Mill-bidu tas-seklu ħmistax ’il quddiem, l-irħula ta’ Malta kellhom sistema ta’ difiża para-militari li tipproteġihom minn xi żbark għal għarrieda tal-furbani. Din kienet il-Milizja, li mill-1462 ’‘il quddiem bdiet tissejjaħ bħala d-Dejma.  L-irġiel kollha ta’ bejn is-16 u l-65 sena, kienu obbligati jingaġġaw fiha biex jiffurmaw speċi ta’ armata żgħira. Dawn in-nies kienu jinġabru mill-irħula. Xogħol id-dejma kien li tintervjeni f’każ ta’ xi attakk mhux għall-għarrieda fuq ir-raħal tagħhom. Dawn is-suldati waħidhom ma kinux biżżejjed biex joffru reżistenza kbira, għaldaqstant xogħolhom kien li jintervjenu f’emerġenza u fl-istess waqt jallarmaw mill-aktar fis il-gwardja tal-Imdina, biex din tibgħat ir-rinforzi tagħha. L-armi tad-dejma kienu diversi, eż., lanez pjuttost qosra, xwabel, skieken u tarki.  Xi wħud mis-suldati kienu jġorru wkoll il-qaws mimdud (Tal. balestra, Ing. crossbow). Xogħol id-dejma kien skedat għal bejn Mejju u Awwissu, jiġifieri, il-perijodu tas-sena fejn kien l-aktar mistenni li l-furbani setgħu jisbarkaw f’Malta. Id-dejma baqgħet tiġi organizzata bħala sistema ta’ difiża anki fi żmien l-Ordni. Ara: ‘Id-Dejma, Il-Maħras and the defence of the Maltese Islands in the late medieval and early modern times’, ta’ Stanley Fiorini, fi Sacra Militia Issue 2, 2003, pp. 16-28.