Kien hemm żmien qrib is-sena 1900 meta fil-Port il-Kbir ta’ Malta kont tara geġwiġija ta’ bċjjeċ tradizzjonali tal-baħar iħufu madwar il-bastimenti tal-gwerra Ingliżi u bastimenti oħra tal-merkanzija jew tal-passiġġieri. Fi stħarriġ li kien sar fl-1920 intqal li kien ikun hemm qrib 2000 biċċa tal-baħar fil-Port.1

Kitba u tpinġijiet tad-dgħajjes ta’ Joseph Muscat. Irfinar tal-ixbihat minn ilmiklem.com.

Dan l-artiklu deher oriġinarjament f’żewġ taqsimiet ippubblikati fl-Imnara (Vol. 9, Nru 4, 2011 u Vol.10, Nru 1, 2012)

Wieħed ma jridx jinsa li qabel ma daħlu fl-użu l-karozzi tal-linja, l-uniku meżż biex taqsam mill-Kottonera għall-Belt jew bil-maqlub kienet id-dgħajsa tal-pass. Kien hemm dgħajjes oħra ikbar dawk tax-xogħol li kellhom servizz ghal Marsamxett, San Giljan, San Gorg u saħansitra kienu jaslu sal-Mellieħa, iva kont trid tħallas tliet skudi għall-vjaġġ bħal dak.

Is-servizz tal-lanċa beda fl-1881 u ħab miegħu ħafna oppożizzjoni min-naħa tal-barklori għax kienu jistennew li ser jitilfu ħobżhom. Is-servizz tal-karozzi tal-linja beda fl-1918 u sar iżjed tħassib min-naħa tal-barklori.2 B’danakollu kien għad hemm ħafna xogħol għall-barklori biżżejjed wieħed iżomm f’rasu li ġieli fil-Port kien ikun hemm 90 bastimenti tal-gwerra Ingliżi. Dawn kellhom madwar seba’ ammiralli biex imexxuhom, b’1400 fizzjali, 20,000 baħrin u 3,000 baħrin oħra Maltin impjegati man-Navy Ingliża. Madwar 200 barklor kienu jiddependu fuq ix-xogħol tagħhom man-Navy Ingliża u kien hemm madwar 600 oħra li ħobżhom kienu jsibuh f’servizzi fil-Port il-Kbir.

Daqqa t’għajn lejn ix-xatt tal-Isla ta’ dawk iż-żmenijiet kont tara ħanut imiss mal-ieħor ta’ parrukkiera, ħajjata, tal-laundry, ħwienet tax-xorb, dawk li jgħaddu l-ilbiesi, ħwienet taż-żebgħa u tant u tant oħrajn. Wieħed i-ib quddiem għajnejh it-taħlit tal-familji  b’kunjomijiet Ingliżi li għadek issibhom hemm sallum. Sar taqlib demografiku, tekniku, ekonomiku, reliġjuż, soċjali u kulturali u dan kollu jimmarka ż-żmien li jgħaddi u ma jerġax lura!

L-ewwel taqsima 3

Id-dgħajsa tal-pass jew tal-passiġġieri fost id-dgħajjest radizzjonali Maltin għandha storja twila ħafna. Jidher li ser ikun mogħti lilha wisq iżjed spazju u dettalji mill-bċjjeċ l-oħra kollha Maltin. Dan bir-raġun kollu għax hi kienet ħaga waħda mal-istorja tal-Port il-Kbir speċjalment minn żmien il-kavallieri kważi sallum. Żgur li minn mindu fil-Port il-Kbir kienu jidħlu xi bastimenti kbar jew żghar kont issib xi tip ta’ dgħajsa biex twassal in-nies minn fuq bastiment sax-xatt tal-Birgu, forsi wisq iżjed minn partijiet oħra tal-Port il-Kbir. F’dan iz-żmien bikri tal-istorja ta’ Malta m’għandniex l-iċken ħjiel ta’ kif setgħet kienet dik id-dgħajsa.

L-ewwel ħjiel tad-dgħajsa tal-pass jissemma’ għas-sena 16014 iżda minn hemm ‘il quddiem tibda tidher fi stampi ta’ kitbiet ta’ Schellinks (1664-65), fil-manuskritt ta’ La Touche (1750) fil-pittura hekk magħrufa bħala Piccola Barriera (1750) f’akkwarell ta’ Vincenzo Fenech (1790) u fil-pittura tal-aħwa Schranz mal-bidu tal-perjodu Ingliż f’Malta. Tidher imbagħad f’ħafna ritratti li bdew jidhru fl-aħħar tas-seklu dsatax li bejniethom dawn kollha jagħtuna l-evoluzzjoni tad-dgħajsa tal-pass.

Fil-kodiċi ta’ Vilhena tal-1724 u wara f’dak ta’ DeRohan tal-1784, insibu bosta tagħrif dwar id-dgħajsa tal-pass. Kien hemm dik iz-żgħira magħrufa bħala ferilla li kienet tagħti servizz biss bejn L-Isla u l-Birgu, kellha qaddief wieħed ta’ ‘l fuq minn tmintax-il sena. Kien hemm ukoll id-dgħajsa tal-pass il-kbira li kienet taħdem bejn il-Kottonera u l-Belt; din kellha żewġ barklori li ma setgħux ikunu inqas minn tmintax-il sena. Kull qaddief taż-żewġ xorta ta’ dgħajjes kien obbligat iġorr miegħu lanzetta biex jiddefendi ruħu minn xi lsiera li jippruvaw jieħdu f’idejhom5 xi dgħajsa biex jaħarbu minn Malta. Waqt li barklor tad-dgħajsa l-kbira setgħa jinżel l-art biex iħajjar xi passiġġieri jużaw id-dgħajsa tiegħu sieħbu kellu jibqa’ fuqha għassa għal xi lsiera li jippruvaw jieħduha f’idejhom. Kull dgħajsa tal-pass mad-daqq tal-Ave Marija kellha tittieħed fil-madndraġġ ta’ Bormla jew dak ta’ taħt Sant’Anglu u hemm tintrabat b’katina bħala sigurezza kontra l-ilsiera.6

Ix-xogħol tal-bini tad-dgħajjes seta’ jsir bis-saħħa ta’ ħafna mgħallmin tas-sengħa professjonali u mhumiex u mħabba l-ħafna barklori li kien hemm li kienu jaqilgħu ħobżhom minn dak ix-xogħol. Għedna mgħallmin professjonali għax kienu dawk li kienu jaħdmu biex jgħixu minn dik is-sengħa. Kien hemm oħrajn impjegati fit-tarzna tal-Ingliżi li wara x-xogħol kienu jaħdmu d-dgħajjes tagħhom. Kien hemm min tgħallem waħdu. Del Ceppo kien wieħed minn dawn li darba xtara frejgatina u żarmaha biex ikun jaf kif tinbena; illum għandu negozju kbir ta’ jottijiet għall-manutenzjoni u tiswijiet.7

Kont tara mgħallem professjonali jgħmel xi dgħajsa kien jagħti l-impressjoni li ma kienx hemm għaġġla biex ilestiha. Niftehmu, id-dgħajjes tadizzjonali qatt ma saru bit-tużżani jew bil-mass production. Il-fraxxnu, l-injam l-iżjed użat fil-bini tad-dgħajjes, kien dan l-aħħar l-iżjed li jigi Malta mill-Albanijna. Iz-żmien li qafas ta’ dgħajsa jdum fuq l-iskall iservi biex l-injam ikompli jinxef f’postu. Mgħallem tajjeb u professjonali kien jaħseb biex jaħzen l-injam li jkollu bżonn biex jilħaq jinxef. Wieħed minnhom qalli li jkollu njam li kien ilu għandu fil-ħanut tax-xogħol għal ħmistax-il sena.

Meta wieħed joqgħod jaħseb li l-injam għad-dgħajjes kien jiġi kollu minn barra ara kemm kien iqum flus. Jintuża l-fraxxnu, tal-aħmar, tal-abjad, il-kewba għat-tappiera, fagu ghal imqadef, xi biċċa tik għar-roti, greenheart jew linju sant għal xi skalm u kultant kien jintuża xi biċċa ħarrub jew żebbug għaz-zokk li biha kienu jgħaqqdu r-rota mal-prim. Illum is-sapele daħal flok il-kewba u t-tik lanqas biss ixxommu. Flok il-fagu daħal injam ieħor biex il-moqdief ikun eħfef minn wieħed tal-fagu. Mgħallem tajjeb joqgħod attent ħafna biex kemm jista’ jkun ma jdaħħalx fix-xogħol injam stradiljat f’xi biċċa mill-partijiet tad-dgħajsa; injam hekk ikun bla saħħa. L-imgħallem Toscano qalli darba li hu kien jiftakar żmien meta qata’ ta’ zokk għat-tul kienu jħallsu 1/4d jew 1/2d. Dak kien żmien meta kien għadu jiġi Malta njam ta’ zkuk ħoxnin li minnu kienu joħorgu l-majjieri u l-istamnari u bċjjeċ oħra ta’ dgħajsa li jkunu għat-tond ngħidu aħna brazzoli u l-bqija. Peter Caruana minn Għawdex jiftakar meta kienu jġibu l-greenheart minn barra maqtugħ tal-qies lest biex bih jagħmlu l-prim ta’ dgħajsa tal-latini, kien ixarrab biċċa, jagħti daqqa jew tnejn biċ-ċana biex jippuli l-prim, jerga’ jsinn iċ-ċana u jkompli hekk għat tul kollu. Wieħed iżomm f’rasu li qed nitkellmu mil-linju sant li l-għebbusija tiegħu hi magħrufha sewwa.

Ix-xogħol tad-dgħajjes tradizzjonali kien isir go ħanut tax-xogħol u dejjem fil-magħluq. L-ewwelnett ix-xogħol ta’ dgħajsa kien hekk delikat u fin li ma tistax tħallih għax-xemx u x-xita fil-beraħ. Barra minn hekk l-imgħallmin kienu dutturi wisq u kienu jibżghu li jeħdulhom is-sengħa jew l-għodda. Din l-attitudni għadha tinħass sallum bħallikieku kienu għadhom nies tas-sengħa privileġġjati u li jinqatgħu għalihom.

Darba kelli x-xorti li flimkien ma’ Honor Frost8 inżur il-ħanut tax-xogħol ta’ Karmenu Sgendu meta kien qed jibni dgħajsa tat-tiġrija. Tiskanta kif Karmenu kien jaħdem hemm fil-ħanut żgħir tiegħu u li trid tinżel fih bi ftit turġien. Din Honor Frost baqgħet skantata u daret fuqi tistaqsini jekk kienx possibbli li d-dgħajsa joħorguha minn hemm meta tkun lesta. Jien żgurajtha li Karmenu kien jaf x’inhu jagħmel. Niftehmu, kien hemm xi każ jew tnejn ta’ mgħallem li bena dgħajsa u wara li tlestiet induna li ma kienx possibbli li joħrogha mill-ħanut bla ma jwaqqa’ biċċa minnhu. Dan ifakkarni f’dak li kienu jagħmlu fl-arsenal tal-galeri li kien hemm fil-mina llum tal-lift u li nħaraq fl-1685.9 Waqt li galera tkun qed tinbena bil-pruwa ‘l barra d-daħla wiesgħa kienu jimbarrawha bil-ġebel li jitneħħa meta l-galera tasal biex tkun varata. Kienu jaħdmu taħt is-saqaf u bil-magħluq biex ma jsirx serq ta’ materjal.10

Fi triq prinċipali li tagħti, int u nieżel in-niżla tax-Xewkija fil-Kalkara, kien hemm ħanut tax-xogħol ta’ xi bċjjeċ tal-baħar. Wieħed seta’ jara ċar u tond kanal kull naħa fil-koxox tal-bieb u għalhekk fiċ-ċaċċiżi wkoll biex il-biċċa tal-baħar lesta minn kollox tkun tista’ toħroġ mill-bieb żgħir tal-ħanut jekk mhux wieqfa fuq il-prim tagħha joħorguha la ġenbha bl-għajnuna tal-ispazju maħluq bil-kanal li kien hemm kull naħa tal-bieb. Wieħed jifhimha mill-ewwel li qabel kollox l-imgħallem kien jiżbokka l-bieb minn postu.

Meta wieħed jifli l-manuskritti tad-Dwana jinduna li l-permessi maħrugin għall-bini ta’ xi ħwienet għax-xogħol tad-dgħajjes kienu kollha maħsubin biex ikunu temporanji bl-użu ta’ soqfa tal-landa jew corrugated. Hawn wieħed jinduna li l-awtoritajiet Ingliżi tal-Port kienu joqogħdu attenti għall-ambjent. Meta wieħed jinżel ix-Xewkija fil-Kalkara jinduna kif certi ħwienet għax-xogħol tad-dgħajjes nibtu u żdiedu jmissu kważi ma’ xulxin sa taħt is-sur; tista’ tgħid li dawn illum huma mużew jew biċċa mill-wirt marittimu ta’ Malta.

Fil-Kottonera, iżda mhux biss, kien hemm mgħallmin tad-dgħajjes li baqghu msemmijin ħafna għal xogħolhom. Kont titkellem ma’ Toscano kont tieħu gost għax tassew kien bniedem tas-sengħa. Dan kien imfittex ħafna għax-xogħol ta’ tiswija u kellu l-ħanut tiegħu fis-sur fil-Ponta ta’ L-Isla. Il-Guli għadu msemmi għad-dgħajjes tat-tiġrija u għall-frejgatini li kien jagħmel. Maniscalco f’Marsaxlokk kien jagħmel ħafna xogħol ta’ tiswija u kien tassew tas-sengħa. Karmenu Sgendu u ibnu Wenzu li ha s-sengħa ta’ missieru taw kontribut kbir fis-sengħa tad-dgħajjes. Pule kien imsemmi ħafna b’mod speċjali għall-giggijiet tat-tiġrija li ġieli nxtraw minnhom għal Ġibilta11 u għal Iżrael. Del Ceppo nqata’ għalih waħdu billi rnexxielu jibni negozju kbir għall-jottijiet. Tunanu llum għadu mfittex għax-xogħol tiegħu b’mod speċjali dawk li huma bċjjeċ tat-tiġrija. B’daqshekk ma semmejt xejn għax kien hemm bosta oħrajn fil-Kalkara, Birżebbuga, Wied iż-Żurrieq, il-Gżira, l-Imsida, Għawdex u postijiet oħrajn li taw xogħlijiet mill-isbaħ u mill-aħjar.

Qabel ma nkomplu niddeskrivu d-dgħajsa ta’ Malta ta’ min wieħed ikun jaf li għal żmien twil ħafna fi żmien il-kavallieri l-imgħallmin tas-sengħa kienu jaħdmu fuq sistema ta’ bini ta’ galeri tal-kavallieri. Dan għaliex huma kienu jaħdmu fl-arsenal tal-galeri u għalhekk kienu jaħdmu b’sistema ta’ teknologija Franċiza għax il-kavallieri kienu jipprattikaw dik is-sistema. Il-kultura timxi mill-missier għal iben u dak kollu li kien isir fl-arsenal tal-galeri tal-Ordni għadda bla tbatija ta’ xejn u llum tista’ taraha fil-bini tad-dgħajjes tradizzjonali Maltin. Meta llum titkellem mal-aħħar ftit mgħallmin tad-dgħajjes tismagħhom isemmu l-prim, rota u kontra rota, trieżi, majjieri, stamnari, skuzi, durment, żengul, biċċerija, varingli, permizzan u ħafna u ħafna kliem ieħor tekniku li mhux għall-qabda ta’ kulħadd. Dan kollu ġej minn żmien il-kavallieri meta kien hemm ħafna Maltin jaħdmu fl-arsenali tal-Ordni. Ħalli nagħtu lista qasira ta’ kliem Malti li ġej mill-Franċiz bis-saħħa taż- żmien meta kien hemm bosta Maltin jaħdmu fl-arsenali tal-Ordni u meta l-kavallieri kienu japplikaw teknologija Franċiza. Illum għadhom jissemmew trieżi – tiers, skuzi – escoute, żengul – sanglon, biċċerija – bicherie, varingli – varangue u oħrajn. Illum masturdaxxa jsemmi ċamfrinchamfrin, daviddavid, guliermguillaume, rabottrabot, varloppavarlope, furmaturfermoir, rebekkin – u oħrajn. Illum għalxejn tistaqsi lil xi mgħallem minn fejn ġab il-kelma skużi jew żengul għax ma jghidlekx ħlief li hekk kien jisma’ lil missieru jgħid.12 Mgħallem Malti tad-dgħajjes qatt ma jaħdem l-opra tiegħu minn fuq xi pjanta; qatt ma jkollu bżonn ta’ waħda għax jaħdem b’sekwenza ta’ xogħol li qieghdha f’moħħu. Dan kollox kont issibu bħalma kien isir fil-bini ta’ galera tal-Ordni.13

Meta ġew l-Ingliżi f’Malta fl-1800 it-teknoloġija fil-bini tal-bastimenti kellha tinbidel għal kollox. Il-ħaddiema li kienu jaħdmu fl-arsenali tal-Ordni bdew jaħdmu mal-Ingliżi. L-imgħallmin tad-dgħajjes bdew jaddottaw ruħhom mas-sistema tal-Ingliżi. Ċertu kliem mill-Franċiż baqa’ iżda bdiet tidher bidla sħiħa billi ħafna mgħallmin bdew jieħdu l-ideat mit-tarzna tal-Ingliżi. Għall-ewwel bdew jidhru mudelli ta’ dgħajjes14 li minnhom kienu joħorġu d-disinn, daħlu l-clinches biex isaħħu l-qafas, bdew jidhru brazzoli fuq il-bankijiet biex isaħħuhom mal-murata, daħlet l-idea tal-firjola għal taħt il-prim iżda fuq kollox beda mgħallem Malti jibni l-wejla minn whaler, il-gigg minn gig, l-iskiff minn skif, il-kenura minn canoe, il-frejgatina tal-qlugħ u oħrajn. Mela l-imgħallmin Maltin bdew jaddattaw ruħhom maz-żmien il-ġdid fil-Port il-Kbir u jikkopjaw minn bċjjeċ Ingliżi; dan biex ma nsemmux il-bidliet il-kbar li seħħew fil-bini ta’ bastimenti tal-qlugħ tal-merkanzija Maltin tas-seklu dsatax bħalma kienu l-bark, brig, skuna, bombarda, navi u oħrajn.

Id-dgħajsa tal-pass għaddiet minn snin twal ta’ evoluzzjoni kif wieħed kien jistenna iżda minn dejjem kellha poppa u pruwa bil-ponta, tnejn jew qaddief wieħed, tinda għall-passiġġieri u falki mal-ġnub in-naħa tal-passiġġieri. Tibdil u modifikazzjonijiet kienu jsiru iżda min-naħa tal-awtoritajiet tal-Port u mhux min-naħa tal-imgħallmin  jew tal-barklori. Fiċ-Ċentru tal-Arti l-Belt kien hemm darba mudell ta’ dgħajsa li sar f’kompetizzjoni biex jaraw kif wieħed seta’ jtejjeb it-tlugħ u l-inżul tal-passiġġieri.15 Hu magħruf, per eżempju, li r-rota tal-pruwa f’għamla ta’ ximitarra kif nafuha llum saret hekk twila biex passiġġier iżomm magħha hu u tiela jew nieżel minn fuq dgħajsa. Fid-depot tal-Pulizija l-Furjana kien hemm fanal tar-ram aħmar16 bħala eżempju billi kull barklor kellu jieħu ħsieb li jkollu wieħed ingastat ġo pern in-naħa ta’ fuq tar-rota tal-poppa.

Dgħajsa tal-pass kellha ftit skultura jew urnar fuq it-tappiera u ‘l hawn u ‘l hinn iżda din qatt ma kienu jindurawha. Mat-tappiera iżjed fil-pruwa milli fil-poppa kont tara disinn tradizzjonali ta’ fjuri li jispiċċaw f’għamla ta’ dragun18 iħares ‘il quddiem jew lura. Għalxejn tistaqsi lill-barklori x’tifsira kellu dak id-dragun għax ir-risposta tkun dejjem l-istess: ‘Għax missieri dejjem hekk jagħmel.’ Jidher li l-għamla tad-dragun ġejja min-nisel tal-Mislem għax huma kienu jħobbu juru dik ir-rapprezentazzjoni fuq l-imriekeb tagħhom. F’dixx taċ-ċeramika li hu esibit f’Pisa tidher qoxra tat-tnax-il seklu u hi tal-ekopa Sikula-Magreb17 li turi xebħ kbir mad-dgħajsa ta’ Malta. Fil-pruwa kont tara l-għajn ta’ Horus jew Isis iżda minn ftit tas-snin ‘l hawn sid ta’ dgħajsa jippreferi li jara l-għasfur minflok l-għajn. Fin-naħa ta’ ġewwa ta’ dgħajsa u mal-pestieri tara ċima jew serp minquxin fl-injam u simboliżmi oħra.

In-naħa ta’ wara tal-bankijiet tal-passiġġieri tolqtok l-ispalliera dik li magħha passiġġier seta’ jserraħ dahru. Dik kienet tkun magħmula minn biċċa njama waħda ħafna drabi tal-kewba u kienet tkun kollha kemm hi mżejna bl-iskultura baxxa, b’disinn fin-nofs li jiddistingwiha minn oħrajn. Iżda l-ispalliera ta’ San Ġorg kienet tinqata’ għaliha; fin-nofs tal-ispalliera kont tara x-xbiha tal-qaddis fuq iż-żiemel joqtol id-dragun. Ta’ min ikun jaf li bosta minn dawn l-ispallieri nbiegħu Londra meta bosta u bosta barklori żarmaw wara l-1979 u ġieli nbiegħu £450 il-waħda. Spallieri oħrajn iżda mhux ta’ San Ġorg kienu jinbiegħu wisa inqas. Ġieli kont tara mal-ispalliera miktuba b’ittri kbar 10 Passengers. Dawk id-dgħajjes li kienu mpjegati ma’ bastimenti tal-gwerra kienu jżidu bosta simboliżmi Ingliżi fuq l-ispalliera bħalngħidu aħna: St George for England! Taħt l-ispalliera kien hemm il-bank u l-kontra bank jew banketta. Il-fanal tar-ram isfar li kont issib mar-rota tal-poppa ta’ kull dgħajsa kien iġib LM20.

Meta tħares in-naħa ta’ ġewwa ta’ dgħajsa lejn il-pruwa u sewwa sew taħt it-tamburett tara dik li l-barklori jsejħulha l-kamra. Din ma kenitx ħlief spazju żgħir li jingħalaq b’bieba żgħira u tissakkar biex fiha barklor iżomm xi stropp, xi skalm, xi biċċa ħobz u forsi dawk il-ftit soldi li jkun daħħal minn xogħlu. Barklor kien jeħodha bis-serjeta l-kamra li kellu u tiltaqa’ ma’ rapporti ta’ barklori li jkunu fetħulhom il-kmamar tad-dgħajjes tagħhom.

L-ebda barklor ma seta’ jagħti tagħrif dwar l-għamla tar-rota b’mod speċjali dik tal-pruwa hekk magħrufa bħala ximitarra. Nafu li r-rota ta’ dgħajsa tal-pass mhux dejjem kienet kif nafuha llum. Jidher li ħadet din l-aħħar għamla mal-bidu tas-seklu għoxrin. Min mhux imdorri jħares sew lejn ir-roti ta’ dgħajsa ma jindunax li huma t-tnejn ikunu mxenglin ftit ‘il ġewwa lejn in-nofs tad-dgħajsa. Meta tistaqsi lil xi barklor jew mgħallem dwar dan jgħidulek għax kieku jkunu kartabun mal-prim ikunu jidhru qishom ser jaqgħu fil-baħar. Mur ifhem, iżda l-esperjenza tgħallem bosta affarijiet!

Mal-ġnub  tad-dgħajsa minn ġewwa tara l-kraten jew it-trinkarini li kienu bħal kaxxi twal tul il-ġnub tad-dgħajjes tradizzjonali Maltin. Fuq dgħajsa tal-pass il-kraten min-nofs lura jkunu miksijin bl-injam biex iservu ta’ bankijiet għall-passiġġieri. Dawn il-bankijiet li ġeneralment ikunu miksijin bid-drapp jissejjħu wkoll settijiet.19 Dik il-parti trijangulari ta’ quddiem fuq dgħajsa magħrufha bħala tamburett kienet tinkesa b’tapit biex passiġġier l-ewwel imidd siequ fuqu bla ma jiżloq u wara jinżel lejn il-kriesi u jmur isib post fuq il-bankijiet. Taħt riglejh passiġġier kien ikollu l-paljol jew tavlar biex joqgħod komdu.

Il-battusa s-sinjura jew ir-reġina, fuq dgħajsa tal-pass kienet dik li kważi qatt ma kienet tintuża. Dgħajsa moderna, irrid ngħid waħda tal-bidu tas-seklu għoxrin, tkun armata b’ħames skalmi għall-imqadef iżda qatt ma kienu jintużaw kollha. Fit-tarf tal-falki dekorattivi20 iżda bla funzjoni, ta’ dgħajsa kien hemm battusa bl-iskalm fiha kull naħa, dik il-battusa tan-naħa tax-xellug jew tas-sinistra qrib il-falka ta’ dik in-naħa kienet il-battusa s-sinjura u rari kienet tintuża. F’kaz ta’ ħafna xita barklor seta’ juża ż-żewġ imqadef ta’ qrib il-bankijiet tal-passiġġieri u għalhekk ikollu xi ftit tal-kenn imħabba t-tinda. Ġeneralment meta qaddief kien jaħdem waħdu juża l-imqadef fuq il-battusi li jkun hemm l-eqreb lejn it-tamburett tal-pruwa. Meta jaħdmu żewġ qaddiefa wieħed joqgħod bilqegħda mal-moqdief ta’ qrib it-tamburett lejn id-dritta u l-ieħor iħaddem il-moqdief tan-naħa tas-sinistra iżda mhux dak tal-battusa s-sinjura.

Ma jistax jonqos li n-nies tas-sengħa li kienu jaħdmu fit-tarzna tal-Ingliżi, li dawk l-idejat li kienu jaraw li jgħoddu biex isebbħu jew iġibu għal aħjar id-dgħajsa kienu jgħadduhom lill-imgħallmin jew lill-barklori. Ara kemm kien hemm shipwrights, qlafat, zebbiegħa u oħrajn li setgħu jgħinu lil sħabhom il-Maltin bl-idejat tajbin għad-dgħajsa. Ta’ min isaħħah hawn li kienu l-awtoritajiet tal-Port li kienu jinfurzaw xi modifikazzjonijiet għad-dgħajsa dejjem bil-ħsieb li l-passiġġieri u nies tas-servizz jinqdew aħjar. Mgħallem u barklor ma setgħux jagħmlu li jridu skont il-gosti tagħhom.

Waqt li d-dgħajjes kollha kienu l-istess f’dik li hi binja iżda l-ilwien taż-żebgħa kienu dejjem skont ix-xewqa tas-sidien. L-iżjed kuluri popolari kienu l-abjad u l-aħmar u l-abjad u l-ikħal; l-abjad kien jitħalla dejjem għaż-żaqq mil-livell tal-ilma jew il-qtugħ tal-ilma ‘l isfel. Mill-bqija kienu jintużaw l-ilwien kollha li tista’ timmaġina; illum iżjed minn qabel tara żebgħa stramba fuq id-dghajjes.

Iż-żebbiegħa tad-dgħajjes ma kellhomx xi xogħol artistiku x’jagħmlu ħlief xi disinn tal-fjuri fuq il-pruwa, in-numru tal-liċenzja, xi faxx mal-livell tal-ilma u l-isem tad-dgħajsa. Iż-żebbiegħa Tal-Bubbli John, Harry Boy, Domancic, Taż-Żiemel u taċ-Ċiantar fost l-oħrajn baqgħu msemmijin għax-xogħol tagħhom. Fejn kien jidhol ix-xogħol tal-ħadid kien hemm Rizzo & Sons.

Luqa Grech minn Bormla kien jagħmel l-imqadef bit-tużżani, l-antiki kienu jkunu tal-fagu iżda dan l-aħħar beda jintuża d-douglas fir, il-fraxxnu u kultant l-abjad ukoll. Moqdief normali kien tnax-il pied u nofs twil u l-ġiljun kien fih 40 pulzier; id-distanza bejn skalm u ieħor kienet ta’ 40 pulzier. Snin ilu żewġ imqadef kienu jqumu £7.

Ma kienux jonqsu l-ismijiet bombastiċi li l-barklori kienu jagħżlu għad-dgħajjes tagħhom speċjalment dawk li jkunu mpjegati ma’ bastimenti tal-gwerra Ingliżi. Kien hemm ismijiet bħal HMS Ramillies, Ark Royal, Dreadnought, King George V, St Angelo, Iron Duke u kultant xi Carmen jew ismijiet tal-Madonna. Forsi ftit huma dawk li jafu li waqt li bastiment kbir tal-gwerra n-nies tal-Kottonera kienu jgħidulu qoxra, dgħajsa kienu jsejħulha opra; dan forsi għax dgħajsa trid xogħol ta’ perfezzjoni biex tinbena! Fost kemm dgħajjes qodma nstabu waħda minnhom kellha fuqha l-emblema tal-barri jew tal-Buffs li kienu għamla ta’ mażuni. Mhix ħaga kbira li kellhom dgħajsa għalihom billi fil-Kottonera kien hemm loġġa għalihom. Seta’ jagħti l-każ li xi barklori kienu juru r-ras tal-barri minquxa fuq il-kamra tal-pruwa biex jiġbdu s-simpatija tagħhom.

Meta Mgħallem kien ilesti l-bini ta’ dgħajsa kien iħalli x-xogħol tat-tqalfit għal wieħed ta’ din is-sengħa, hekk tinduna li l-imgħallem jiffranka l-ħin barra li forsi qalfat tas-sengħa kien jista’ jagħmel xogħol aħjar. Min-naħa l-oħra hekk kien jinħoloq xogħol iżjed għal ħaddieħor.

Lawrence Mercieca Il-Kukla mill-Marsa fl-1961 ħareġ bl-idea li jħaddem dgħajsa b’magna; l-esperiment ma rnexxiex għax il-magna ma saqajn il-passiġġieri kienet tagħmel riħa qawwija.
Snin ilu kienet għadha teżisti dgħajsa n-naħa tal-Isla li kellha l-bejta għal iskrun iżda dan ma kienx f’postu. Fl-1968 ħarġu bl-idea li magna outboard titpoġġa fil-poppa fuq traversa ħoxna. Saru esperimenti oħra billi ngħidu aħna żiedu tmun fil-poppa u dan kien jitħaddem b’sistema ta’ laċċ hekk imsejjah madmad. Kien hemm ukoll min żied skalm żgħir qrib ir-rota tal-poppa u miegħu rabat moqdief biex hekk iservi ta’ tmun.

Meta dgħajsa tkun lesta jew tibdel l-idejn kont tara uffiċjal tad-dwana b’xifa f’idejh u jtaqqab ‘l hawn u ‘l hinn biex ikun jaf li d-dgħajsa m’ghandiex injam imsewwes iżjed u iżjed meta waħda qadima tinxtara minn barklor ġdid. Wieħed jiltaqa’ wkoll ma’ ċertifikati tal-bejgħ iffirmati minn mgħallmin magħrufin biex jiċċertifikaw li d-dgħajsa tkun għadha tajba għall-baħar.21

Illum biex tara l-għodda antika ta’ mastrudaxxa jew ta’ Mgħallem tad-dgħajjes trid issib ħanut tax-xogħol antik jew tmur sal-Mużew Marittimu ta’ Malta. Min għadu juża d-denb il-far jew il-boqxiex illum? Dan kien meħtieġ wisq biex Mgħallem jikseb l-angulatura ta’ kument ta’ majjiera jew stamnara li xi drabi kien ikollhom bżonn ta’ xi ħamsa differenti ma’ l-istess majjiera jew stamnara. Tiskanta kif Mgħallem ikun jaf x’testatur ikollu bżonn għal dawk il-biċċiet fil-bini ta’ dgħajsa. Illum qajla tara xi ħadd juża l-munxar; l-istess mgħallmin tad-dgħajjes li baqa’ kollha taralhom bandsaw. Fl-antik kien xi ftit diffiċli li ssib trapani rqaq biex Mgħallem itaqqab toqba rqiqa li minnha jgħaddi xi clinch. Allura kienu jipprofittaw ruħhom minn xi umbrella mqatta’ biex jieħdu minnha l-azzar irqiq u jsonnuh f’għamla ta’ trapan. Srieraq kien ikollhom iżjed minn wieħed minn dak tad-dahar għal wieħed kbir ħafna li kienu jħaddnuh tnejn biex jiftħu zkuk tas-siġar li kienu jiġu minn barra. Fl-antik ukoll kien hemm il-passatur ta’ kull daqs biex bihom itaqqbu toqob xi ftit ikbar minn kwart ta’ pulzier ‘il fuq. Passatur ta’ ħxuna ta’ pulzier jew iżjed Ġieli kien ikollu tul ta’ bniedem. Fl-antik billi Mgħallem kien ikollu jipprepara xi njam oħxon minn zokk ta’ sigra kien hemm l-ewwel qatgħa bis-serrieq il-kbir u wara x-xogħol jitkompla bil-lexxun. Dan kellu xafra qisek qed tara mgħazqa b’manku kbir. Sirt naf li mgħallmin tajbin li kienu jaħdmu fit-tarzna u li kien ikollhom ħafna xogħol bil-lexxun kienu jriduha ta’ esperti u kont taralhom badge tad-deheb għamla ta’ lexxun fuq il-pavru ta’ glekk meta jkunu lebsin sabiħ. Kien hemm min jagħmel imħatra ma’ sħabu li kapaċi jiftaħ il-pett taż-żarbun b’daqqa waħda tal-lexxun. Iżda sibt min jgħid li missieru kien ilibbes il-maskra taz-zarbun qisu b’kisja tal-ħadid biex jipproteġi siequ. Barra minn Malta għad hemm mgħallmin li jużaw il-lexxun billi x-xogħol tad-dgħajjes tal-injam tagħhom hu goff; hawn Malta x-xogħol hu iżjed fin u tintuża ċ-ċana għal ippulir.

Kull dgħajsa jkollha t-tinda22 għall-passiġġieri u meta dgħajsa ma jkolliex it-tinda f’postha passiġġier kellu d-dritt li jitlob lill-barklor biex ipoġġiha f’postha. Tinda titwaqqaf fuq l-issati jew il-battaljoli tagħha li jimbukkaw ruħhom f’toqob apposta li jkun hemm mal-ġnub tad-dgħajsa magħrufin bħala takki. In-naħa ta’ fuq tal-issati kien hemm ark kull tarf biex jorbothom ma’ xuxlin. Kien hemm xi provi biex tinda titwaqqaf fuq vireg b’għamla ta’ nofs tond u li jaħdmu bħalma konna naraw xi tinda ta’ pram ta’ tarbija. Jidher ċar li dik l-għamla ta’ tinda ma’ kenitx popolari u ma baqgħetx tintuża.23

Illum ma ssibx tixtri dgħajsa kif ġieb u laħaq; xi ftit inxtraw mil-lukandi u stabbilimenti tal-ikel waqt li l-aħjar dgħajjes li kien baqa’ qed jaħdmu xi ftit għat-turisti. Wieħed ma jridx jinsa li m’għadhomx jinbnew ġodda għax iqumu wisq; barklor ma jifdiha qatt bix-xogħol tiegħu. Kien hemm żmien meta waħda qadima u bi ftit ħsara nxtrat LM40 għall-Mużew Marittimu ta’ Malta. Illum trid tal-inqas LM3000.

Meta daħlet il-venda għad-dgħajjes mhux il-barklori kollha ħadu gost biha.24 Kien jinqala’ ħafna glied bejn il-barklori għalhekk il-ligi tal-venda kienet hemm biex min kien jasal l-ewwel mal-moll fejn fl-antik kien hemm il-barriera ta’ żmien il-kavallieri, kien jgħabbi l-ewwel. Kien ikun hemm pulizija biex iniżżel l-isem ta’ kull barklor hekk kif jasal fil-venda. Il-barklor kien obbligat li jagħti b’leħen għoli ismu u l-laqam biex il-pulizija jkun jista’ jniżżlu fil-lista tal-venda. Fi ftit żmien il-venda indrat u kif jidhol bastiment tal-passiġġieri kienu jmorru biex jiġbru jew jgħabbu l-passiġġieri. Meta kien ikun hemm dgħajjes iżjed milli meħtieġin għan-numru ta’ passiġġieri sew biex jinżlu jew biex jimbarkaw fuq bastiment, l-aħħar ftit dgħajjes tal-venda kienu jgħabbu inqas minn dak li suppost jgħabbu biex iħallu biżżejjed għal dawk id-dgħajjes li jkunu waslu l-aħħar fil-venda. Ritratti antiki juru d-dgħajjes tal-venda f’posthom, waqt li fuq l-art tara serbut ta’ karozzini, qisha venda ohra, jistennew biex iwasslu l-passiġġieri l-Belt jew fejn meħtieġ.

Hu magħruf li meta barklor ma kienx idaħħal il-gurnata mill-qadi tal-passiġġieri, kien jarma biex imur jistad. Normalment dgħajsa kienet tintrama’ bi qlugħ tarkija għax dak kien l-eħfef mod u l-iżjed sempliċi ta’ qlugħ għall-barklor wieħed waħdu fuq dgħajsa. Haġ’oħra li wieħed irid iżomm f’moħħu hija li barklor ta’ dgħajsa ma kienx jitbieghed wisq mill-art; fl-antik imħabba l-biza’ tal-kursari ta’ Barbarija iżda fuq kollox imħabba xi maltemp li jista’ jinqala’.

Bosta mid-dgħajjes kienu jinżebgħu bl-abjad mil-livell tal-ilma ‘l isfel u xi barklori kienu jemmnu li l-lewn abjad jattira l-ħut il-kbir. Għalhekk xi barklori ma kienux iridu jaħdmu barra mill-breakwater. Din l-affari tal-hut kbir madwar Malta jissemmew ftit li xejn. Fi kwadru wegħda li hemm fil-Mużew tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar jidher kajjikk li kien attakkat minn żewġt iklieb il-baħar. Iżjed qrib lejna kien hemm każ ieħor ta’ attakk ta’ kelb il-baħar kbir.

Barklor li kien jiddobba xi ikel minn fuq il-bastimenti Ingliżi kont tarah jarma karettun biex ibiegħ dak l-ikel nadif li jkun akkwista. Dan il-barklor maghruf bħala tal-gaxin kien idur ‘l hawn u ‘l hinn biex ibiegħ l-ikel saħansitra kien jasal ukoll sa Birkirkara għalkemm l-iżjed li kien idur max-xatt tal-Belt biex jaqdi lill-ħaddiema tal-faham. Din l-affari tal-gaxin bi ftehim mal-kok ta’ xi bastiment kienet taqbel għaż-żewġ naħat għax il-kok ma kienx jibqa’ b’xejn. Dak kien mod ta’ ħajja għan-nies tal-Kottonera u tal-Belt li juri l-bżonnijiet ta’ dak iż-żmien iżda wkoll juri kif il-bniedem jivvinta meżżi biex jaqla’ ħobżu.

Barklor illum fejn trid issibu li jkun jista’ jaqla’ ħobzu ta’ kuljum mix-xogħol tad-dgħajsa. Illum barklor hu mitlub li jaqla’ biss ‘il barra mill-moll u mbagħad ikompli bil-magna. Dari barklor jibda bħala żagħżugħ biex jieħu s-sengħa ta’ missieru u biex jieħu l-liċenzja ta’ barklor kien irid jagħmel eżami billi jidher quddiem uffiċjal tad-Dwana biex iwieġeb għal xi mistoqsijiet. Wara sitt xhur taħriġ barklor żagħżugħ, quddiem uffiċjal tad-Dwana kien ikollu jaqdef biċċa sewwa ‘il barra mill-moll u għal nofs id-daħla ta’ bejn il-Birgu u L-Isla, isijja, jittrakka mal-moll. Jiddrizza d-dgħajsa minn xi ċaqlieq, jaqdef biċċa ‘l barra b’moqdief wieħed u jiċċomba stropp ma’ skalm. Jekk jissodisfa lill-uffiċjal il-barklor jirċievi ċ-ċomba li kienet pjanċa tal-landa f’għamla ovali qisha xi erba’ pulzieri twila u kien ikun fiha n-numru tal-liċenzja. Iċ-ċomba kien jorbotha ma’ driegħu u barklor kien obbligat li jkollu dejjem miegħu kopja tat-tariffi tad-dgħajsa hekk imsejħa tan-noll. Ma ninsewx li barklor li jirċievi ċ-ċomba25 jkun irreġistrat mal-Pulizija tal-Port bl-isem, il-laqam, indirizz u d-data ta’ meta beda jaħdem bħala barklor. Fir-reġistri tal-liċenzji tal-Pulizija tax-Xatt tal-Belt issib listi ta’ ismijiet ta’ barklori li ma jispiċċaw qatt.26

Hu magħruf li barklor veteran kien ikun jaf b’kull ċaqlieqa jew moviment tad-dgħajsa tiegħu. Tibni kif tibni dgħajsa dejjem kont issibilha dak id-difett żgħir fil-mixi. Wara ftit taz-żmien li dgħajsa tkun f’idejn barklor veteran dan jinduna li tgħaddas rasha xi ftit, jew tiġbed lejn naħa waħda. Il-barklor ikollu dik il-kapaċita li bil-piż ta’ persuntu jirrikompensa xi difett, bil-mod tal-ġibda tal-moqdief jikkoreġi ġibda ta’dgħajsa lejn naħa waħda u meta tarah jieqaf u jiġbed l-attenzjoni tat-turisti lejn xi naħa storika tal-Port kun żgur li l-barklor qed jieħu n-nifs jew iċedi għal xi traffiku li jara ġej in-naħa tiegħu jew biex jiskappa minn xi mewġa maħluqa mill-mixi qawwi ta’ xi lanċa kbira tas-servizz.

Il-mod ta’ qdif ta’ barklor Malti kien dak li jibqa’ bil-wieqfa l-ħin kollu f’nofs il-kriesi, ihares ‘il quddiem u bil-ġiljuni tal-imqadef imsallbin f’idejh it-tnejn. Dan il-mod ta’ qdif l-Ingliżi laqqmuh bħala ‘Diso’.27 Ċertu Tilley Ingliż li għamel riċerka hawn Malta dwar id-dgħajsa ħareġ bl-idea li hi ġejja minn żmien il-Feniċi billi rappreżentazzjoni ta’ waħda tagħhom fejn jidhru qaddiefa arbulati voldieri bil-wieqfa u jħarsu lejn il-pruwa tad-dgħajsa. Dan l-argument ma jgħodd xejn għax fil-Mediterran dejjem kien hawn qaddiefa li jaqdfu bħaldawk Maltin.28

Barklor ftit tas-snin ilu kien qal li wieħed bħalu seta’ jaqla’ flus kemm irid hu jekk ikun irid jaħdem sewwa. Barklor ieħor veteran stqarr li kien hemm żmien meta l-Port kien fl-aqwa tiegħu għax ikun mimli bil-bastimenti tal-gwerra. Nafu li l-Ingliżi kienu jħallu ħafna flus mod jew ieħor iżda mhux hekk l-Amerikani.

Dgħajsa tan-noll kienet taħdem bejn 1 ta’ April u 31 ta’ Ottubru sa nofs il-lejl u mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Marzu sal-għaxra u nofs illejl. Barklor kien jieħu kwarta biex jaqsam mill-Isla għall- Belt iżda sa Marsamxett kellu ġibda ta’ siegħa. Meta tistaqsi barklori differenti joħorġu bi tweġibiet differenti. Qadfa mill-Kottonera sa tas-Sliema kienet tieħu nofs siegħa; hekk tara li kien hemm xi diskrepanzi iżda kollox kien jiddependi jekk ikunx hemm żewġ barklori jew erbgħa fuq l-istess dgħajsa.

Ġieli sar tgergir mit-turisti mħabba abbużi dwar il-ħlas ta’ noll ftit tas-snin ilu. Għal dawra ta’ nofs siegħa madwar il-Port żammewlhom £5. Oħrajn kellhom, iħallsu LM10 għall-qadfa ta’ sagħtejn madwar il-Port. Sal-1986 turist kien iħallas LM3.50 għal dawra mal-Port. Kienet daħlet hawn Malta d-drawwa li wieħed isejjaħ barklor billi jgħajjat: Dgħajsa, dgħajsa! Kien hemm żmien meta barklor kien jikkuntenta b’ħabba mill-passiġġieri; tassew dak kien żmien ieħor iżda dak il-barklor imlaqqam Tal-Ħabba laħaq faddal somma flus sewwa sa qabel ma miet. Billi semmejna xi ħlasijiet tan-noll kien hemm żmien fl-1930 meta barklor ġieli ħadem sittax-il siegħa kuljum u b’xorti tajba biex forsi kien idaħħal 5s kuljum. Huwa stmat li 5s kienu biżżejjed għall-familja għall-tul ta’ gimgħa biex ma tbatix il-guħ.

Id-dgħajsa tal-pass kellha parti importanti b’konnessjoni man-Navy Ingliża. Il-bastimenti tal-gwerra kien ikollhom, magħhom għas-servizz tal-baħrin u l-fizzjali xi dgħajjes u dan is-servizz kien jissejjaħ ship’s company. Billi mill-kuntatti ta’ Malta biss speċjalment mill-Kottonera seta’ jkun taħriġ xi ftit jew le żbilanċjat ktibt lill-Mariner’s Mirror ta’ Londra u għamilt appell lil dawk il-baħrin li kienu jservu f’Malta biex jagħtu l-impressjonijiet tagħhom. Kelli tweġiba tajba għax mhux biss baħrin komuni wieġbu iżda fizzjali u saħansitra dak li darba kien il-gvernatur ta’ Ġibilta wara li spiċċa minn Malta.

Il-barklori mqabbdin bħala ship’s company ma kienux jieħdu xi paga speċjali iżda wara s-sitta ta’ wara nofs inhar kienu jagħtuhom sold għal kull bnieden tas-servizz li kienu jġorru mill-bastiment lejn l-art jew bil-maqlub. Wara l-aħħar gwerra barklor kien jirċievi 3d għas-servizz tiegħu. Meta kienet tidħol aircraft carrier Ingliża din kienet timpjega magħha minn 16 sa 20 dgħajsa bħala ship’s company, cruiser kienet tieħu tmienja, destroyer tnejn u fregata waħda. Barklor kien ikollu l-uniformi tiegħu u jitqies bħala wieħed miċ-ċorma u kellu ħlas fiss biex iwassal il-fizzjali fejn ikollhom bżonn. Id-dgħajjes tax-ship’s company ġieli kienu ta’ propjetarju wieħed u ġieli kienu jkunu ta’ iżjed. Salvo Borg mill-Isla kellu sitt dgħajjes tiegħu u dejjem kien iħaddem tal-familja u lil dawn li jiġu minnu; oħrajn kienu jqabbdu barklori oħrajn. Barklor tax-xhip’s company kien hemm ukoll biex jagħti lagħqa żebgħa mit-topping line ‘l isfel u kienu hemm ukoll biex jiffrankaw ix-xogħol lill-baħrin tal-ghassa.

Għalkemm barklor ma’ biċċa tal-gwerra Ingliża ma kellux xi paga tajba b’danakollu kellu d-dritt għal dak kollu li kien jinżel mill-gash chute voldieri l-gaxin, kellu uniformi regulari, ikel b’xejn, ikollu dak kollu meħtieġ biex inaddaf ir-ram tad-dgħajsa, għażel dejjem ġdid u nadif għall-kisi tal-bankijiet u twapet jew drapp oħxon għall-paljol u għat-tamburetti. Barklori dejjem kienu jirrkmandaw lil uliedhom u lill-qraba tagħhom meta mitlubin biex jgħinu fl-għażla ta’ barklori oħra għax-ship’s company.

Fizzjal Ingliż kien iqisu ta’ unur li juża dgħajsa tal-pass miżmuma nadifa xummiema u kont tisma’ wieħed jgħid lil ieħor bħallikieku d-dgħajsa u l-barklor kienu tiegħu personali. Barklor fuq tiegħu dejjem smart u pulit, b’dak il-ftit Ingliż li kien ikun jaf kienu l-ftit kwalitajiet meħtieġin għalih u biex iwassal fizzjal fejn ikun irid. ‘Yes sir, yes sir, three bags full,’ kienu biżżejjed biex barklor jiġbed is-simpatija ta’ fizzjal. Mix-xhieda ta’ fizzjali li wieġbu għal xi mistoqsijiet li kont għamiltilhom jidher ċar li kien hemm rispett kbir tan-Navy Ingliża lejn id-dgħajsa; kienu jqisuha bħala biċċa waħda man-Navy.

Xi ħsarat li kienu jsiru lil xi dgħajsa jew għax tintlaqat minn xi qoxra Ingliża jew minħabba xi baħrin fis-sakra l-Ingliżi kienu jħallsu għaliha sew. L-Amerikani xi ftit kesħin qalli darba barklor kienu mod ieħor. Ma’ l-iċken talba ta’ barklor għal xi ftit żebgħa għad-dgħajsa tiegħu impjegata bħala ship’s company, ta’ gallun kien jiddobba tlieta. Wieħed kien jinduna b’dan mill-ewwel għax fi ftit ġranet kont tara l-aperturi tad-djar tat-triq fejn kien ikun joqgħod dak il-barklor kollha miżbugħin l-istess. U x’ingħidu għal meta barklor kien jitlob għal xi ftit għażel abjad biex jiksi l-bankijiet li kienu biċċa mis-settijiet li jkun hemm fuq dgħajsa. Minn dak li kienu jagħtuh l-Ingliżi kien jibqa’ biżżejjed biex jagħmel lożor u investi għad-dota tat-tifla kemm irid. L-Ingliżi kienu stretti wisq dwar l-għażel għax b’dik il-bjuda tiegħu kien iżid is-seħer tas-sbuħija li ma tistax tfisser ta’ dgħajsa.

Kull meta qoxra tal-gwerra Ingliża kienet toħroġ għal xi dawra mal-Mediterran kienet dejjem iġġorr id-dgħajsa magħha. Din il-ħaġa kienet qisha ħlas ieħor għall-barklor ta’ dik id-dgħajsa li ġeneralment dejjem kien jieħu miegħu lil xi wieħed minn uliedu ta’ ‘l fuq minn tmintax-il sena jew xi ħadd mill-qraba. Ġeneralment id-dawra mal-Mediteran ta’ bastimenti Ingliżi kienet tieħu lejn l-ibħra Griegi jew Torok iżda barklori semmew kif laħqu marru Messina, Lixandra, Venezja, Trieste, Korfu u d-Dardanelli. Barklor minnhom irrakkonta kif hu meta kien fuq l-HMS Surprise fl-1958 u daħlu Venezja id-dgħajsa tniżżlet fil-Kanal il-Kbir u tellqet ma’ gondla Venezjana li ħallietha lura b’xi żewġ tulijiet jew tlieta. Kull meta xi bastiment ieħor Ingliz kien iżur Venezja ma kienx jitħalla jniżżel id-dgħajsa tiegħu bħala ship’ company fil-kanal; min jaf għaliex?

Salvo Borg Ta’ Skanga minn L-Isla kien imsejjaħ il-barklor ta’ Mountbatten. Kien raġel qasir, dejjem pulit, smart, kien jaf dak il-ftit Ingliż biex jinqeda bħala barklor mal-Ingliżi. Id-dgħajsa tiegħu magħrufha bħala l-ħadra għax kienet miżbugħa hekk, u bin-numru tal-liċenzja 174, kienet l-għożża ta’ qalbu. L-inkwiet tiegħu kien meta d-dgħajsa tkun miġbuda l-art u jara t-tfal jilagħbu qribha għax kien jibza’ li jagħmlulu l-hsara. Huwa ried li wara mewtu d-dgħajsa titkisser u tinħaraq biex ħadd ma jużaha floku. Is-soltu dgħajsa wara l-mewt ta’ sidha kienet tinbiegħ b’irkant u ġeneralment kienet tibqa’ fid-distrett tal-barklor tagħha ngħidu aħna Bormla, l-Birgu jew L-Isla. Tant laħaq Salvo intrabat ma’ Mountbatten li kull darba li dan kien jiġi Malta kien jistiednu biex imur għal xi party mogħti minnu.

Salvo kien semma d-dgħajsa tiegħu il-ħadra bħala d-Defender iżda huwa, fl-aqwa tan-Navy Ingliża f’Malta kien iħaddem sittax-il waħda. Għamel żmien meta kien imqabbad ma’ HMS Tiger kellu l-permess li jbiegħ xi soft drinks u għamel il-flus, tafx! Ħafna drabi meta kien iwassal xi nies tas-servizz minn u lejn id-Dwana, Canteen Wharf u Sant’ Anglu kien jitħallas bid-disa’ soldi r-ras iżda wara d-disa ta’ filgħaxija kien iżomm 1s.6d.

Forsi ftit huma dawk li jafu li Salvo kien ta’ ftit skola u li kienet il-mara tiegħu li żżomm il-kontijiet billi hu kien jinqeda wkoll b’qaddiefa oħrajn. Kieku taf kemm Salvo ħalla ċertifikati warajh li hu kien jiddobba mingħand kaptani ta’ bastimenti li kien iservi fuqhom. B’xorti tajba tal-familja ta’ Salvo għandhom bosta ritratti tiegħu li juruh fil-qadi ta’ dmirijietu u kienet ħaġa ħafifa li wieħed iqalleb f’dak li ħalla, ħajr dejjem lil tal-familja.

Charlie Attard kien barklor ieħor li baqa’ magħruf bħala l-barklor tal-Prinċep għax kull meta dan kien jiġi Malta dejjem kienu jqabbdu lil Charlie bħala barklor. Ħasra li ma kienx possibbli li wieħed jara ċ-ċertifikati u r-ritratti tiegħu bħala barklor. Il-Kukla jew Lawrence Mercieca tal-Marsa għamel isem għalih ukoll għax kien tassew armat bil-kbir, biżżejjed ngħidu li kellu madwar 30 barklor miegħu li kien iħallasjhom bis-6d kuljum.

Is-sena 1929 baqgħet tissemma mad-dinja kollha għal għaks li ġiebet magħha.29 Hawn Malta bosta barklori batew il-ġuħ. L-ammiraljat talab biex issir ġabra għall-barklori u saħansitra isem Mabel Strickland jidher fil-lista tad-donaturi. Lista uffiċjali turi li 478 barklor irċevew 5s kull wieħed, 31 irċevew 7s.6d u tnejn biss 10s; ta’ min ikun jaf li 5s kienu biżżejjed biex isostnu family għall-ġimgħa.30uwa stmat li 5s kienu bizzejjed ghall-familja ghall-tul  ;l

Mhux barklor jew tnejn sostnew li xi drabi l-baħrin nofshom fis-sakra kienu jagħtu kull ma kien ikollhom fil-but qabel ma jinżlu minn fuq dgħajsa u speċjalment meta jkunu ser imorru lura lejn l-Ingilterra. Ġlied kien ikun hemm bejn barklori u baħrin iżda kif kitibli wieħed fizzjal Ingliż wieħed ma kellux jesaġera; ma kienx hemm ħafna glied. Xi drabi barklor kien jinduna li l-baħrin ikunu ser jaqilgħu l-inkwiet għalhekk kien isejjaħ l-għajnuna ta’ sħabu. Kellhom habta l-baħrin huma u neżlin minn dgħajsa wieħed wara l-ieħor jindikaw lil ta’ warajhom li kien ser iħallas ta’ kulħadd. U tassew hekk kien ikun għax jekk tal-aħħar ma jkollux minn fejn iħallas ta’ kulħadd isib ruħu fil-baħar. Barklor stqarr li l-affari tal-baħar ma kenitx xi haġa ta’ spiss. Kull meta barklor irrappoprta f’xi main guard li xi baħrin ma kienux ħallsuh tax-xogħol li jkun għamel kienu jagħtuh dak li ħaqqu.

Ħdejn il-Canteen Steps fejn kienu jiltaqgħu ħafna baħrin b’mod speċjali l-ġimgħa u s-sibt fil-għaxija kien jinqala’ ħafna ġlied ukoll bejn il-barklori min ikun ser jgħabbi l-ewwel qabel ħaddieħor. Li jġorru xi baħrin fis-sakra l-barklori kien jaqblilhom għax kien ikollhom iċ-ċans li jdaħħlu xi haġa iżjed. Ġlied kien ikun hemm, iva, iżda mhux ħafna! Xi drabi kienu jintużaw l-imqadef biex jagħtu bihom billi l-barklori ma setgħux iġorru skieken magħhom.

Xi barklori kienu jirrifjutaw li jgħabbu baħrin fis-sakra biex jevitaw ħafna nkwiet. Iżda barklori oħra kienu qishom ifittxuh l-inkwiet speċjalment meta xi baħrin ikollhom magħhom xi wieħed bully jiswa daqs tlieta. F’każ bħaldak barklor kien isib żgur l-għajnuna ta’ sħabu għax minn daqshekk u f’każ bħaldak il- barklori kont issibhom magħqudin.

L-użu ta’ kliem baxx sew min-naħa tal-baħrin kif ukoll min-naħa tal-barklori kien hemm kemm trid; dak kien qisu l-lingwa franka ta’ bejniethom! Tant indara li barklor qalli li ma kienux jagħtu kas ta’ kliem bħaldak. Barklori Maltin kienu jżejnu kliemhom xi drabi bid-dagħa. Fir-reġistri tal-Kummissarju u tal-Magistrati li jinsabu fl-Arkivju Nazzjonali ta’ Malta fir-Rabat tiltaqa’ ma’ ħafna każi.  Barklor li ġibed waħda b’Alla u waħda bil-Madonna weħel 2s.6d. Barklor ieħor kien akkużat li qal kliem pastaż iżda ma kienx dagħa; ma weħel xejn għax wara kollox intqal li kelma pastaza mhix offiza.31

L-aħħar xogħol li kien isir fuq dgħajsa qabel ivarawha kien dak li jiffittjaw il-bronż u r-ram li xi drabi kien joħrog mid-Dockyard. Jingħad li darba minnhom barklor li kien ilu jkewwes fuq id-dgħajsa tiegħu ħin twil fis-sħana tas-sajf bla ma ried rifes fuq xi strixxi tar-ram li kienu jżejnu d-dgħajsa tiegħu u billi kien ħafi ħaraq il-qiegħan ta’ saqajh. Ma ħasibhiex darbtejn għax neħħa r-ram kollu li kien iżejjen id-dgħajsa tiegħu.

Meta barklor kien ivara dgħajsa ġdida kien jistieden lill-kappillan biex iberikha, jgħid erba’ kelmiet ta’ ġid, xi ftit daqq kien ikun hemm ukoll mill-ħbieb tal-barklor, xi ftit inbid u ħafna paroli minn min  imur għaċ-ċerimonja. Meta d-dgħajsa tkun ta’ xi Mgħallem magħruf sew ngħidu aħna tal-Guli jew ta’ Bengala, allura l-varar jiġbed ħafna nies. Jien niskanta kif ma baqgħalna l-ebda għana jew kant marbut mad-dghajjes. Tħalli barra l-festa ta’ Lapsi meta ħafna dgħajjes kienu jinkrew għal dik l-okkażjoni biex jiċċelebraw fil-Port il-Kbir32 ma ssib xejn b’konnessjoni mad-dgħajsa jew mal-barklori. Kont nistenna li nsib xi haġa iżda l-barklori li kellimt dejjem qaluli li ma jafu b’xejn.

Meta tghaddi ċ-ċerimonja tal-varar u d-dgħajsa l-ġdida terġa tkun fuq il-banketti tagħha fuq ix-xatt tiġbed il-ħars ta’ kull min jgħaddi minn ħdejha. Xi wieħed mustaċċun u li jkun jifhem sew tarah ma jħarisx lejn iz-żebgħa u lejn it-tizjin iżda tarah iħares biex jara jekk l-għeluq ikollux xi difett ta’ xi għafsa li bilkemm tkun tidher fl-għajnejn ta’ min ma jifhimx. Wara nżul ix-xemx u meta ma jibqa ħadd qrib id-dgħajsa l-ġdida tarah lil ħabib tagħna fitt għax-xogħol jaqbad biċċa ġir ratba li tkun qisha biċċa ġibs bħaldik li biha għalliem jikteb fuq il-blackboard, u biha jagħmel salib żgħir bla ma jarah ħadd fuq id-difett li hu jkun ra fuq id-dgħajsa. Dik kienet tkun daqqa ta’ ħarta għal imgħallem ta’ dik id-dgħajsa.

Fil-varar ta’ dgħajsa ġdida kont tisma’ ħafna rimarki dwarha min-nies tal-Kottonera iżjed minn ħaddieħor. Meta jkunu jridu jmaqdru l-opra fost oħrajn kont tisma’ min jgħid dik, voldieri għad-dgħajsa, qisha pastizz, ċanella wisq, mastella, mixruba, maħtufa u oħrajn li forsi n-nies tal-Kottonera biss setgħu jużaw dak il-lingwaġġ. Id-dgħajsa tkun għadha l-art fuq il-banketti tagħha meta jibdew ir-rimarki u kulħadd jagħti r-raġunijiet tiegħu. Għan-nies l-oħra kollha ta’ barra l-Kottonera ma kienux isibu x’jgħidu ħlief li d-dgħajsa hu xogħol sabiħ ħafna.

Kif Mgħallem kien iwaqqaf ir-rota tal-pruwa f’postha l-ewwel ħaga li jagħmel kienet li jsammar salib żgħir tal-injam fl-għoli fit-tarf tagħha; hemm ukoll kien jorbot ftit weraq taż-żebbug imbierek dik is-sena. Taf li kien hemm mgħallmin li ma jibdewx xogħol ta’ dgħajsa ġdida nhar ta’ ġimgħa drawwa li ġejja minn jaf minn fejn u minn meta! Id-drawwa tas-salib żgħir tal-injam imwaħħal mar-rota tal-pruwa sibtu wkoll fil-Greċja u fl-Italjaż użanza tal-Insara. Wieħed jiftkar li s-salib fuq xogħol ġdid kont issibu mhux fuq dgħajsa biss iżda wkoll fuq ir-roti ta’ kajjikk, luzzu u tal-latini.

Billi semmejt ir-rota ta’ dgħajsa ta’ min jgħid li t-tnejn ta’ waħda minnhom forsi għax xi ftit twal, kienu jagħmluhom imxenglin ftit ‘l ġewwa lejn nofs id-dgħajsa. Għal haġa bħaldin ma ssibx tweġiba ċara u tonda ħlief waħda ta’ suppożizzjoni għax jgħidulek li jekk ir-roti jitwaħħlu kartabun mal-prim tad-dgħajsa jagħtu l-impressjoni li jkunu qishom ser jaqgħu fil-baħar. Użanza oħra marbutha mar-rota tal-pruwa kienet dik li għal xi ftit taż-żmien kienu jħobbu jagħmluha xi ftit imqabbsa ‘l barra għat-tond qrib il-livell tal-ilma. Dan it-tip ta’ rota kien jagħti dehra stramba u forsi għalhekk drawwa bħaldik ma tkomplietx; dgħajsa hekk kienu jgħidulha ikkorazzata. Min jaf kif bdiet haġa bħaldik iżda billi fil-Port il-Kbir mhux l-ewwel darba li daħlu l-ikkorazzati Taljani li kienu bastimenti tal-gwerra, bilkemm ma riedx barklor li jimitahom!

Kelma oħra li llum intilfet hija l-blataforma li kienet bħal biċċa art ċatta u lixxa ġeneralment qrib il-ħanut tax-xogħol ta’ xi Mgħallem u fuqha kien iħożż id-disinn u l-qisien ta’ opra ġdida. Illum Mgħallem iħożż id-disinn li jkollu bżonn biex jikkalkula l-qisien fuq xi biċċa plywood kbira arbulata ma’ ħajt. F’kull ħanut tax-xogħol li baqa’ għandek tara mal-ħitan tiegħu ħafna galvijiet li xi drabi jkunu tal-familja ġejjin minn missier għal iben. Illum tara wkoll mudelli jew nofs mudelli ta’ opri tal-baħar li dawn daħlu fi żmien l-Ingliżi.

Niftakar hawn f’Manwel Falzon membru tas-Soċjeta tal-Mużew li kien Mgħallem tal-apprentisti fid-Dockyard u kien jispeċjaliżża fid-dgħajjes tradizzjonali Maltin. Hu kien jgħaddi dak kollu li kien jaf lill-apprentisti tiegħu u xi disinji tiegħu llum qegħdin fil-Mużew Marittimu ta’ Malta. Dan qed ngħidu għax Manwel kien kapaċi joħroġ disinn ta’ biċċa tradizzjonali ta’ Malta bla ma kellu l-ħanut tax-xogħol tiegħu għax-xogħol tad-dghajjes. Bl-iskola tista’ tasal li tħożż disinn tajjeb ta’ dgħajsa iżda l-imgħallmin tagħna ħafna drabi kienu jużaw il-galvijiet tal-familja l-iżjed dawk li jkunu rnexxew u taw riżultati tajbin ħafna. Ma kontx dari titlob xi galvu lil xi Mgħallem biex isellifulek lanqas biex tarah biss aħseb u ara biex tibni xi dgħajsa minn fuqu.

Nistħajjel li ssib min jgħid, imma kif it-trasmissjoni tal-kultura timxi minn żmien għal ieħor jew minn bniedem għal ieħor. Parti mit-tweġiba hija li kollox kien jinżamm fil-familja u tistenniex li fil-ħwienet tax-xorb kont ser titgħallem xi ħaga! Stejjer kont tisma’ kemm trid. Bil-miktub ma wasal għandna xejn; niftehmu li xi wħud mill-imgħallmin lanqas biss kienu jafu jiktbu jew jaqraw u b’danakollu kienu jagħmlu disinni u kalkoli li dejjem taw riżultati tajbin. Nafu wkoll li xi mgħallmin tal-arloġġi, tal-qniepen, tal-kriepet tan-nisa u oħrajn lanqas lil uliedhom ma kienu juruhom is-sigrieti tas-sengħa.

Id-dgħajsa kienet użata barra mit-trasport tal-passiġġieri biex twassal nies morda sal-isptar jew l-Infermerija fil-Belt, nisa tqal li jwassluhom sal-Furjana biex jeħduhom lejn l-isptar Ċentrali u kien hemm dgħajsa speċjali miżbugħa sewda biex twassal xi katavru fejn ikun hemm bżonn. Sirt naf li mhux il-barklori kollha kienu lesti li jaħdmu fuq dik id-dgħajsa. F’kaz ta’ bżonn  dgħajsa kienet taqsam għal Belt biex twassal tabib lejn il-Kottonera. Drabi oħra dgħajsa mżejna ħafna kienet iddawwar mizżewġin friski għal dawra mal-Port.

Ħaddiema anzjani jiftakru ż-żmien meta kienu jużaw id-dgħajsa għax-xogħol jitfgħu 1/4d jew 1/2d fil-kraten ta’ dgħajsa bla ma joqogħdu jagħtuhom lill-barklor. Fil-Kotba tal-Okkorrenzi tal-Pulizija tal-Port tiltaqa’ ma’ bosta stejjer li jinvolvu l-barklori. Darba minnhom wieħed irrapporta li sab il-ħmieg fid-dgħajsa tiegħu li kienet marbuta taħt is-sur ta’ Santa Barbara, Tiltaqa’ mal–istorja ħelwa ta’ kif wieħed li kellu l-ħmar bil-karrettun miegħu. Warrab għal ftit tal-hin biex imur jixtri xi ħaga u meta mar lura jsib li kienu serqulu l-ħmar.33 Bil-filosofija Ġaħanjana stqarr: Jekk jiena jien tlift il-ħmar iżda jekk jiena minix jien sibt karrettun! Dak kien żmien t’hekk u x-xatt tal-Belt ra bosta stejjer li kellhom x’jaqsmu mad-dgħajsa.

Fil-kotba tal-Okkorrenzi tal-Pulizja tal-Port tiltaqa’ ma’ bosta u bosta stejjer li minnhom toħroġ l-istorja soċjali ta’ niesna. Fl-192934 barklor fera barklor ieħor b’daqqa ta’ moqdief; waħħluh £2 li għal dak iz-żmien kienu ħafna. Hu ikkalkulat li meta wieħed kien jeħel biex iħallas 5s dik kienet tkun paga ta’ jumejn.35 Fl-1942 fl-eqqel tal-gwerra dgħajsa għabbiet minn Rikażli għall-faċċata l-oħra fejn kien hemm il-moll tal-Barrakka. Id-dgħajsa kienet waħda f’servizz mal-Garison Regiment. Kellha fuqha żewġ qaddiefa, ħdax-il  baħri, żewġ nisa, tarbija ta’ sentejn u ħames passiġġieri oħra. Fi ftit ħin bdiet tagħmel l-ilma, inqalbet iżda kulħadd salva. Fl-1927 dgħajsa kellha fuqha sittax-il ħaddiem u żewġ qaddiefa. Kienet mgħobbija ż-żejjed. L-istamnari bdew jinqasmu b’dak il-piż kollu, niżlet iżda l-passiġġieri kollha salvaw. Hu ikkalkulat li dgħajsa setgħet tgħabbi biss ftit ‘il fuq minn żewġ tunnellati.36

Kienet dehra komuni li tara barklor fuq id-dgħajsa tiegħu speċjalment wara nżul ix-xemx, kemm kemm jiċċaqlaq idur b’mod speċjali qrib ix-xatt ta’ Bormla n-naħa tal-imħazen tal-vaxxelli dejjem jittama li jsib fl-ilma xi ħaga tgħodd għalih. Darba minnhom b’xorti ħazina wieħed sab nofs katavru iżda ħelisha b’wiċċ il-ġid mal-pulizija.37 Hija storja komuni li barklor bħaldan ikun qed iħuf fl-inhawi tad-Dockyard biex forsi jiltaqa’ ma’ xi biċċa tik fil-baħar. Dan kien isir bil-qaddis u bil-ftehim ma’ xi ħadd li kien  jaħdem fid-Dockyard għax hemm kien jintuża ħafna. Iżda biex barklor ikollu r-roti tad-dgħajsa tiegħu magħmulin mit-tik kienu jqumulu ħafna flus.

In-naħa tat-Toqba fil-Birgu kien hemm ħanut tax-xorb isibuh bħala Tal-Borin fejn kienu jiltaqgħu l-barklori u bejn xarba nbid u oħra kienu joħorġu bi stejjer li ma jitwemmnux; insomma kulħadd iħarref kemm jiflah! Karattri bħalngħidu aħna l-Bażokk, is-Suli u Panokk kienu magħrufin ma’ kulħadd. Ġieli ghand Tal-Borin kienu jmorru dawk li jħobbu t-te u wieħed minnhom kien dak li kellu s-swaba kollha ta’ jdejh mimlijin biċ-ċrieket. Malli sħabu kienu jarawh dieħel għand Tal-Borin kont tisma’ min jgħid waħda wara l-oħra imma bil-mod: Ram, ram! U dak il-barklor bis-swaba miksijin bid-deheb kont tarah idawwar fl-ajru jdejh it-tnejn u jtenni: Iva, iva ram, ram! Dak kien għamel ħafna flus jaħdem bħala barklor.38

Karattru ieħor interessanti kien Toni Żbiba li meta ltqajt miegħu l-ewwel darba kellu 65 sena; kien għadu jaqdef! Ħarigli b’bosta stejjer u dettalji tal-qdif u tad-dgħajsa. Parir dejjem tajjeb għax ħabib kien avżani biex ma nagħtihx flus qabel ma nkun għamiltlu xi mistoqsijiet. Jekk kont ittih xi haġa qabel kont tarah jitlaq lejn l-eqreb ħanut biex jixtri ftit inbid u wara inutli li tistaqsih.

Kollox ma’ kollox il-barklori kienu mħallsin ftit iżda min  kien bil-għaqal faddal ġmielu. Niftakar lil Frans u lil ħuh Wenzu mill-Birgu li bejniethom faddlu eluf ta’ liri biex fi xjuhithom serqulhom kollox. Ir-rati tan-nollijiet kollha kienu stampati minn u sa fejn taħdem dgħajsa u l-barklori kellhom jimxu magħhom. Barklor darba stqarr miegħi li tella’ familja ta’ tmienja bla ma qatt nefaq sold għal ikel; dejjem kienu jiddubbaw xi ħaġa minn abbordijiet tal-bastimenti Ingliżi.

Gellel mill-Isla ta’ sittax-il sena kien jissellef frejgatina jgħabbiha bl-inbid u xorb ieħor minn għand xi sid ta’ ħanut tax-xorb u kien idur bil-mod il-mod taħt il-frejgati Ingliżi biex il-baħrin tal-ghassa jkunu jistghu jixtru xi flixkun  inbid; il-baħrin kienu jkunu happy għax jitlaħalħu bl-inbid Malti u iżjed minnhom iż-żagħżugħ Gellel għax ta’ kull flixkun inbid kien idaħħal £3. Dak l-inbid li kien jibqagħlu kien jieħdu lura għand tal-ħanut minn fejn ikun ġabu.

Il-barklori kien jinqalgħalhom inkwiet minn żmien ghal żmien. Waħda mara Ingliża xi ftit hoxna hekk kif qagħdet bilqegħda fuq il-bank ta’ dgħajsa saqajha għaddew mill-injam ta’ taħtha għax faqet il-murata; iżda għallinqas ħadd ma weġġa’. Għalhekk kont issib min il-murata kien jiksiha minn ġewwa bl-injam biex xi ħadd goff ma jifqax l-injam irqieq tal-għeluq.

L-istorja ta’ John  Andrews għamlet ħoss kbir b’mod speċjali f’Bormla. Mela dan Andrews ried imur Rikażli u għal xi raġuni jew oħra iġġieled mal-barklor. Hu mar ħazin għax tilef il-bilanċ u waqa’ fil-baħar. Il-barklor ċapċaplu daqqa bil-moqdief u qatlu; weħel għomru l-ħabs. Iżda l-istorja ma spiċċatx hemm għax gruppi ta’ baħrin u nies tas-servizz Ingliżi kienu jinġabru u jinżlu Bormla biex jattakkaw lil kull barklor li kienu jaraw. Dak l-inkwiet dam sejjer xi ftit sakemm ikkwieta kollox waħdu.39

L-idea tan-nies tal-Kottonera minn dejjem kienet li barklor kien jinvesti f’dgħajsa għax kien jistenna li ser isservih għal għomru. Forsi għalhekk kont tara barklor jieħu ħsieb id-dgħajsa tiegħu u kull sena tarah jiffritta u jobrox iż-żebgħa l-qadima biex jagħti passata ġdida. Fil-Ponta tal-Isla kien hemm dgħajsa il-Balomba li kienu jgħidu li kellha iżjed minn mitt sena. Wieħed jifhimha li mill-injam originali kważi ma kien baqa’ xejn għax inbidel mal-mixja tas-snin.

It-tieni taqsima

F’din it-tieni taqsima ser naraw għadd ta’ bċejjeċ tradizzjonali Maltin li bosta minnhom għebu mill-ibħra tagħna. Xi whud minnhom bħal luzzu, kajjikk, tal-latini u l-ferilla tas-sajd kienu mibnijin b’saħħithom ħafna b’injam oħxon. Waqt li d-dgħajsa tal-pass kienet ħafifa u marbuta mas-servizz tal-passiġġieri f’din it-tieni taqsima ser niltaqgħu ma’ ghadd ta’ bċejjeċ oħra tat-tagħbija, tas-sajd u xogħol ieħor. Meta tqabbel dawn il-bċejjeċ ngħidu aħna l-luzzu, il-kajjikk u tal-latini ma’ oħrajn f’pajjizi oħra tara li jużaw kważi l-istess ħxuna ta’ njam. Barra minn Malta l-injam jiġihom orħos iżda f’Malta tinduna kemm ix-xogħol tal-karpinterija hu ferm mirqum u jiffittja wisq tajjeb ma’ xulxin.

L-ixprunara jew id-dgħajsa li kienet taħdem bejn il-gżejjer Maltin u issa m’għadiex teżisti baqa’ biss xi stampi tagħha. Fi kwadru wegħda tal-1778 li jinsab fis-Santwarju Tal-Ħerba Birkirkara tidher din l-ixprunara jew id-dgħajsa t’Ghawdex. Kellha qlugħ tarkija u ma kenitx tkun armata b’tinda fil-poppa għall-passiġġieri. Din l-ixprunara kienet għal kollox tixbah lil ixprunara l-oħra tat-tagħbija u li kienet tbaħħar mal-Mediterran kollu.1 Sidien Maltin tal-ixprunara għamlu ħafna flus fil-gwerra tal-Crimea billi kienu joffru għall-bejgħ affarijiet żgħar lis-suldati li ma kienux isibu hemm ngħidu ahna xi biċċa ċikkulata, ħelu, xi sapuna, larinġ u lumi, terra, te, kafe u l-bqija. Dawk is-snin tal-1856 sa ma spiċċat il-gwerra padruni tal-bċejjeċ tal-merkanzija saru sinjuri kont tarahom bil-pipa li kien ikollha kuperċ tad-deheb. Tassew li dak kien żmien tad-deheb għall-kaptani Maltin.2

Id-dgħajsa tal-latini harġet mill-ixprunara u meta dik harġet ‘il barra mill-istorja ta’ Malta tal-latini bdiet taħdem regolari bejn Malta u Ghawdex. Din ħadet l-isem tagħha mill-għamla ta’ qlugħ li kienet tuża; biż-żmien il-qlugħ tawluh min-naħa t’isfel tiegħu u sar teknikament magħruf bħala settee għalkemm id-dgħajsa baqgħet tissejjah tal-latini. Din id-dgħajsa kbira li tista’ tissejjah ukoll tax-xogħol kellha storja kbira; illum spiċċat għalkemm baqa’l-aħħar waħda s-Sacra Famiglia li giet irrestawrata u ser tkun għall-wiri. F’Marsaxlokk hemm tnejn oħra li kienu wżati għas-sajd iżda qegħdin għall-bejgħ. Meta kont tarahom tnejn tnejn herġin minn Ghawdex fi triqithom lejn Malta kien fihom għaxqa tarahom jiggariggaw bejniethom min jidħol l-ewwel fil-Port il-Kbir. Kienu jiġu Malta mgħobbijin bil-ħxejjex, frott u bajd u jgħabbu lura lejn Għawdex affarijiet manufatturati, luminata, birra u x’naf jien. Darba nara merħla sħiħa ta’ mogħoz tiela’ fuq tal-latini u trakkijiet sħaħ ta’ merkanzija. Ir-rapprezentant ta’ Lloyds f’Malta kien jispezzjona dawk id-dgħajjes biex joħroġ il-liċenzja addatata għalihom ngħidu aħna ta’ 30 tunnellata iżda padun li jkun jaf sew id-dgħajsa tiegħu x’issarraf ġieli għabba hekk li kważi l-bardnell ikun imiss mal-ilma. Ukoll fil-gwerra li għaddiet id-dgħajsa tal-latini baqgħet tagħti s-servizz tagħha.Sal-1970 kienet għadha tidher xi ftit fil-Port il-Kbir iżda sa dak iz-żmien kienet tuża l-magna u mhux il-qlugħ. Il-familja Caruana mill-Kalkara iżda li fil-bidu tal-gwerra marru Għawdex minn dejjem kienu magħrufin għall-bini tad-dgħajsa tal-latini. Biz-żmien dawn id-dgħajjes bdew jinbnew Ġela fi Sqallija għax kienu jiġu irħas hemm iżda  jintgħarfu għax ir-rota tal-pruwa tkun xi ftit imxengla ‘l barra.

Il-luzzu llum hu miżmum bħala d-dgħajsa prinċipali tas-sajd iżda mhux dejjem kien hekk. Fost il-bċejjeċ tradizzjonali Maltin il-luzzu kien l-aħħar li daħal fl-istorja tal-baħar ta’ Malta. Qablu kien hemm il-kajjikk u l-ferilla, il-frejgatina u oħrajn. Dan ġara li għall-ħabta tal-aħħar tas-seklu dsatax hawn Malta kienu jidħlu kważi kuljum speċjalment fi żmien it-ton, il-gozzi Naplitani u Sqallin. Sal-1920 inbnew xi luzzijiet influwenzati mill-gozzi taljani iżda meta fl-1921 tpoġġew l-ewwel magni fuqhom, ħadu l-fama tajba mas-sajjieda. Minn dak iz-żmien il-luzzijiet bdew jiżdiedu għax kienu jinbnew b’saħħithom, biex jieħdu magna jew tnejn inboard. Sal-1956 liċenzja għal luzzu kienet immarkata bħala gozzo, wara gozzu u mbagħad luzzu.3

Id-dgħajsa tat-trasport kienet qisha luzzu wkoll u kellha erba’ qaddiefa. Kont taraha taqsam min-naħa għal oħra tal-Port mgħobbija bil-merkanzija. Caruana Dingli juri f’waħda mill-akkwarelli tiegħu din id-dgħajsa tat-trasport b’erba’ qaddiefa fuqha.

Il-bumboat tal-gadraj kien tista’ tgħid luzzu tat-trasport. Mela, kien hemm neguzjanti madwar il-Kottonera u x-xatt tal-Belt li kienu jfornu bl-ikel l-iżjed lill-bastimenti tal-passiġġieri għax dawk tal-gwerra Ingliżi kellhom servizz tal-forniment ta’ affarijiet tal-ikel għalihom. Neguzjant, bl-edukazzjoni kollha, kien jitlob permess biex jitla’ fuq bastiment u jistaqsi xi jkun hemm bżonn ta’ affarijiet tal-ikel qabel ma jsalpa minn Malta. Kienu jinxtraw kwantitajiet kbar ta’ patata, basal, ħaxix tal-kċina, frott, zokkor, te, kafe u bosta affarijiet oħra primarji meħtieġa mill-kok t’abbord. Kien isir ħafna qligħ għan-neguzjant li kien ikollu mħazen mifruxin max-xatt tal-Belt u nħawi oħrajn. Il-bumboat kienet tkun attrezzata biex tieħu ammonti kbar ta’ proviżjon li kien jitwassal fuq bastiment skont il-ftehim li jkun sar.

Il-ferilla tas-sajd kienet popolari wisq mas-sajjieda sa ma daħal fl-użu l-luzzu. Wieħed kien jagħraf ferilla mill-bogħod billi kellha r-rota tal-pruwa għolja ħafna. Meta tħares sewwa tinduna li ferilla kienet tixbaħ lid-dgħajsa tal-pass iżda dina kellha l-għoli mill-bardnell sal-livell tal-ilma iżjed baxx minn dak ta’ ferilla. Billi kienet użata ħafna għas-sajd kellha l-falki jinqalgħu meta meħtieġ mill-makkarunetti tagħhom biex is-sajjieda jkunu jistgħu jaħdmu aħjar meta jkalaw xibka fil-baħar. Il-ferilla kellha żewġ imqadef jew erbgħa u kienet armata wkoll biex tiegħu qlugħ tarkija. Din il-ferilla kienet wisq iżjed tqila u goffa minn dik tal-passiġġieri li kienet taħdem bejn il-Birgu u L-Isla fis-seklu tmintax. Illum forsi għad baqa’ l-aħħar sitt ferilli tas-sajd li żidulhom kabina fin-nofs biex ma ngħidx ukoll li saret xi waħda tal-fibreglass. Biex wieħed ikun jaf kemm il-ferilla tas-sajd kienet popolari jara kemm ġew ippubblikati kartolini tagħha.

Il-kajjikk minn dejjem kien iżejjen il-Port il-Kbir b’ħidmietu u wżat għal kull xogħol f’kull bajja tal-gżejjer Maltin. Tant kien użat kullimkien li daħal bħala idjoma fil-Malti meta tgħid: ‘Qisu kajjikk’ għal wieħed li jaqdi lil kulħadd.4 Kont qed nintervista lil Spiru Toscano u ħareġ b’żewġ kelmiet tassew interessanti; kajjikkata u barkata biex ifisser ammont ta’ njam li tista’ tgħabbi fuq kajjikk jew barka; din mit-taljan barca. Kajjikk kif kien fi żmien il-kavallieri kellu pruwa bil-ponta u ċappa fil-poppa; din kienu  jżidulha l-aletti għas-saħħa. Kienu jibnuh ta’ saħħa mħabba x-xogħol u tiskanta tara kartolini antiki ta’ xi wieħed żgħir ħafna mgħobbi sa ruħ ommu fi triqtu jaqsam il-Port il-Kbir. Il-kajjikki l-kbar bħaldawk li darba kont f’Wied iż-Żurrieq kien fihom għaxqa tarahom ħerġin għas-sajd bihom; illum kollha spiċċaw. Il-kajjikk tal-gangmu kellu pruwa u rota tagħha baxxi għax kien magħmul biex tnejn tnejn ifittxu l-faħam li jkun waqa’ fil-baħar meta bastiment ikun qed jieħu l-faħam abbord qabel ma jsalpa minn Malta. Bejnietna din; kien ikun hemm il-ftehim mal-ħaddiema tal-faħam biex huma u telgħin il-planka għal fuq il-bastiment b’ċaqlieqa żgħira iżda ħafifa li bilkemm tinduna biha jaqa’ xi ftit faħam mill-bixkilla li jkun qed iġorr fuq spallithom. Kien hemm ukoll il-kajjikk tal-lampara li kien iġorr dawl qawwi fuq il-poppa għas-sajd ta’ matul il-lejl. Fil-kartolini antiki wieħed jista’ jara wkoll il-kajjikk tal-kopp attrezzat apposta għal dak it-tip ta’ sajd. Mur ifhem jekk tista’ tisma’ min jirreferi għall-kajjikk miġbud l-art jgħid li dak kien ikun aħjar kieku kellu pied ieħor tul. Dawn ikunu nies li jafu jaraw u midħla tal-bini tal-opri tal-baħar.

Frejgatina magħmula mill-Guli kienet tkun sabiħa wisq; hemm min kien isejjħilha s-sinjorina tal-opri tal-baħar Maltin. Dawn inbnew ħafna minnhom sew għall-familja, għas-sajd u sew għall-passatemp. Frejgatina bħal kajjikk kellha pruwa bil-ponta u poppa biċ-ċappa. Barra żewġ bankijiet frejgatina kellha oħrajn iduru mal-parti tal-poppa. Tara waħda tinbena tiskanta kemm jidħlu rqaqat. L-aħħar waħda li rajt kienet dik ta’ Karmenu Darmanin mill-Birgu u tarah ipoġġi l-għeluq f’postu, isaħħan l-injam biex jinbaram sew mal-qafas u jżid ‘l hawn u ‘l hinn xi lembut biex iżomm il-linja jew il-fil tal-għeluq f’postu. Illum iżidu xi magna żgħira għall-mixi għalkemm fl-antik l-iżjed li kienu jaħdmu kienu l-imqadef. Kien hemm żmien wara l-gwerra meta l-frejgatini tat-tiġrija ta’ qlugħ latin kienu jgħaxxqu l-Port il-Kbir u l-bajja ta’ Birżebbuga minn fejn ġieli kienu jitilqu. Il-frejgatina tal-qlugħ l-Ardita minn jaf kemm-il darba ħadet l-ewwel; illum tinsab fil-Mużew Marittimu ta’ Malta.

Il-frejgatina ta’ Għar Lapsi jew tal-Blue Grotto żviluppat imħabba t-turisti Ingliżi iżjed minn oħrajn, li wara l-aħħar gwerra kienu jħobbu jżuru dak il-post magħruf bħala Taħt il-Ħnejja. Fi ftit żmien Wied iz-Żurrieq inbidel minn post tas-sajjieda għal wieħed tat-turisti. Il-frejgatina l-kbira ta’ sittax-il pied saret iżjed popolari mil-luzzijiet u l-kajjikki li kienu jaħdmu hemm. Kull frejgatina tal-Blue Grotto kellha tmunier u raġel ieħor għas-servizz tat-turisti, żewġ imqadef, life jacket għal kull passiġġier li jġorr, sasla biex jiggottaw l-ilma meta meħtieġ, barmil, iċ-ċilindru għat-tifi tan-nar u kaxxa bir-ramel. Mhemmx għalfejn wieħed jgħid li l-frejgatina tal-Blue Grotto kienet mibnija b’saħħitha ħafna, kellha magna u setgħet iġġorr sa tmien passigiieri.

Il-frejgatina tal-kraten kienet waħda fi klassi għaliha u llum ma tara waħda imkien. Din kellha n-nofs ta’ quddiem qisek qed tara frejgatina u wara jispicca qisha kajjikk bil-kraten b’kollox. Min jaf kif bdiet iżda żgur li ma kienx hemm ħafna minnha.

Il-baqqa kienet għamla ta’ dgħajsa tal-qlugħ iżda llum m’ghadiex teżisti; ma baqgħux jinbnew. B’xorti tajba mudell ta’ waħda minnhom illum jinsab fil-Mużew Marittimu ta’ Malta. Kellha għamla ta’ qlugħ imsejjah muger (sic) li qatt ma sirt naf kif seta’ kien; in-nies tal-Kottonera qishom insew kif kien.

Il-papuċa kienet għamla ta’ dgħajsa oħra tal-qlugħ tal-klassi tal-baqqa. Billi kienet merfugħa sew minn quddiem u minn wara hemm min rabat in-nomenklatura tagħha ma’ papoċċ tat-Torok.5

L-iskiff li ħareġ minn dak Ingliż u dan kien ikun wieħed mill-ħafna bċejjeċ tal-baħar li kienu jġorru magħhom il-bastimenti tal-gwerra Ingliżi. L-iskiff Malti kellu l-ponta poppa u pruwa, bħal tamburett żgħir fil-pruwa, bank fin-nofs biex jorbot il-ġnub flimkien u kien ħafif ħafna fil-mixi. Sirt naf li kien użat ħafna għas-sajd tal-kaħli jew biex bih jilħqu xi barkun tan-Navy li jkun mghobbi bl-imbarazz għar-rimi barra l-breakwater. Waqt li żagħżugħ jaqdef b’saħħtu kollha sieħbu jkun ħafif u lest biex jaqbeż għal fuq il-barkun biex jara xi jkun hemm jiswa għalih. Mod ieħor kif żagħżugħ kien idabbar xi ħaġa tal-flus kien li jaqdef bl-iskiff lejn xi bastiment tal-passiġġieri jew xi wieħed tal-gwerra u waqt li hu jibbilanċja l-iskiff tifel li jkun miegħu u jkun  għawwiem tajjeb jistenna lil xi ħadd li jwaddab xi ħaġa tal-flus fil-baħar għal għajjat ta’ ‘Penny Joe’ u hu jkun pront jogħdos qabel mal-munita tispiċċa fil-ħama ta’ qiegh il-baħar. Illum baqa’ forsi l-aħħar skiff u jinsab fix-Xewkija l-Kalkara.

Il-wejla, opra oħra tal-baħar li llum għebet mill-ibħra Maltin, tnisslet mill-whaler Ingliz li kien marbut dejjem ma’ xi bastiment tal-gwerra Ingliż. L-aħħar waħda, forsi li baqa’, qegħda fil-Mużew Marittimu ta’ Malta u hi opra bil-ponta poppa u pruwa. Kienet użata għas-sajd dejjem qrib ix-xatt u kellha żewġ imqadef, tamburett żgħir fil-poppa u fil-pruwa u bank fin-nofs. Meta tiftakar li ġieli kien hemm wejla b’tul ta’ sitt piedi biss ikollok tgħid li kienet hemm biex tintuża bħala passatemp iżda xorta waħda kienu jirreġistrawha biex jagħtuha n-numru tal-liċenzja.

Il-gigg jew gikk kien jixbaħ lil frejgatina iżda kien idjaq minnha. Kellu dak li qisu tamburett fil-pruwa, żewġ bankijiet u bank ieħor maċ-ċappa li kienet iżgħar ħafna minn dik ta’ frejgatina. Il-gigg ħareġ minn sieħbu Ingliż u kien hemm għax-xogħol, għal xi qadja fil-Port, għas-sajd tad-dilettanti u biex wieħed jinqeda bih biex iwassal lil xi ħadd mix-xatt għal xi opra kbira li tkun marbuta f’nofs ta’ bajja.

Il-bagħal tal-gigg kien għal kollox bħall-gigg iżda xi ftit ikbar u b’saħħtu u kien iżjed joqrob lejn it-tul ta’ frejgatina. Illum ma tarax bagħal ta’ gigg imkien għalkemm għadek tista’ tara xi gigg ‘l hawn u ‘l hinn. Bagħal ta’ gigg kien jintuża għat-trasport iżjed milli għal xi ħaġa oħra billi kien xi ftit tqil fil-mixi.

Il-gigg tat-tiġrija kien tassew opra oħra mill-isbah tal-imgħallmin speċjalment Pule li saħansitra biegħ xogħlijiet tiegħu f’Ġibilta u Iżrael. Id-disinn tiegħu hu ibbażat fuq siehbu l-Ingliż li kont tarah fuq bastimenti tal-gwerra tagħhom. Dan il-gigg tat-tiġrija kellu ponta fil-pruwa u ċappa fil-poppa u kien jintuża mill-Forzi Armati ta’ Malta, l-Universita, is-Servizz Ċivili u xi banek lokali għat-tiġrijiet tagħhom.6 Kien twil sittax-il pied b’wisgħa ta’ erba’ u jieħu sitt qaddiefa u tmunier. B’xorti tajba fil-Mużew Marittimu ta’ Malta hemm wieħed esibit; dawn m’għadhomx jinbnew iżjed.

Il-bimbu daħal fl-istorja tad-dgħajjes ta’ Malta dan l-aħħar iżda ma nafx kif! X’aktarx li jaf il-bidu tiegħu minn xi opra Taljana u jidher li ma kienx popolari mas-sajjieda Maltin. Jidher li l-bimbu daħal Malta f’xi l-1960 meta deher imsemmi għal ewwel darba f’dokument uffiċċjali. Il-bimbu kien bil-ponta poppa u pruwa u kellu tmun. Kellu bħal tamburett fil-poppa u kamra taħtha, żewġ bankijiet, mibni b’saħħtu u bir-rota tal-pruwa kemm xejn imxengla ‘l quddiem. Illum għadek tista’ tara xi wieħed Marsaxlokk iżda m’għadhomx jinbnew iżjed.

Id-dingi kien opra oħra li ħareġ minn dak Ingliż, dgħajsa oħra li kienet tkun fuq xi bastiment tal-gwerra Ingliż. Id-dingi kien opra żgħira għal xi xogħol ħafif fil-Port. Fil-Mużew Marittimu ta’ Malta għadek tista’ tara forsi l-aħħar eżempju ta’ dingi. Kellu ponta fil-pruwa u ċappa fil-poppa, żewġ imqadef, bank fin-nofs, tamburett żgħir fil-pruwa u bank ieħor maċ-ċappa u tmun. Xi wħud minnhom b’tul ta’ sitt piedi biss kienu hemm għall-passatemp jew għat-tfal biex jgħaddu ż-żmien jilgħabu fuq wieħed minnhom  f’xi baħar baxx.

Ix-xieru ta’ oriġini Sqalli kien jintuża fit-tunnara għall-qbid tat-tonn. Kien fih mill-inqas 60 pied tul b’tamburett b’saħħtu poppa u pruwa. Tliet bankijiet fin-nofs u ma’ ġenb wieħed kien hemm bħalkaxex fejn fihom kienu jidħlu sa qgħaddhom in-nies tat-tunnara bies huma u jtellgħu ‘l fuq ix-xibka l-kbira jew l-istess ton meta jkunu fil-kampin jew il-kamra tal-mewt ma jinbesqux ‘il barra fil-baħar. Kellu tliet imqadef kull naħa u l-qaddiefa kienu jaqdfu bil-wieqfa u jħarsu ‘l quddiem. Ħasra li ma’ baqa’ l-ebda ħjiel tax-xieri ħlief xi ritratti.

Il-barkazza marbuta max-xieru kienet għamla ta’ frejgatina goffa u b’saħħitha ħafna. Kellha tamburett żgħir fil-pruwa, tliet bankijiet fin-nofs u ieħor maċ-ċappa. Bejn it-tieni u t-tielet bank kellha armat imradd b’saħħtu ħafna li kien jilħaq min-naħa għal oħra. Bih kienu jtellgħu x-xibka b’ħabel li kien jgħaddi minn fuq tarjola ingastata fir-rota tal-pruwa. Kont tara l-barkazza f’nofs il-kampin bil-padrun jew ir-rajjes tat-tunnara fuqha biex imexxi x-xogħol kollu. Spiċċat it-tunnara u magħha għebu x-xieru u l-barkazza.7

Id-dgħajsa tal-bdot jew tal-pilot ma kenitx differenti wisq minn waħda tal-pass ħlief li kienet tinbena b’saħħitha wisq iżjed billi ħafna drabi kienet toħroġ barra l-breakwater. Wieħed jista’ jara l-aħħar waħda fil-Mużew Marittimu ta’ Malta miżbugħa ħadra u bl-ittra P fuq il-mustaċċ tal-pruwa; fl-antik kienu jiktbu PILOT BOAT b’ittri kbar fuq il-pruwa tad-dgħajsa.8 Kellha erba’ imqadef u żewġ qaddiefa apposta barra li kienet iġġorr il-pilot jew bdot u l-assisent tiegħu. Meta hekk meħtieġ kienu jirmunkaw xi bastiment żgħir u biha wkoll iniżżlu xi ankra fejn meħtieġ kif jitlob kaptan ta’ bastiment. Ta’ min isemmi li l-linja tal-baħar P&O kellha d-dgħajsa tal-pilot tagħha apposta.9

Id-dgħajsa tad-Dockyard kienet tixbah ħafna lil waħda tal-pass. Mudell ta’ dgħajsa bħaldin jinsab esibit fil-Mużew Marittimu ta’ Malta. Kien hemm sitta minnhom biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jaqsmu minn dock għal ieħor b’ħeffa kbira. Kellha żewġ imqadef, it-tinda u bank għal arblu għal meta kien ikun meħtieġ li tarma wieħed l-qlugħ. Kienet miżbugħa blu skur sal-livell tal-ilma b’faxxa safra mal-bastun. Min-naħa ta’ġewwa u taħt l-ilma kienet miżbugħa bajda. B’xorti tajba il-Mużew Marittimu ta’ Malta akkwista forsi l-aħħar waħda li kien għad baqa’ fid-Dockyard qabel m’għalqet.

Il-gondla kienet għamla ta’ dgħajsa iżda b’karatteristiċi ta’ bini stil Ingliż iżda ma kellha x’taqsam xejn mal-gondla Venezjana. Fil-Mużew Marittima ta’ Malta ssib mudell antik ta’ gondla bir-roti spirali għat-tond u forsi għalhekk laqqmuha gondla. Iċ-ċinet man-naħa t’isfel tat-tappiera huma doppji u b’saħħithom biex jilqgħu xi daqqiet meta gondla tħokk ma’ moll. Il-gondla kienet tintuża minn irjus kbar bħalma kien il-gvernatur, l-ammirall, it-tabib prinċipali tal-Port u uffiċjali oħra għoljin. Il-gondla ġeneralment kienu jaqdfuha tliet baħrin u kellha tmunier li kien iħaddem tmun tip ta’ wieħed bil-madmad.

Il-gondla tal-ammiral supretendent kienet xorta oħra u probabbli kienet titħalla biss għaċ-ċerimonji uffiċjali tal-ammirall. Din il-gondla, u kienu jgħidulha hekk għax kienet tintuża biss għal xi ċerimonji, kellha għamla ta’ dgħajsa tal-pass bir-roti twal, tinda għall-passiġġieri, tmun mal-poppa u żewġ waqqafiet tal-ħadid kull waħda qrib ir-roti biex magħhom jistiraw tinda. Kellha tliet qaddiefa, tamburett fil-pruwa u fil-poppa, żewġ bankijiet u fuqhom korsija li tilħaq mill-ewwel bank tal-passiġġieri sat-tamburett tal-pruwa; jidher li kienet attrezzata biex meta meħtieġ jarmawlha arblu għall-qlugħ. Ta’ min jinnota li bħalfil-kaz tal-gondla l-oħra l-imqadef kienu jaħdmu ġo furketta tal-ħadid tip Ingliż u mhux jintrabtu bi stropp ma’ skalm.

Il-barkun tat-tagħbija għosfor ukoll mix-xena tal-Port il-Kbir. Ġieli kien hemm gruppi ta’ ħamsin ħamsin ta’ kumpaniji10 differenti u llum ma baqax wieħed biex jirrakkonta l-istorja tiegħu. B’xorti tajba baqa’ xi mudelli professjonali li huma xogħol ta’ Ganni Tal-Braken li sa fi xjuħitu baqa’ jagħmel mudelli sbieħ tal-braken u kien baqgħalu memorja tajba. Il-barkun kien hemm għall-tagħbijiet kbar, faħam, proviżjon tal-ikel, kwantitajiet kbar ta’ njam u ta’ btieti tal-inbid. Barkun kien bil-ponta fil-pruwa u biċ-ċappa fil-poppa. Kienu jirmunkawhom wara xi lanċa b’saħħitha jew wieħed wara l-ieħor jew tnejn jew tlieta flimkien. Kull tagħbija kienet titħalla fuq il-gverta biss u xejn taħtha biex jevitaw is-serq. Fil-bini ta’ barkun, li laħaq kien ikun ċertifikat li jiflaħ 100 tunnellata, kien jidħol xogħol goff u b’saħħtu ħafna. Kellu l-gobbu fil-pruwa biex jirmunkawh bih, taħt it-travi tal-gverta kien hemm il-biċċerija u fuq il-majjieri kien hemm il-permizzan biex iżid is-saħħa tal-prim. Il-varingli mal-murati tal-barkun kienu jżidu s-saħħa tal-ġnub. Barra dan il-barkun bil-ponta fil-pruwa u ċappa mal-poppa kien hemm wieħed li kellu l-ponta poppa u pruwa.

Il-barkun ċisterna kien hemm biex iforni l-bastimenti l-iżjed tal-passiġġieri, bl-ilma tajjeb għax-xorb. Ġieli kien hemm minnhom li kienu jieħdu piz ta’ 100 tunnellata ilma. Fuq il-gverta kien armat bil-pompa tal-għaddasa biex ikun jista’ jippompja l-ilma abbord. Kien hemm regolamenti iebsin dwar l-iġjeni biex ikunu żguri li l-ilma ma jkunx imniġġes b’xi ilma baħar. Dawn il-braken ċisterna għebu mill-Port il-Kbir meta bdew jinbnew il-mollijiet għall-bastimenti kbar.

Biex forsi dil-kitba ma titwalx iżjed milli meħtieġ insemmu ħafif ħafif xi opri tal-baħar oħra li m’għadhomx jidhru fl-ebda parti tal-Port il-Kbir. Kien hemm iċ-ċattra tal-ħadid li fuqha kienu jgħabbu tagħbijiet kbar ħafna u jirmunkawha fejn meħtieġ. Id-dgħajsa tas-saborra kienet hemm biex tgħabbi jew tneħħi minn fuq abbord  il-bastimenti tal-qlugħ dak il-materjal li jkun fl-istiva u jservi ta’ saborra. Din spiċċat hekk kif spiċċaw l-imriekeb tal-qlugħ mal-bidu tas-seklu għoxrin. Id-dgħajsa tal-irmied kienet hemm biex fiha jgħabbu l-irmied tal-vapuri li jkun  hemm wara li jintuża l-faħam. Din id-dgħajsa spiċċat ukoll hekk kif beda jintuża d-diesel minflok il-faħam. Il-kenura jew canoe kienet għamla ta’ dgħajsa tal-passatemp u waħda antika li tinsab fil-Mużew Marittimu ta’ Malta turi binja b’teknika tradizzjonali Maltija. Mhux ta’ min iħalli barra xi esperimenti li saru li juru xogħol Malti iżda ippastardjat għax ma tistax issibhom b’xi nomenklatura li semmejna.

Id-dgħajjes tar-Regatta jinqatghu fi klassi għalihom. Fil-bidu d-dgħajjes li kienu jieħdu sehem kienu l-istess dawk tax-xogħol bħal ngħidu ahna d-dgħajsa tal-pass, il-ferilla, il-kajjikk u l-frejgatina. Biz-żmien bdew jibnu d-dgħajjes apposta għat-tiġrija tar-Regatta tassew ħfief. B’xorti tajba dawn id-dgħajjes għadhom jinbnew għat-tiġrija għalhekk is-sengħa tal-bini tagħhom għadha b’xi mod ħajja.

Għamlu żmien jieħdu sehem fir-Regatta l-klabbs tal-Birgu, Bormla, L-Isla, Kalkara, Marsamxett, Birżebbuga u Għawdex; għalhekk kien hemm għadd ġmielu ta’ dghajjes. Illum għadhom jieħdu sehem id-dgħajsa b’żewġ qaddiefa u oħra b’erbgha; kien hemm ukoll dik tal-Midalji u barra minn dawn hemm ukoll il-kajjikki u l-frejgatini. Trid tara b’għajnejk x’finezza ta’ xogħol ikun fihom. Fil-gażżetta tal-Gvern jidhru l-qisien u l-ħxuniet ta’ njam li jrid jintuża. Ftit jafu li meta dgħajsa tal-Midalji tieħu l-ewwel il-kumitati l-oħra għandhom id-dritt li jitolbu li d-dgħajsa rebbieħa tintizen biex ikunu ċerti li l-ħxuniet tal-injam fil-bini tagħha jkun skont ir-regolamenti.11

Meta toqgħod tqis minn dawn il-bċejjeċ tradizzjonali Maltin illum baqa’ biss ftit dgħajjes tal-pass, xi ftit luzzijiet u kajjikki ‘l hawn u ‘l hinn, nofs tużżana ferilli u xi frejgatini. Illum saru jqumu ħafna flus biex tibnihom, u dieħla l-idea li l-fibreglass hu orħos u fih inqas xogħol ta’ manutenzjoni. S’issa għadna ma wasalniex f’qagħda allarmanti bħal fi bnadi oħra tal-Mediterran iżda tkun tassew ħasra jekk jintilfu għal kollox id-dgħajjes tradizzjonali Maltin. Kullħadd jgħid li mhemmx bħal luzzu tal-injam li tħossu taħtek sod fl-ilma u forsi nerġghu napprezzaw id-dgħajsa tal-injam. It-tajjeb trid tħallas għalih! Innutajt b’sodisfazzjon li fil-Kottonera minn fejn ħarġu bosta mgħallmin tad-dgħajjes ċerti anzjani u mhumiex qed ituha għax-xogħol ta’ mudelli ta’ bċejjeċ Maltin bħad-dgħajsa tal-pass u oħrajn u qed tassew jagħmlu mudelli mill-isbaħ. L-imgħallmin tad-dgħajjes tar-Regatta li huma waħdiet qed jagħmlu xogħol imprezzabbli u j’Alla jkun hemm oħrajn li jagħmlu bħalhom. F’Marsaxlokk forsi jista’ wieħed jara l-ikbar ġabra ta’ dgħajjes tas-sajd u kien hemm żmien meta ġieli kien hemm minn 600 sa 800 waħda. Illum dan in-numru naqas billi ħafna mix-Xlokkajri qed ituha għax-xogħol tat-turisti u mhux iżjed għas-sajd.

Ix-xogħol ta’ dgħajjes tradizzjonali Maltin żviluppa hawn matul s-snin u l-Malti dejjem ħa l-ideat minn dawk li kienu jaħkmu l-gżira. Ukoll meta bdew jimitaw qxur barranin il-Malti daħħal is-sistema Maltija hekk kont tara l-wejla iżda bil-binja lokali, u l-istess ngħidu għall-gigg, l-iskiff, id-dingi u oħrajn. L-imgħallem ħa mit-teknologija li kienu jħaddmu l-kavallieri u l-Ingliżi u ghamilha tiegħu. Mgħallem Malti forsi ma kienx juża ħxuna ta’ njam, imħabba raġunijiet ta’ ekonomija, meta mqabbel ma’ xogħol barrani iżda l-inġustar, il-mincotti u nsomma x-xogħol eżatt u l-irfinir tiegħu baqa’ apprezzat matul iż-żmien.

Glossarju

ARBULAT – il-mod kif qaddief Malti jaqdef bil-wieqfa u jħares ‘il quddiem.

ARK – l-injama ċatta iżda xi ftit għat-tond li żżomm f’posthom min-naħa ta’ fuq żewg issati.

ARSENAL TAL-BALERI – it-tarzna ta’ żmien il-kavallieri li fiha kienu jibnu il-galeri.

BANK – kull post li fuqu kienu joqogħdu bil-qiegħda l-passiġġieri.

BANKETTA – Dik magħmulha minn injam tal-abjad u titpoġġa taħt dgħajsa meta jiġbduha l-art.

BARDNELL – L-injama b’saħħitha li tkun ingastata fuq l-irjus tal-istamnari u ddur

mad-dgħajsa kollha.

BARK – bastiment kbir tal-qlugħ tal-merkanzija tas-seklu dsatax li jkun armat bi tliet arbli ta’ qlugħ kwadri.

BARKLOR – qaddief ta’ dgħajsa tal-pass.

BARRIERA – kien għeluq bis-serratizzi mwaħħlin ft-art li jżommu fih passiġġieri li jiġu minn barra sakemm ikunu eżaminati mill-ispetturi tas-saħħa.

BATTUSA – biċċa injama ħoxna li tkun marbuta fuq bardnell u li magħha jintrama l-skalm.

BATTUSA S-SINJURA jew battusa reġina kienet dik il-waħda qrib it-tinda li rari tintuża minn barklor.

BATTALJOLA – jew ISSATA lì fuqha jkun hemm it-tinda.

BEJTA – dik il-fetħa fil-poppa qrib il-prim u li fiha jkun hemm l-iskrun.

BIĊĊERIJA – injama b’saħħitha li kont isstb taħt it-travi li fuqhom kienet isserraħ il-gverta ta’ galera jew ta’ barkun.

BLATAFORMA – biċċa art lixxa u kbira ġeneralment blata li kont issib qrib xi ħanut tax-xogħol ta’ mgħallem tad-dgħajjes u li fuqha kien iħożż disinn ta’ dgħajsa.

BOMA – għamla ta’ arblu li jżomm miftuħ min-naħa t’isfel il-qlugħ randa.

BOMBARDA – bastiment tal-merkanzija tas-seklu dsatax li kien armat b’żewġ arbli b’dak ta’ quddiem xi ftit lura u joqrob lejn in-nofs u bi qlugħ randa ma’ dak ta’ wara.

BOQXIEX – għodda ta’ mastrudaxxa li juża għal xi xogħol fit-tond u li jkollu x-xafra

fin-nofs b’maqbad kull naħa.

BRAZZOL – injama b’saħħitha li torbot per eżempju travu mal-murata ta’ dgħajsa.

BRIG – bastiment tal-merkanzija tas-seklu dsatax li kien armat b’żewġ arbli ta’ qlugħ kwadri u wieħed randa mal-arblu ta’ wara.

ĊAMFRIN – kument ta’ njama li naħa minnhom jkollu għamla maqlubha ta’ 45 grad.

ĊANA TAL-IPPULIR – dik li biha kienu jirfìnaw x-xogħol tal-injam.

ĊANELLA – dgħajsa jew frejgatina li jkollha ċ-ċan tagħha bil-majjieri ċatti u wisgħin.

ĊIMA – ħabel oħxon, iżda kienet ukoll dak l-inqix ma’ pestiera minn ġewwa li juri għamla ta’ ħabel.

CLINCH – mill-Ingliż, għamla ta’ musmar tar-ram aħmar li bih kienu jorbtu stamnara ma’ majjiera.

DAVID – għodda tal-mastrudaxxa kollha tal-ħadid li biha kienu jorbtu bis-saħħa njam ma’ xulxin.

DENB IL-FAR – għamla ta’ serrieq irqiq, dejjaq u twil biex bih jagħmlu xi toqba tonda fl-injam.

DGĦAJSA TAL-LATIN – dik kbira u b’saħħitha li kienet tuża żewġt iqlugħ latini jew trijangulari; waħda minnhom kienet dik t’Għawdex.

DGĦAJSA TAN-NOLL – dik tal-passiġġieri u li kienet marbutha b’rati ta’ ħlas fissi għas-servizz tagħha.

DGĦAJSA TAL-PASS – dik li kienet hemm biex tagħti servizz ta’ ġarr ta’ passiġġieri.

DISO – mod speċjali ta’ qdif ta’ barklor Malti li kien jaqdef bil-wieqfa waqt li jħares il quddiem.

DRAGUN – dik l-għamla ta’ annimal mitoloġiku bil-ġwienaħ li kont tara n-naħa ta’ quddiem fuq it-tappiera ta’ kull naħa ta’ dgħajsa.

DRITTA – in-naħa tal-lemin ta’ dgħajsa meta tħares minn wara lejn il-pruwa.

DURMENT – dik l-njama minn ġewwa taħt il-bardnell u li magħha jintrabtu l-istamnari.

FALKA – injama li tintrama bejn żewġ makkarunetti u li kienet hemm biex tilqa’ r-raxx tal-baħar; fuq dgħasja kienet hemm biss bhala tiżjin.

FERILLA – dgħajsa żgħira u ħafifa li kienet tintuża biss bejn l-Isla u l-Birgu.

FIRJOLA – injama li tkun tinsab taħt il-prim biex tiffranka l-ħsara li tista’ ssir lill-prim kull meta dgħajsa tinġibed l-art.

FURMATUR – għodda tal-mastrudaxxa li bih jaqta’ l-injam b’daqqiet fuqu tal-martell.

GAFFA – L-injama li magħha tintrabat il-parti ta’ fuq ta’ qlugħ randa.

GALERA – xini tal-gwerra ta’ żmien il-kavallieri li kienet twila u baxxa mal-ilma li titħaddem bl-ilsiera u bi qlugħ latin.

GALVU – jew MOLL li bih wieħed ikun jaf kif se jaqta’ stamnara jew majjiera.

GASH CHUTE – mill-Ingliż; dik il-fetha fil-ġenb ta’ bastiment tal-gwerra Ingliż li minnha kok kien jarmi dak iż-żejjed li kien jibqa’ tal-ikel.

GAXIN – dak l-ikel żejjed fi kien jibqa’ fuq bastimenti Ingliżi u li kien jinġabar minn nies apposta biex wara jinbiegħ.

GĦAJN TA’ HORUS – dik l-ghamla ta’ ghajn li kont tara fuq ħafna dgħajjes tradizzjonali Maltin magħrufa wkoll bħala dik ta’ Horus jew Isis u kienet ġejja minn żmien il-Fenici.

GĦASFUR – għamla ta’ għasfur li kont tara mal-pruwa ta’ dgħajsa u li ħa post l-għajn.

GIGG – jew gikk – hu dak li ħareġ minn wiehed Ingliż u li kien qisu frejgatina iżda iżgħar u li kien hemm għax-xogħol.

ĠILJUN – il-biċċa ta’ ġewwa ta’ moqdief u li barklor kien jaqbdu biex jaqdef.

GREENHEART – injam iebes ħafna u li jegħreq fl-ilma.

GULIERM – għodda tal-mastrudaxxa li jkun qisu ċana iżda dejjaq ħafna.

IMĦAŻEN TAL-VAXXELLI – dawk li jinsabu n-naħa ta’ Bormla u li saru biex fihom jaħżnu l-attrezzaturi tal-vaxxelli meta jidħlu Malta għax-xitwa.

INJAM STRADILJAT – dak li jkun skartat imħabba l-vina tiegħu meta jiġu biex jagħmlu xi brazzol.

ISIJJA – meta wieħed jaqdef b’lura.

ISSATA – ara Battaljola.

JIĊĊOMBA – il-mod kif jintrabtu l-kurduni ta’ ħabel għas-saħħa u bħala tiżjin ukoll.

JIDDRIZZA – il-ħila ta’ barklor biex dan iwaqqaf iċ-ċaqlieq ta’ dgħajsa.

JIFFRITTA – ix-xogħol ta’ tindif ta’ dgħajsa miż-żebgħa l-qadima; dari biċċa ħġieġa mkissra kienet tkun biżżejjed biex jobrox biha.

JIPPULI – jirfina l-injam.

KAMRA – dik taħt it-tamburett tal-pruwa u f’dak l-ispazju barklor kien iżomm maqfulin l-affarijiet tiegħu.

KARTABUN – għodda tal-mastrudaxxa u meta wieħed ikun irid iżomm qies ta’ 90 grad bejn żewġ injamiet.

KONTRA BANK – dak ta’ quddiem ieħor li t-tnejn ikunu quddiem l-ispalliera ta’ dgħajsa.

KORAZZATA – għamla ta’ bastiment tal-gwerra Taljan tas-seklu l-ieħor.

KORSIJA – KRIESI – dik ta’ galera kienet tgħaddi minn nofs, mill-ispalliera tal-poppa sar-rambata, u kull naħa kien hemm il-bankijiet tal-qaddiefa, Fuq dgħajsa tal-pass kienu dawk l-injamiet li jista’ jiċċaqlaq min-naħa għal oħra u li jkunu bejn it-tamburett tal-pruwa u l-bankijiet tal-passiġġieri.

KOTBA TAL-OKKORRENZI – Kienu dawk ir-reġistri miżmumin mill-pulizija u li fihom issib dak li jkun ġara ġumata waħda wara l-ohra.

KRATEN – jew TRINKARINI huma dawk li qishom kaxex tawwalin mal-ġnub tad-dgħajjes tradizzjonali Maltin; fuq dgħajsa tal-pass kont issib fuqhom il-bankijtet tal-passiġġieri.

KUMENT – ix-xifer ta’ fallakka jew tavla u mhux iċ-ċatt tagħha.

LAĊĊ – L-injama lit tkun ingastata fir-ras ta’ tmun biex iħaddmuh bih.

LEXXUN – Għodda ta’ mastrudaxxa li jkollha xafra wiesgħa u taqta’ ħafna u manku twil biex jillixjaw l-injam goff.

LINJU SANT – injam iebes ħafna u li jeghreq fl-ilma.

MADMAD – dan ikun ingastat f’ras ta’ tmun u jagħmel ix-xogħol ta’ laċċ.

MAĦTUFA – ngħidu għal xi opra tal baħar tradizzjonali li tkun xi flit dejqa fil-pruwa; rimarka derogattiva!

MAJJIERA – injama xi ftit għat-tond jew tista’ tkun ukoll ċatta għal kollox li titwaħħal fuq il-prim u li bihom jitwaqqaf il-qafas ta’ dgħajsa.

MAKKARUNETTA – injama ħoxna wieqfa fuq bardnell li magħha żżomm falka f’postha.

MASTELLA – ngħiduha għal xi opra tradizzjonali Maltija li tkun qisha banju kbir tal-ħasil; kelma derogattiva!

MIXRUBA – rimarka derogattiva li tinghata lil xi dgħajsa li tidher li tkun xi ftit dejqa ghall-wisa’ tagħha.

MUNXAR – xi wħud jgħidulu s-serrieq ta’ San Ġużepp, b’xafra tas-snien dejqa u li jintuża għal xi xoghol fit-tond.

MURATA – Iż-żaqq ta’ dgħajsa min-naha ta’ ġewwa.

NAVI – Bastiment tal-merkanzija tas-seklu dsatax fi kien jinbena Malta wkoll u li jkun kbir ħafna u mgħammar bi tliet arbli ta’ qlugh kwadri.

PALJOL – Il-qiegħ ta’ dghajsa li fuqu jserrħu riġlejhom il-passiġġieri.

PARASULI – Għamla ta’ purtieri li kien ikun hemm madwar it-tinda ta’ dghajsa tal-pass. PASSATUR – Għamla ta’ berrina jew trapan ġieli tkun twila u ħoxna ħafna biex biha jtaqqbu l-injam; din titħaddem b’manku b’saħħtu min-naħa waħda.

PASTIZZ – kelma derogattiva li tingħata lil xi opra tradizzjonali li jkolIha poppa u pruwa mislutin irqaq u l-istess.

PERMIZZAN – Injama li tingasta ruħha fuq il-majjieri F’linja mal-prim.

PESTIERA – L-injama wieqfa għat-tul mal-kraten ta’ xi opra Maltija.

PINNUR – L-injama oriżżontali ma’ arblu u li miegħu jintrabat qlugħ kwadru.

PRIM – L-injama b’saħħitha tul l-opra sħiħa li fuqu jinbena l-qafas tagħha.

QALFAT – il-bniedem tas-sengħa li bl-arti tiegħu kien isodd kull xaqq jew toqba li jara f’opra tal-baħar.

QLUGĦ KWADRU dak li jkollu għamla kważi kwadra u jiddendel ma’ pinnur.

QTUGĦ L-ILMA – nistgħu ngħidu li kien il-livell tal-ilma fuq dgħajsa.

RABOTT – Għamla ta’ ċana antika tal-mastrudaxxa.

RADANĊA – bħal washer tar-ram aħmar li minnu jgħaddi clinch u jirbattuh fuqha.

RAMBATA – dik il-parti ta’ galera fil-pruwa li taħtha jkun hemm il-kanuni.

RANDA – Għamla ta’ qlugh qisu widna kbira ghax jintrabat min-naħa waħda mal-arblu, fuq ikollu L-GAFFA u isfel IL-BOMA.

REBEKKIN – Għodda tal-mastrudaxxa li bih itaqqab ġeneralment toqob żgħar.

ROTA – L-injama twila ħafna ‘l fuq mill-bardnell li wieħed isib filpruwa u fil-poppa ta’ dgħajsa.

SERP – Għamla ta’ serp minqux mal-ġenb ta’ pestiera ta’ dgħajsa.

SERRIEQ TAD-DAHAR – Għodda tal-mastrudaxxa li jkollu d-dahar tiegħu, jew in-naħa ta’ kontra s-snien, imsaħħah bil-ħadid jew bir-ram.

SETTIJIET – Il-partijiet kollha ta’ dgħajsa tal-pass li jkunu jistgħu jinqalgħu minn posthom.

SINISTRA – in-naħa tax-xellug ta’ xi biċċa tal-baħar meta thares mill-poppa lejn il-pruwa.

SKALL – Injam oħxon u b’saħħtu għat tul ta’ xi ħanut tax-xogħol tad-dgħajjes u li fuqu jsir il-bini ta’ opra.

SKALM – Injama b’saħħitha ħafna u li miegħu jintrabat il-moqdief li jkun ingastat f’battusa ta’ dgħajsa.

SKIFF – Għamla ta’ opra Maltija li ħareġ minn dak Ingliż u li kellu poppa u pruwa bil-ponta u kien ħafif wisq fil-mixi.

SKUNA – Bastiment żgħir tal-merkanzija tas-seklu dsatax li kien armat bi qlugħ randa fuq kul wieħed.

SKUŻI – Injam li jżomm flimkien l-istamnari mal-majjieri mal-qiegħ tad-dgħajsa. SPALLIERA – Id-dahar tal-bank tan-naħa ta’ wara tal-post tal-passiġġieri.

SPALLIERA TA’ GALERA– Dik il-parti mill-gverta ta’ quddiem il-kabina tal-poppa. STAMNARA – injama ma’ kull naħa ta’ majjiera li tagħti l-għamla taż-żaqq ta’ dgħajsa. STROPP – il-ħabel li jorbot flimkien moqdief mall-iskalm.

TAKKI – toqob fil-ġnub in-naħa tat-tinda tal-passiġġieri li fihom jingastaw it-truf tal-issati.

TAMBURETT – dik li qisha gverta għamla trijangulari li ssibha fil-poppa u fil-pruwa tal-opri tradizzjonali Maltin.

TAPPIERA – dik il-faxxa tal-injam, dari kienet tkun tal-kewba, li tara taħt il-bardnell u l-falki mill-pruwa sal-poppa u li fuqha tara xi tiżjin.

TARKIJA – Għamla ta’ qlugħ sempliċi ħafna li jintrama ma’ arblu u jifirxuh b’lasta twila. Dan kien popolari ħafna fost il-Maltin.

TAVLAR jew TAVLAMENT dak l-injam kollu fi jkun hemm mal-qiegħ ta’ dgħajsa minn ġewwa.

TERZ – TRIEZI – qies ipotetiku li jaqsam il-prim ta’ dgħajsa fit-terz ta’ quddiem u dak ta’ wara.

TESTATUR – il-kument ta’ stamnara maqlub f’angulatura; ġieli jkun hemm ħames testatori differenti fuq waħda.

TIK – mill-Ingliż teak – injam iebes li kien jiġi mill-Indja u bih kienu jaghmlu xi rota ta’ dgħajsa.

TOPPING LINE – mill-Inlgiż li jaqbel ma livell tal-ilma iżda fuq bastiment tal-gwerra Ingliża jkun xi ftit wiesa’.

TQALFIT – L-arti li biha kienu jsoddu kull toqba jew xaqq li jkun hemm fl-injam ta’ dgħajsa.

TRAVERSA – injama li tkun taħt il-paljol biex jintrabat flimkien.

URNAR – Id-dekorazzjoni li jkun hemm fuq dgħajsa.

VARINGLI – bħal brazzol kbir li ssib fuq il-murata ta’ xi dgħajsa kbira, bħal ngħidu aħna barkun. biex isaħħaħ l-għeluq.

VARLOPPA – Għodda tal-mastrudaxxaa li tkun qisha ċana iżda kbira ħafna biex jikkorreġu xi kument ta’ njama kbira.

VAXXELL – Bastiment tal-gwerra ta’ żmien ikavallieri li jkun armat b’ħafna kanuni u jkun armat bi tiliet arbli ta’ qlugh kwadri.

VENDA – Il-ġabra ta’ dgħajjes tal-pass jistennew ma’ moll biex meta ordnati jmorru jwasslu l-passiġġieri fuq bastiment.

WEJLA – Dgħajsa żghira li ħarġet milliwhaler Ingliż li kienet tuża l-imqadef u wżata għal xi xogħol ħafif.

XIFA – Għodda tal-masturdaxxa li tkun ponta rqiqa u twila bil-manku biex biha jtaqqbu xi toqob irqaq.

XIMITARRA – Arma li taqta tal-Mislem għmla ta’ nofs qamar.

ŻENGUL – Għamla ta’ majjiera bil-forma ta’ V li ssib in-naħa ta’ quddiem ta’ dgħajsa. ZOKK – Dik L-injama li ġieli kienet tkun meħuda minn biċca żebbuġ jew ħarrub u li tgħaqqad ir-rota mal-prim.

 

Referenzi tal-ewwel taqsima

  1. Busuttil, V., u Borg, T., English Encyclopaedia , (Malta, 1921), vol. D – F, 1127; ara wkoll Faure, G., Li Storia ta Malta u Ghawdex, (Malta, 1913), vol.5, 776.
  2. Belli, G., Storja ta’ Malta u Għawdex, (Malta, 1932), vol. 7,2574 et seq
  3. Dan ix-xogħol sar bis-saħħa ta’ bosta mgħallmin tad-dgħajjes u barklori li ġentilment wieġbu għal kull mistoqsija li kont nagħmlilhom fl-intervisti tiegħi.
  4. Contreras. A., The Life of Captain Aloisio de Contreras, (Londra, 1926), 52.
  5.  National Library Malta Library (il-qudiem nagħtu biss NLM LIB) 429, vol. I, Per le Barche del Passo.
  6. Laws and Regulations of Police, (Malta, 1853), (*il-quddiem nagħtu biss LRP), passim.
  7. Tagħrif miġbur mingħand Del Ceppo stess.
  8. Din Honor Frost kienet arkeologa ta’ taht il-baħar u sibtha ta’ għajnuna kbira fir-riċerki tiegħi dwar l-istorja tal-baħar.
  9.  Dal Pozzo, B.. Historia della S Religione Militare di S Giovanni Gerosolimitano detta di Malta.(Venezja, 715),vol.2, 548.
  10. Schellinks, W., Journey to the South 1664-1665 , Ruma, 1983), stampa. 51a
  11. Camenzuli, P., Is-Sengħa tal-Bini tad-Dgħajjes f’Malta u f’Għawdex, teżi tal-B.A. mhux ippubblikata, s.v. Gigg.
  12.  Għal tagħrif fit-tul ara Muscat, J., French Influence on Maltese Ship and Boat Building fis-Seminar: Aspects of Maritime Relations with France Through the Years, The Maritime Museum Vittoriosa 31 May 1998.
  13. Ara Muscat, J., The Maltese Galley, (Malta, 1998) u t-tieni edizzjoni fis-sena 2000.
  14. Wieħed jista’ jara xi mudelli għall-bini ta’ dgħajjes fil-Mużew Marittimu ta’ Malta.
  15. Ħajr lil Antonio Espinosa Rodriguez li għaddieli din l-informazzjoni.
  16.  National Archives Malta, Occurences (‘il quddiem nagħtu biss NAM Occ) 1-1-1927. Billi dan id-dokument mhux paġinat qed nagħtu d-data minflok.
  17. ld-dixx kien instab fil-Knisja ta’ San Michele degli Scalzi f Pisa datat 1175¬1200 AD; ħajr lit Honor Frost li tatni din l-informazzjoni.
  18. Wiehed jista’ jara spalliera bħal din fil-Mużew Marittimu ta’ Malta.
  19. Is-settijiet kienu dawk il-bċejjeċ kollha tal-injam fuq dgħajsa li setgħu jinqalgħu minn posthom bħal nghidu aħna l-falki, l-bankijiet, il-kriesi u l-bqija.
  20. F’ras kull waħda kont tara dak li qisu jkun iljun.
  21. Ara Police Laws, (Malta, 1883), (‘ll quddiem nagħtu biss PL 1883), passim; National Archives Malta Register of Boatmen, (‘ll quddiem nagħtu biss (NAM RB), 2 – 6, 1904, n, licence no. 16; Police Laws, Malta,1919), (‘ll quddiem nagħtu biss PL 1919), 56 no 253.
  22. Tinda kien ikollha l-parasuli jew speċi ta’ purtieri għax-xemx.
  23. Għad baqa’ xi ritratti li juru d-dgħajsa armata b’tinda għat-tond.
  24. Is-sistema kienet magħrufha bħala: iċċama l-venda.
  25. Wieħed jista’ jara ċomba ta’ barklor fil-Mużew Marittimu ta’ Malta.
  26.  Dawn ir-reġistri llum tista’ tarahom fl-Arkivju Nazionali ta’ Malta fir-Rabat
  27. Admiralty Manual of Seamanship, (Londra, 1979), vol. 1,266.
  28. Tilley, A.F., A Phoenician Survival, fil-The Mariner’s Mirror, vol. 55
  29. Għal tagħrif fit-tul ara Muscat, J. The Dgħajsa and Other Traditional Maltese Boats, (Malta, 1999), passim.
  30. National Archives Malta Government (‘ll quddiem issibha bħala NAM GOV), 1956/1936, file: Help for Dgħajsamen.
  31. National Archives Malta Commisioners’ Book (‘il quddiem issibha bħala NAM Com), 17-7-1928; data mgħotija flok il-paġna.
  32. NLM LIB I3. 389; Cassar Pullicino. J ., Studies in Maltese Folklore, (Malta, 1992). 20. 21 ; Castagna, P.P. Lis Storia ta Malt a bil-Gzejjer taghha, (Malta. 1985). ristampat, vol. I.72.
  33. NAM Occ 8-2-1925, 144.
  34. National Archives Malta Magistrates’ Book (‘il quddiem issibha bħala NAM Mag), 6-7-1929, 188.
  35. Ibid, 191.
  36. NAM Occ, 27-11-1942, 132, 133
  37. Belli, vol. 7, 554,555
  38. Tagħrif li tagħni s-Superjur John Schembri li kien mill-Birgu.
  39. Segond. vol.5. 575

Referenzi tat-tieni taqsima

  1. Għal tagħrif fit-tul araMuscat, J. , The Xprunara, (Malta , 2000) , passim.
  2. Is-Sacra Famiglia varawha fl-1934, a r a NAR RBs , 121 iżda s-Sacra Famiglia G32 irregistrawh a fl-1-1-1930 .
  3. NAR RPB , 17-3-1959 , licence no.S.335 .
  4.  Serracino Inglott , s.v . Kajjikk.
  5. Aquilina , s.v . Papuca .
  6. Serracino , vol . 1 , 5 4 u vol . 3,98
  7. Ħajr lil Alfred Vella għat-tagħrif li għaddieli .
  8. M G G 1893 , notic e n o . 204 ; ara wkoll P L 1883 , xvii as amended by 230.
  9. N A R C D , D14 , 544 ; ibid. , F10 , 79v ; M G G 1897,97 . notice no . 4 3 .
  10. Societa riuniti di Lancie e Pontoni.Lambert Brothers , Portelli Brothers, Livio Bianco , Messrs Bianchi and Co. , T h e Malta Tug and Lighters sercvice L t d o f Marsa kienu kollha kumpaniji li jħaddmu l-braken; ara wkoll NA R Occ, 21-2-1925 , 172 ; NA R Com , 31-12 -1904 , 146 , 195 : NA R RBs, 159, 163, 165.
  11. Għal tagħrif fit-tul dwar ir-Regatta ara Serracino , J : L-Istorja tat-Tiġrija tal-Vitorja, Malta 1983-1988, 4 volumi