Dar kbira; ospizju jew kunvent. Hawn diversi lokalitajiet f’Malta li isimhom jinkludi l-kelma Dejr. Għandu mnejn Dellimara tfisser Dejr il-Mara. Dan l-isem jipparaguna ma’ Dejr il-Bniet li x’aktarx ifisser Kunvent.  Fir-Rabat insibu l-Katakombi jew l-Abatija tad-Dejr. Fil-ktieb tiegħu Place Names of the Maltese Islands, l-awtur Godfrey Wettinger jgħid li Dejr tista’ tfisser ukoll post fejn jinżammu l-bhejjem jew l-uċuh tar-rabà. Dan hu minnu għaliex kultant il-kelma Dejr tintuża ma’ xi isem bħal: Dejr Baqar u Dejr Ħmir, Dejr iż-Żara u Dejr il-Bużbież.  Wieħed għandu anki jagħti każ l-ismijet li fihom hemm il-kelma ‘dar’, bħal Dar in-Naħal u Dar il-Ħmar. Hemm ukoll isem bid-diminuttiv ta’ Dejr:  Dwejra (dar żgħira).