Din hija speċi ta’ rota li magħha jeħlu diversi biċċiet tal-injam, biex meta ddur ir-rota dawn jaħbtu ma’ xulxin u jagħmlu ħoss ta’ tfaqqiha kbira. Dan l-istrument kien u għadu jintuża fil-knejjes fil-ġranet tal-Ġimgħa l-Kbira, meta l-qniepen, li ssoltu jdoqqu f’okkażjonijiet liturġiċi, ‘jintrabtu’ bejn nhar l-Erbgħa tat-Tniebri sa Sibt il-Glorja. Dan il-ġest simboliku jsir b’sinjal ta’ sogħba għall-mewt ta’ Kristu. Hawn diversi tipi ta’ ċuqqlajti, fosthom dawk li jinġarru bl-idejn, u oħrajn kbar, qishom raddiena tal-injam li jittellgħu fuq il-kampnari tal-knejjes biex jinstemgħu min-nies tal-madwar.