suf5.

  • U dan biex inhu ġej? Dal-qabil u dal-laħam il-kelb! Int xi ħsibtna?

Mela biex tifhimni, ingħidlek specie equina, specie bovina, hux? U jekk int Malti, mhux għajb għalik ma tafx li laħam il-kelb huma l-ħmar u l-bagħal; u qabil ix-xagħar, iż-żiemel; u frat, il-baqar; u qabil is-suf, in-ngħaġ u l-mogħoż?

Mela Ġorġi kien sar xiħ għakka; imma kliemu dejjem fuq xi ferħ ta’ bagħal. Fi żmien, kellu bagħla xehba6;  u dam snin ma jħaddimhiex: tiekol is-sena kollha, u tiġri nhar l-Imnarja, u nhar Santu Rokku. Meta kienu jistaqsuh kemm il-palju ħadet, kien iwieġeb: “Jiena il-paljijiet nagħmilhom utajja7. U fit-30 ta’ Ġunju u fis-17 ta’ Awissu, erħilu jdawwarha mar-raħal bil-banda, u qtajja’ ta’ tfal igħajtu, u grezzju, ix-xrik8 tiegħu, bil-palju f’idu, ixejru għal fuq il-bagħla, u xrik ieħor jitmagħha l-biskuttini minn ġo ġewlaq.

Iżda l-bagħla x-xehba kienet xjieħet bħal sidha; u sidha ħaseb u ra li jdaħħal ferħ ta’ bagħal, iżda li jkun ta’ raġel. Il-ħuttaba9  xammew, u ħalqulu ferħ… kif jifhmu huma. Daqqa ta’ lima ma ċċekkinx is-snien, u ħasla ta’ spirtu ma ġġibx is-suf ileqq daqs mera?

“Mgħallem Ġorġ, kelma bis-sensja.”

“X’hemm, Żann?”

“X’ferħ ta’ bagħal għandi f’idejja! Ma hawnx konformih10. Għalik igħodd. Sidu bil-għatx; jien għandi fehma li bi tliet mija u ħamsin skud neħduhulu.”

“Ħallik minn tliet mija u ħamsin skud!”

“X’inhu? U trid tagħtini x’nixrob ta’ raġel. Jiena ħsibt fik għax lilek jixraq: minn għand ħaddieħor erba’ mija u ħabba nġib fih. Ma ġara xejn: ħbieb konna u mija nibqgħu. Alla jibgħatha tajjeb, Mgħallem Ġorġ.”

“Iva isma’.”

“(Ġewwa x-xilep!) Huwa jiena imgħaġġel, għallem: għandi nofs kliem ma’ħaddieħor.”

“Xi żmien għandu?”

“U xi żmien għandu? – Disgħa… għaxra… ħdax!”

“Tagħmilli tajjeb?”

“Ngħamillek.”

“Taħlifli?”

“Naħliflek.”

“X’lewn hu? X’lewn hu?”

“Iswed bellus.”

“Rasu ?”

“Ta’ żiemel.”

“Widnejh ?”

“Daqs fula.”

“Sidirtu u ngropptu11?”

“Daqs frejgata.”

“Jiekol xejn? Għax min jiekol żomm miegħu, Żan!”

“Tgħid nafx!”

“Jiġri xejn?”

“Għall-ġiri, żiemel.”

“U jkollu jaħrat?”

“Għall-ħrit, baqra.”

“Għaqel xejn12?”

“Daqs it-tajn tqatta’ u tiekol minnu.”

“U l-erba’ mardiet li jekk ikollu lilhom jinradd..?”

“Tgħid nafhomx! Pilzju13, bukagħwieġ, agħma u wġigħ iż-żaqq.”

“Iva nistgħu narawh tal-ferħ ta’ bagħal tiegħek ?”

“Imma mhux illum: irridu nġibuh minn ġewwa.”

“Fejn ? il-Fiddien ? Għajn Riħana ? Is-Samti?

“Għada tkun taf, meta ngħidlek. Alla jagħmel ir-riżq. Mela ftehimna.”

U l-għadda Żanu u Randu ġebulu l-bagħal. Kien sabiħ, smajtx; u l-għajnejn raw dak kollu li kien qal Żanu. L-imgħallem Ġorġ inħall. Beda jdur miegħu u jmellsu, u jtaptaplu, u jerfagħlu saqajh u jikxiflu snienu.

Żanu ħadem kemm sata’! Min jaf kemm il-darba ġibed fil-ġenb, issa lil Ġorġi u issa lil Randu, sid il-bagħal, għenilli ! U kemm kliem qallhom f’widnejhom! U kemm il-darba għaqqdilhom idejhom flimkien !X’ma tismax ! – “itla tarġa’ mgħallem ! inżel xifer, Rand !

“U inthom irġiel it-tnejn ! – Il-bagħal għalik igħodd ! – Għidlu Alla jagħmillek ir-riżq, Rand!”

U qallu, u telaqlu l-kappestru f’idejn ix-xrik, u Ġorġi daqqlu tliet mija u sittax l-uqija, għaxar skudi anqas milli kien semma l-ħuttab, ħatba ta’ l-infern. U l-ħotba kienet tajba wkoll, sitt ewwieq;  u ġie għalihom l-għada.

Issa trid tara l-ferħ ta’ Ġorġ bil ferħ ta’ bagħal li daħħal ! f’xi t-tlieta, ġagħal ix-xrik tiegħu jarmah fil-karrettun, biex joħroġ idur dawra bih fir-raħal, ħalli juri kif għandhom ikunu l-ifrieħ ta’ l-ibagħal. Hu rikeb fuq is-salib, u x-xrik ma’ ras il-ferħ.

Ma’ l-ewwel erba’ passi, iltaqgħu ma’ Vuntur, raġel xiħ igħakkeż14 fuq il-ħatar. Waqaf iħares lejhom, għax kien ħabib ta’ Ġorġi, u qallu:

“Alla jagħmillek ir-riżq, Ġorġ !”

“Lil kulħadd j’Alla !x’jidhirlek? Hux ferħ ta’ raġel?”

“U ngħid, għandek tletin sena taħt wirkejk15 !”

“Iddaħħakni Vuntur!”

“Idħak kemm trid, xbin: Hekk tletin sena u farka għandu. Naf meta twieled u fejn trabba. Din id-darba xeddewlek il-qalziet minn rasek – Alla jibgħatha tajba.” U baqa’ sejjer.

Il-ħuttab… il-bejjiegħ… xhud… ġlied…. tmerija… taħrik…. quddiem l-imħallef… qorti …. nies tisma’…

L-imħallef: “X’għandek xi tgħid, Ġorġ, għal Żanu?”

Ġorġ: “Sinjur, ħotobli bagħal ta’ Randu, qalli li għandu xi għaxar snin: xtrajtu u nsib li għandu tletin. Randu x-xhud ta’ kollox.”

L-imħallef: “Int xi tgħid Żan?”

Żanu: “ Ma qalx kollox sewwa, sur imħallef; jien għidtlu li għandu tletin.”

Ġorġ: “Mhux tabilħaqq ma semmejtlix tletinijiet.”

Żanu: “semmejtlek, iżda inti nsejt.”

Ġorġ: “Ma nsejtx: għidtli: “u x’għandu? Disgħa, għaxra, ħdax.”

Żanu: “Narrah imbierek il-ħalib li tatek ommok! Issa għedt sewwa.”

L-imħallef: “Mela għandu raġun Żan. Hekk mhux għaxra jiġu?

Żanu: “Sur imħallef, ikkumpatini; jiena ma tantx ninqala’. Kif għandek il-pinna f’idek, ikteb taħt xulxin disgħa, għaxra u ħdax, ara jġibux tletin. Jiena ħabbat moħħi wisq, u tletin ġibthom; imma jista’ jkun li mort xagħwiet16.”

L-imħallef: “Eħħ, Żanu, xitan ! li kont nista’ nwaħħlek ! Ġorġ, ikollok titqanna bil-bagħal, ħej: u darba oħra tagħllem agħmel il-kontijiet, għax donnok sa l-għaxra taf tgħodd.

Ġorġi dawwar wiċċu u ħareġ il barra. Fil-bieb żammu l-avukat tiegħu u qallu:

“Smajthom xejn idoqqu l-knejjes? Tliftha bl-ispejjes ! (imma jien ma tlifthiex !)

 

Nota: Qabil tfisser qatgħa nies (jew bhejjem) ta’ xeħta waħda

 

  1. Ħaslet – bl-ewwel żewġ konsonanti mqallbin
  2. Żwiemel
  3. Ħmar jew bagħal
  4. Baqar
  5. Ngħaġ u mogħoż
  6. Xehba – Ta’ lewn ixheb, griż.
  7. L-utajja huma dawk il-bċejjeċ ta’ xoqqa ħoxna li jitqiegħdu mitnijin fuq dahar il-bhima taħt il-berdgħa. Hawnhekk aktarx li jfissru dawk il-biċċtejn li jkunu mdendlin fuq kull ġenb tal-bhima.
  8. Sieħeb, Soċju
  9. Broker / match maker
  10. Bħalu
  11. Hip
  12. Matur
  13. X’aktarx mill-kelma taljana bolso, marda taż-żwiemel, leħġa man-nifs u sogħla.
  14. Jitwieżen / jserraħ il-piż tiegħu fuq il-ħatar (bastun)
  15. Thighs
  16. Żmerċ