Wara li l-qoton ikun maħluġ (mgħoddi mill-ħallaġa), dan jittieħed għand id-daqqaq.  Xogħol id-daqqaq kien li jinfex il-qoton (jagħmlu artab u miftuħ) bil-watar (speċi ta’ korda stirata mqabbda ma’ lasta). Il-lasta tkun imqabbda ma’ speċi ta’ qaws twil magħmul minn qasba tas-sajd b’saħħita jew minn diversi qasab marbutin flimkien. Id-daqqaq idoqq iċ-ċiek (speċi ta’ martell) fuq il-watar li jitniżżel qalb il-munzell tal-qoton. Ma’ kull daqqa taċ-ċiek fuq il-watar, dan jitriegħed bħal korda tal-kuntrabaxx u l-qoton ta’ miegħu jtir il barra daqs nofs metru ’l bogħod. B’dan il-mod il-qoton ikun qiegħed jinfetaħ u jitpaħpaħ. Dan kien process importanti biex il-qoton wara jkun jista’ jinstilet f’ħajt irqieq fuq ir-raddiena.