Idj. ‘ħadu fuq demm id-dars’, jiġ. aċċetta lil xi ħadd kontra qalbu; ngħidu wkoll ‘għamel li kellu jagħmel fuq demm id-dars’, jiġ. għamel xi ħaġa għax sfurzat. M.A.V. (1796) jispjega l-frażi ‘demm id-dars’ hekk: ‘prendere o soffrire mal volentieri; soppracuor; contro genio’. L-analoġija storika li tista’ tgħin biex niskopru kif ġiet din il-frażi tinstab fl-istess paġna tal-Lexicon ta’ M.A.V., fl-ispjega tal-verb ‘demmes’ u tan-nom ‘dars’. M.A.V. jfisser il-verb ‘demmes’ hekk: ‘condire le vivande’. Imbagħad M.A.V. jagħti wkoll tifsira għan-nom TIDMIS li joħroġ minn dan il-verb: ‘cottura d’erba e legumi ben conditi’. Mela dan ifisser li n-nom ‘demm’ ġej mill-għerq tal-verb ‘demmes’ jew min-nom ‘tidmis’. L-analoġija li teżisti bejn l-att fattwali u dak figurattiv hi din li ġejja: meta dak li jkun jaċċetta bniedem jew xogħol fuq qalbu jkun qisu qed jiekol l-ikel li ma jġerragħx, billi jdemmsu sew. Nafu li fl-antik il-ħwawar kienu jintużaw ħafna biex itejbu t-togħma, kultant mhux pjaċevoli, ta’ ċertu ikel. Inkwantu għall-kelma ‘dars’, din ġejja mill-verb ‘daras’, ‘dires’ jew ‘darras’. M.A.V. jispjega ‘dires’ b’dan il-mod: I. kiel billi bela’ l-ikel malajr; II. farrak jew inkella ssepara l-qamħ minn ħxejjex oħra. Mela meta wieħed jiekol xi ħaġa fuq qalbu, dan ikun qiegħed jiekol ‘bid-demm u d-dars’ – jiġ. billi jħawwar u fl-istess ħin ifarrak u jissepara l-ikel f’biċċiet żgħar. Sors ieħor: G.B.F., 1845.