Jew DUKKIENA

1. Fid-dinja Għarbija d-dikkiena hi speċi ta’ mejda tal-bejgħ imqegħda apposta barra l-ħanut. Fil-kuntest Malti, dan jista’ jkun il-bank ta’ ħanut tax-xorb. Jista’ jkun ukoll speċi ta’ bank tal-ġebel li jkun imqiegħed la ġenba fi knisja jew f’bini ieħor, biex min irid ipoġġi bil-qiegħda fuqu u  jserraħ dahru mal-ħajt. Id-dikkiena insibuha l-aktar f’xi kappelli antiki, bħal per eż., fil-kappella ta’ Ħal Millieri. 2. Topografija ta’ bosta postijiet fil-kampanja fejn il-blat ikun fl-għoli u maqtugħ mill-bqija tal-madwar bħal xkaffa. Blataforma. Fil-ktieb Place-Names of the Maltese Islands, insibu seba’ inħawi fil-kampanja fejn jingħata dan l-appellattiv. Hekk insibu, id-Dukkiena tal-Għarbi fl-inħawi ta’ Tal-Qadi, jew id-Dukkiena ta’ Bonan ‘lil hinn mis-Siġġiewi. Għ. dhakkana – M. bank jew mejda fejn jinbiegħu affarijiet tal-merċa. Ħanut.  E.S.I. Il-Miklem Malti, It-Tieni Volum.