Dak kien żmien! Meta niftakar x’kull waħda konna nagħmlu, ninsa s-sebgħin sena li għandi, fis idub iċ-ċpar li sikwit jinġema’ quddiem għajnejja, ir-rogħda li għandi f’saqajja ma nħosshiex aktar, bħal saħħa ġdida, barranija nħossha tixtered ma’ ġismi kollu u trid kieku tqabbiżni u tqajjimni minn fuq is-siġġu li għoddu ttaqqab bil-qgħad bla hedu u tqil ta’ ġismi bla saħħa.

Mela ħa ngħidilkom waħda. Kienet x’in-nofs siegħa; bl-aħħar loqma ħobż f’idi, b’żarbuna nofsha mittiekla u mqatta’ f’kull wieħed miż-żewġt ibwiet tal-qalziet, u bi ġlekk, li kien jaf erbgħa minn ħuti akbar minni, imgerbeb taħt abti ħriġt niġri mid-dar biex, xħin isiru s-sagħtejn, immur għand l-imgħallem li ma kienx iżommni jekk ma kontx inkun liebes bħan-nies (kien igħid hu). Ħdejn it-tomba tal-mandraġġ iltqajt ma’ xi erbgħa oħra bħali mqarbin, jinbxu l-kulħadd, u billi kien is-sajf qtajniha li mmorru nieħdu waħda l-fossa.

U tlaqna. Aħna u sejrin, issa nċenċlu xi qanpiena jew inħabbtu bis-saħħa, xi bieb u nitilqu niġru, issa naqilbu xi mejda f’xi bieb ta’ ħanut, issa ninbxu  lil dan u issa ninbxu lil dak. Filwaqt li konna sejrin għal fuq is-sur, wieħed minna (li wara miskin temm ħajtu l-ħabs) waqaf u filwaqt li dorna miegħu qal: “Tafu x’għandna nagħmlu? Ma mmorru ngħumu xejn, imma mmorru għal Pawlu ta’ Indri ngħidulu li Gejta l-mara ta’ Ġankarl, għandha tarbija u nġibuh idoqqilhom daqqa”. Kulħadd għoġbitu l-biċċa. Sħabi telqu ġirja waħda għal ħdejn S. Duminku, u jien (jien, biex ingħid is-sewwa, kont misħut iva, imma f’dawn il-praspar dejjem kont nibqa’ ftit lura) u ieħor tlaqna bil-lajma għal ħdejn Ġankarl.

Issa dan Ġankarl kien xiħ ta’ tlieta u tmenin sena, u kien jgħammar ma’ martu Gejta, iżgħar minnu xi sentejn, f’daqxejn ta’ mezzanin ta’ żewġ kmamar, waħda fuq  u l-oħra isfel, fuq is-sur ta’ Marsamxett, bil-qligħ ta’ ħanut żgħir li kellhom fil-kamra t’isfel.

Konna ilna xi kwarta fuq is-sur nistennew u nitħaddtu bejnietna, xħin nilmħu jilwu minn Strada Zecca għal Strada S. Lucia l-Pawlu ta’ Indri ma’ xi tlett ixjuħ oħra, lebsin qadim, bi strumenti li kemm kemm ma jafux idoqqu weħidhom, u madwarhom, juruhom fejn, sħabi li kienu marru għalihom.

Sa fl-aħħar waslu u marru waqfu ħdejn il-bieb ta’ Ġankarl; aħna nġbarna għalina ftit ‘il bogħod maqsumin bid-daħk, nistennew ħa naraw kif sa tmur il-biċċa.

Pawlu wiċċu kollu daħkani, ħabbat żewġ taħbitiet li jriegħdu.

Ftit wara tinfetaħ il-gallarija u jixref Ġankarl, b’mustaċċih kollha mqanfdin, imdellkin, imxarrbin bil-brodu, u b’mgħarfa tqattar f’idu.

Xi trid? Issa qiegħed niekol. –

Wiċċ Pawlu tilef ftit minn dik id-daħka nofsha sfurzata li kellu, imma Pawlu għamel il-ħila u qallu:

Nifraħlek Ġankarl! –

Biex? X’ġara?

Żdidna hux? Ma tafx, ġejna ndoqqulek daqqa –

u dawk ix-xjuh bl-instrument imqabbad ma’ xufftejhom, jistennew lil Pawlu jgħidilhom l’uno, due, tre.

Gejta, li kienet għexet dejjem mikduda u mifnija minn xewqa li jkollha t-tfal (imqar tifla), semgħet xi ħaġa minn ġewwa, fehmet x’kienet il-biċċa, gerbet is-siġġu li kienet fuqu u ħarġet tiġri kemm tawha saqajha u b’dagħdiegħa fuqha ta’ mara ta għoxrin sena.

Ġankarl, malla ra lil martu, ma tkellimx aktar, għax kien jaf li, fejn jidħol l-ilsien, kienet tinqala’ aktar minnu.

B’wiċċ mbergħen, għajnejha mberrqin, b’ħarsa li tbeżża’ bdiet tferfer idejha u tgħajjat b’ħanġra daqshiex miftuħa, donnha waħda mxajtna:

“Ma tistħux, ja ħafna xjuħ li intom, tatu fastidju lil min m’għandux ħsiebkom? Tfal ma kellniex, imma kellna biex inżommuhom kieku ġew. Din x’għarukaża hi, imissek qiegħed f’darek; raġel b’xerfek kollu trid tgħaddi iż-żmien bin-nies…”

U ħafna kliem ieħor bħal dan li minnu ma niftakarx ħlief “ommok” u “missierek” u “razztek”.

Naf li l-aħħar kliem tagħha kien “għax nitfagħlek daqqa ta’ xitan”; u malli qalet hekk ħarset madwarha, rat l-imgħarfa f’idejn żewġha, ħatfithielu minn idu u waddbitha għal ras Pawlu. Imma ma laqtitux għax hu miskin, għall-ewwel baqa’ bħal miblugħ, imma xħin ra li se taqbad l-imgħarfa bħal ġie fih innifsu, qabad l-istrument u dar jiġri għal wara l-kantuniera. Sħabu għamlu bħalu, u aħna nidħku kemm nifilħu, tbiegħdna ftit, saffarna żewġ tifsiriet, għajjatna erba’ għajtiet u tlaqna.

Ed. Coleiro

1932.