Isimha magħha! Bizzilla! Hekk ngħidu għal kull ħaġa li toħroġ maħduma perfetta, mhux biss għal dak li hu nsiġ imma wkoll għal kull pjan ta’ ħidma li m’għandu xejn x’jaqsam ma’ xogħol ta’ l-idejn.

Kitba ta’ Dr Consiglia Azzopardi. L-artiklu oriġinali deher fl-Imnara, Nru 40, 2017.

Il-kelma ‘Bizzilla’ mal-ewwel iġġibilna f’moħħna tifkiriet Malta fl-imgħoddi, meta gruppi ta’ nisa u tfal kienu jqattgħu ħinhom miġbura f’xi sqaq għall-frisk jew għall-kenn ’l barra mill-bieb ta’ djarhom. Ix-xena ta’ mara bil-qiegħda wiċċha ’l ġewwa, aljenata moħħha fit-trajbu jserraħ mal-ħajt quddiema, kienet tqanqal il-kurżita ta’ min ikun għaddej; u dak iċ-ċekċik ħelu taċ-ċombini, għaddejjin b’ħeffa minn id għall-oħra ta’ min ikun qed jinseġ id-disinn bil-ħajt, kien jitqies melodija li jġiegħel lit-turist jersaq ħa jara u jixtri. Kultant tieqaf … pawsa ta’ sekonda, kemm taqla’ labra bir-ras tal-kulur mill-kuxxinett imdendel ma’ fuq tat-trajbu, (jew xi drabi minn ġo ħalqha) u terġa’ tehmeż fit-toqba li jmiss. U tibqa’ għaddejja, tistira l-ħjut mat-tidwir taċ-ċombini, twitti x-xogħol hi u tarah tiela’ taħt għajnejha, u tpaċpaċ mingħajr ma tieqaf taħdem!  Kif ma jitfixklux? Imma kif isibu tarf dawk iċ-ċombini kollha?

Dan hu biss ix-xogħol il-ħafif, jgħidulha ‘il-bizzilla tat-triq’ għax min kien jinqala’ għas-sengħa, ġewwa kien ikollu bizzilla oħra bix-xogħol il-fin.  Din qatt ma kien joħroġha barra fit-triq, kemm għax kien hemm min jgħajjen jew iġib xi risq ħażin, u kien hemm min jissindika b’ħafna mistoqsijiet: “Lil min qed taħdimha?” “Kemm ittik tagħha din?” Ma kienux iħobbu juru x’jagħmlu u x’ma jgħamlux. Għax il-bizzilla ma kienux jaħdmuha biex jilbsuha imma għall-bejgħ, u fil-veru sens tal-kelma n-nisa kienu jgħixu minnha. Hija ħasra li dawn ix-xeni nqatgħu għal kollox mill-ambjenti tagħna anki minn dawk il-postijiet ta’ kultura magħluqa għat-traffiku f’ħin il-kummerċ.

Il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Anton Tabone fl-iSchool of Arts, li kienet għadha kemm tibda topera, madwar Diċembru 1990

Il-bizzilla teżor fil-Knejjes

Ħafna llum jistaqsu: “Meta bdiet? Kif ġiet il-bizzilla f’Malta?” Biex ikollna viżjoni ta’ kif  tassew kienet il-bizzilla f’pajjiżna matul is-sekli rridu nduru lejn dak li nsibu fil-knejjes tal-parroċċi tagħna.  Dan għaliex il-knisja dejjem żammet imniżżel bil-miktub mhux biss il-lista ta’ l-Abiti Sagri imma anki d-dħulijiet u l-infieq biex setgħu jinxtraw bizzilli jew materjal biex jinħadmu. L-arkivji tal-Kattidral ta’ l-Imdina u tal-Matriċi f’Għawdex bdew isemmu l-bizzilla sa’ mill-1619. Għall-ewwel kienu biss burduri dojoq li bihom kienu jberflu palli, korporalli u amitti; maż-żmien imbagħad bdew jaħdmu burduri wiesgħin għall-albi u rukketti bil-kmiem pariġġ. Ir-referenzi għall-bizzilli ma qatgħu qatt mill-lista tal-bjankerija tal-knejjes mindu dawn inqatgħu parroċċi sal-lum. Dawn l-inventarji kienu jinżammu bir-reqqa matul is-snin speċjalment fir-rapporti tal-Visti Pastorali; minnhom  nisiltu dettalji li jitfgħu dawl fuq l-istorja tal-bizzilla f’pajjiżna. Dan għaliex matul dawn l-aħħar erba’ mitt sena ta’ storja, l-aħjar u l-aqwa bizzilla dejjem kienet dik li ħadmu l-parroċċani minn qalbhom u aktarx bla ħlas, imma b’devozzjoni kbira għall-knisja.

B’daqshekk m’għandniex nifhmu li l-bizilla bdiet f’Malta fl-1619. Anzi, dawn l-ewwel referenzi juru li x-xogħol tal-bizzilla kien diġa avanzat u baqa’ dejjem jiżviluppa b’ritmu mgħaġġel skond ma kien qed jiġri fil-pajjiżi ġirien Ewropej. Fil-bidu aktarx li kienu jaħdmuha s-sorijiet Benedittini fl-Imdina billi dawn kellhom taħt idejhom il-kura tal-Kattidral. Imbagħad, żgur li ħadet spinta ’l quddiem ma’ dħul is-sorijiet Ġerosalemitani f’Malta fl-1584. Il-Gran Mastru De Verdalle pprovdielhom kunvent fil-Birgu u dan serva bħala l-ewwel skola għall-edukazzjoni tat-tfajliet fl-ibliet tal-port u fl-irħula tal-madwar. Meta fl-1595 dawn is-sorijiet ta’ Sant’ Ursola mxew lejn il-kunvent ġdid tal-Belt, posthom ħaduh is-Sorijiet ta’ S. Skolastika li ġew mill-Imdina. Hekk issa l-edukazzjoni femminili kienet iċċentrata fl-Imdina, fil-Birgu jew fil-belt Valletta.

Bizzilla tal-Labra jew taċ-Ċombini

Ix-xogħol tal-bizzilla, għall-ewwel bil-labra u wara biċ-ċombini, kien qabad f’Venezja lejn is-snin 1500 u l-kummerċ tagħhom beda jħalli ħafna qliegħ. It-tagħlim kien ikkontrollat min-nisa nobbli tal-familja rjali tad-Doġe, u l-bizzilla kienet qed tinħadem fil-kunventi tas-sorijiet immexxijin minn dawn in-nobbli. Ivvintaw disinni ġodda apposta għal dan ix-xogħol u għallmuhom f’segretezza kbira għax Alla ħares kien jinqabad xi ħadd juri kif tinħadem. Venezja saret magħrufa għall-għenuq kbar u l-pulzieri pariġġ li kienu qed jordnaw saħansitra r-rejiet u l-irġejjen ta’ l-Ewropa meta dawn saru moda fuq l-ilbies ta’ l-irġiel u tan-nisa.

Kienu n-negozjanti stess li ġiebu l-ordnijiet lejn Venezja u biegħu l-bizzilla tagħha li xerrdu s-sengħa mal-pajjiżi kollha ta’ l-Ewropa, għalkemm mhux tant tal-labra daqs dik taċ-ċombini. Din ta’ l-aħħar kienet iktar faċli u t-teknika tagħha hi mibnija fuq dik ta’ l-insiġ, waqt li dik tal-labra baqgħet il-prijorita tal-kunventi ta’ Venezja mgħarufa bħala ‘Punto in aria’. Għall-kuntrarju, l-bizzilla taċ-ċombini sabet ruħha fis-swieq ta’ Ġenova fejn, dak iż-żmien, kien isir kummerċ mal-portijiet kollha tal-Mediterran b’kull xorta ta’ merkanzija imma l-iżjed tad-drappijiet. Bħal kull port ieħor fi Sqallija u l-Greċja, din is-sengħa mxiet ukoll lejn Malta permezz tal-korsara li kienu fuq kollox jinnegozjaw il-qoton ma’ Ġenova. Naturalment, l-ewwel ma dehret kien fis-suq ix-Xatt tal-Port il-Kbir, u ma setax jonqos li tibda tiġi mgħallma fil-kunventi tal-Birgu fejn aktarx kien hemm l-ulied bniet ta’ dawn il-baħħara negozjanti. Min kien moħħu jtih biex jixxempja l-insiġ ma kienx ibati biex jitgħallem il-bizzilla taċ-ċombini, u xi sorijiet Sqallin jew Ġenoviżi dejjem kien hemm imexxu jew jieħdu ħsieb it-tagħlim f’dawn il-kunventi li kienu numerusi mhux ħażin. Mhux ta’ b’xejn li minn dan iż-żmien bikri fl-istorja tal-bizzilla għad fadlilna ħjiel ta’ xebh bejn il-bizzilla taċ-ċombini ta’ Ġenova u dik tagħna kif baqgħet tinħadem matul is-snin: qed ngħid għall- ‘moska’, għat-‘tila’, għaċ-‘ċumbaturi’ u għall-‘pizzi’.

Xebbiet mill-Għasri jaħdmu l-bizzilla fil-ħwienet ta’ Strickland, il-Belt Valletta, madwar l-1950

Żmien il-Brigantini

Il-bizzilla taċ-ċombini ħadet spinta ’l quddiem f’Malta bejn is-snin 1720 u 1760, meta l-Iberja fetħet is-swieq għall-kummerċ tal-qoton. In-negozjanti Maltin organiżżaw rwieħhom f’kumpaniji, u bil-vapuri armati jissejħu ‘brigantini’ kienu jitilqu minn Malta u fi triqthom lejn Spanja u l-Portugal kienu jikkummerċjaw fil-portijiet mal-kosta ta’ Sqallija, Napli, Ġenova, Marsilja, Barċellona, Valencia u l-bqija sa jaslu Cadiz, meta ma jibqgħux sejrin ukoll lejn Teneriffe jew Lisbona. F’kull port li jieqfu kienu jbiegħu u jixtru, u sa nies kienu jgħabbu bħala passiġġieri minn post għall-ieħor.

Issa Cadiz kienet belt internazzjonali u dak iż-żmien is-swieq tagħha kienu magħrufa għall-kwatitajiet kbar ta’ bizzillel ta’ stili differenti li kienu jinġiebu hemm mill-pajjiżi ta’ l-Ewropa ta’ Fuq li kienu msemmija għall-bizzilla fina, bħal ngħidu aħna Antwerp, Brussel, Danimarka, l-Ingilterra, l-Olanda u Franza. Fi Spanja kien jinbiegħ kollox, u ħafna minnu kien jerġa’ jiġi esportat lejn il-kolonji Portugiżi u Spanjoli fl-Amerika. It-tip ta’ bizzilla li l-iktar kienet timxi kienet dik Fjamminga li tinġieb minn Antwerp u kienet tikkonsisti f’burduri tal-ħajt abjad aktarx ta’ l-għażel għax f’dan il-pajjiż kellhom sengħa kif ikabbru u jipproċessaw il-pjanta tal-kittien li minnu kienu joħorġu ħajt fin ħafna, hekk li l-bizzilla maħduma minnu ħadd ma kien jisboqha fis-sbuħija. Minkejja dan, din il-bizzilla kienet tinbiegħ għax kienet l-iżjed waħda bi prezz baxx.

In-negozjanti Maltin ma damux biex ħadu l-idea, u kienu għaqlin biżżejjed biex minn Cadiz ġabu lura Malta ħajt sabiħ, disinni u kampjuni ta’ dawk il-bizzillel li kienu l-aħjar fis-suq, biex dawn jiġu studjati u applikati għall-bizzilla li tinħadem Malta. Ġiebu wkoll forma ta’ mħadda ġdida biex fuqha jinħadmu l-borduri, forma ta’ ċilindru twil, l-istess bħalma nafuha llum u li nsejħulha ‘Trajbu’. Din kellha tħaffef fix-xogħol tal-bizzilla iktar minn dik li l-Maltin diġa kellhom, jiġifieri l-imħadda forma ta’ romblu bħal tat-Taljani. F’dan iż-żmien daħlu wkoll xi punti ġodda li nġiebu minn Spanja, bħalma kienet ix-xibka li kienet tissejjaħ ‘Point de Paris’ u li l-Maltin sejħulha ‘bizzilla tal-Punti tal-Balla’. Hekk għadha tissejjaħ sal-lum u għadna nsibuha prinċipalment fil-bizzilla li tintuża għat-trieħi ta’ l-artali jew għall-albi tal-qassisin.

Fuq kollox, minn Spanja, in-negozjanti studjaw il-mod kif fil-belt ta’ Mechlin fil-Belġju kienu jtellgħu produzzjoni hekk kbira ta’ bizzilla fina. Kellhom ‘kunventi’ ta’ xi elf xebba li kienu miġbura jaħdmu l-bizzilla taħt għajnejn il-maestri tagħhom imdawrin b’ħitan għolja li ħadd ma jista’ jidħol ħlief in-negozjanti tal-bizzilla, u hemm kienu jaħdmu bla ma jerfgħu rashom mix-xogħol il-ġurnata kollha, anke fid-dlam għad-dawl tal-lampa biex ilaħħqu l-kwota, hekk li ħafna għamew ta’ eta żgħira. In-negozjant kien jipprovdi l-ħajt u jqabbad disinjatur biex jagħmel disinni ġodda skond il-ħtieġa tas-suq. Lura Malta n-negozjanti ħabirku biex jiftħu djar li jservu biex fihom jinħadem ix-xogħol tal-bizzilla, ta’ l-insiġ u tar-rakkmu. Ewlenija fosthom kienet il-Casa d’Industria tas-Sultan, li l-Gran Mastru De Vilhena kien bena fil-Furjana għat-tfajliet foqra li riedu jsibu xogħol fejn jaħdmu.

Mill-inventarji tal-Brigantini li ħarġu mid-dwana ta’ Malta bejn l-1729 u l-1765, nsibu eluf ta’ canni tal-bizzilla tal-ħajt abjad irreġistrati f’kull vjaġġ fi triqtu lejn Spanja u l-Portugal. Il-pittur famuż Pariġjan Antoine de Favray, li ġie fl-1745 u ħadem Malta sa tmiem iż-żmien tal-Kavallieri, ħalla pitturi mportanti ta’ nisa nobbli Maltin li juru li mhux biss kienu jilbsu l-bizzilla imma wkoll kienu jaħdmuha fuq l-għamla l-ġdida ta’ mħadda li ġiebu minn Spanja. Favray jagħti xhieda wkoll tal-bizzilla tal-ħarir iswed li issa kien sar moda ħafna fl-Ewropa. Iżda, għalkemm insibu importazzjoni kbira ta’ ħajt abjad ‘Filo di Napoli’ u ħarir iswed jew kulurit, madankollu rari nsibu li kien hemm xi mportazzjoni ta’ bizzilla maħduma lesta. Dan ifisser li kollox kien jinħadem Malta?

Pero` ż-żmien inbidel. Beda jmajna n-negozju tal-qoton ta’ Malta għax kien jinxtara irħas mill-kolonji u mill-Lvant Nofsani. L-Ordni kellha titlaq minn Malta, għal sentejn daħlu jaħkmuna l-Franċiżi, u fl-aħħar ġejna taħt l-Ingliżi. Ma kienx faċli li fi żmien sentejn Malta tgħaddi taħt tlett saltniet. Biex tagħqad f’Malta xterrdet il-marda tal-kolera u l-gvern kellu jniedi kwarantina fuq il-qoton. L-esportazzjoni tal-qoton għalqet għal kollox u miegħu l-bizzilla.

Restawr fuq bizzila tal-1893

Bidla minn l-Ordni għall-Ingliżi

Għal ħafna snin konna naħsbu li:

Il-bizzilla daħħluha Malta l-Ingliżi. Ċertu Lady Hamilton Chichester, fl-1833, ġabet Malta xi għalliema minn Ġenova biex tgħallem lil Maltin kif tinħadem.

Hekk dejjem ikkummentaw fuq il-bizzilla ta’ Malta il-kittieba storiċi tal-bizzilla fl-Ewropa. Biex insiru nafu kemm hemm verita f’din l-istqarrija, wieħed irid jistudjaha fl-isfond kulturali tad-data msemmiha. L-ewwel snin ta’ l-Ingliżi f’Malta kien hawn il-faqar, popolazzjoni kbira u xogħol ma kienx hawn. L-insiġ tal-qoton kien iservi biss għall-ilbies u l-għata tan-nies tal-lokal għax l-Ing liżi ma kienx joġgħbuhom drappijiet tan-newl. Kienu bdew idaħħlu Malta drappijiet mill-Ingilterra minsuġin bil-magni li kienu inqas goffi u aktar kuluriti u sbieħ. Anki l-Maltin bdew jitħajru jixtruhom drappijiet bħal dawn!

Imma Malta kellha klima tajba bix-xemx u l-baħar. Ħafna frustieri fosthom Ingliżi bdew jiġu Malta jew biex jiftħu l-ħwienet, imexxu s-servizzi tal-gvern, jitfħu skejjel għat-tfal ta’ l-Ingliżi jew minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Bdew jinfiltraw fil-livelli għolja tas-soċjeta Maltija, imma dejjem baqgħu meqjusa differenti mill-Maltin fil-kultura u l-ikel, l-ilsien li bih jitkellmu u anki fit-twemmin tagħhom. Dak iż-żmien il-lingwa uffiċċjali ta’ Malta kien it-Taljan u din l-Ingliżi ma kienux jifhmuha, wisq u wisq iżjed ma kienux jifhmu l-Malti, imma mhux la kemm tbiddel il-lingwa ta’ pajjiż. Biex tagħqad mill-bidu tas-snin 1820 bdew deħlin fostna ħafna refuġjati mill-Italja minħabba r-Risorgimento f’pajjiżhom. Għall-kuntrarju ta’ l-Ingliżi dawn sabu f’Malta kultura li tilqagħhom billi kellhom l-istess lingwa Taljana u l-istess reliġjon Kattolika. Dawn ukoll infiltraw fis-soċjeta Maltija u ħafna għamlu suċċess f’oqsma ta’ letteratura, mużika, arti u artiġjanat, hekk li isimhom għadu jissemma sal-lum.

Kien fl-1823 li Lady Hamilton Chichester waslet Malta ma’ zijitha li kienet miżżewġa lil Sir John Hookham Frere, dak iż-żmien kien għad għandha biss 12-il sena. Kibret u għixet hawn Malta fid-dar tagħhom tal-Pieta, Villa Frere. Ma jistax jonqos li ipprovat tgħin lil tfajliet tal-post, aktarx tallaba, jħabtulhom il-bieb għal xi naqra xogħol. Lanqas ma jonqos li ġiet f’kuntat ma’ nisa Taljani refuġjati f’Malta li kienu jafu jaħdmu l-bizzilla. Forsi minn hawn ħarġet ix-xniegħa fil-kumment ta’ hawn fuq!

L-ewwel awtur li semmiet lil Lady Hamilton Chichester f’konnessjoni mal-bizzilla ta’ Malta kienet Mrs. Bury Palliser fil-ktieb ‘History of Lace’ stampat fl-1865 (B. Palliser, The History of Lace, London, 1865 edition, p76). Kulma qalet kien dan:

Il-bizzilla li darba kienet tinħadem f’Malta, indiġena għall-gżira, kienet waħda goffa fuq stil ta’ Mechlin jew Valenciennes imma b’disinn arabesk.

Fl-1833, Lady Hamilton Chichester qabbdet mara li ġġib l-isem Ciglia, biex tixxempja, bil-ħajt abjad, bizzilla ta’ kutra qadima Griega li kienet għadha għandha. Il-familja Ciglia, minn dak iż-żmien bdiet taħdem (l-istil) tal-‘Maltese Guipure’ bl-iswed u bl-abjad, (stil) li sa dak iż-żmien kien għad ma jafux jaħdmuh fil-gżira.

Palliser ikkonfermat li l-bizzilla ndiġena ta’ Malta kienet waħda qadima minn ta’ żmien il-Brigantini fis-seklu ta’ qabel Chichester. Semmiet ukoll id-data 1833, is-sena li fiha Chichester ordnat il-bizzilla minn għand Ciglia. Dan Ciglia kien kunjom ta’ familja ta’ negozjanti Għawdxin bil-ħwienet fir-Rabat fejn kienu jiġbru bajd, ġbejniet, tajjar tal-qoton magħżul, u xogħol ieħor Għawdxi fosthom il-bizzilla, u jmorru jbiegħuh lill-Ingliżi u s-sinjuri f’Malta. Din tal-kutra Griega fiha x’tifhem; fil-fatt kienet il-mara li pittret u ħadmet il-bizzilla li kienet ġejja minn nazzjonalita Griega. L-istil ‘Maltese Guipure’ nistgħu nirreferu għalih bħala l-‘Mosche / Moski’, f’Għawdex jissejħu wkoll ‘Dubbien’, li minn dak iż-żmien bdew jinħadmu bil-ħarir iswed u abjad. Probabli, malli Ciglia ħa l-kutra lil Chichester din għamlet riklam għall-bizzilla li kienet bdiet tinħadem t’Għawdex.

L-ewwel Malta Trade Exhibition, il-Belt Valletta, 1947. Il-Prinċipessa Eliżabetta qed tara lil Betty Grima t’Għawdex taħdem il-bizzilla.

Il-Bizzilla t’Għawdex

Meta Dun Ġużepp Diacono kiteb “Memorji u Tagħlim Bizzilli li jinħadmu f’Għawdex u f’Malta” (Malta, 1920), beda bl-avveniment ta’ kif it-tfajla Għawdxija Marianna Attard, fl-1846, kienet skopriet kif taħdem il-‘Moska’. Din ħadmitha hi u mhux biss, imma malajr bdiet tgħallem lill-oħrajn u flimkien ma’ oħtha Ġenesia bdew ipittru disinni bil-moski u jaħdmuhom. Marianna mietet ta’ 29 sena imma x-xogħol komplietu oħtha u zitha Reġina

Papa` – aktarx il-mara Griega li ħadmet il-kutra għal Chichester. Diacono jgħid li dawn fetħu skola fir-Rabat Għawdex, apposta biex fiha jiġu mgħallma bizzilli b’dan l-istil ġdid li żviluppa f’Għawdex.

Ir-riżultat ta’ din il-ħidma deher fil-‘Great Exhibition of London 1861’ meta xall kbir 2m x 2m maħdum mill-ħarir iswed, li n-negozjant P.P. Borg of Gozo daħħal għall-kompetizzjoni fl-Londra, rebaħ il-medalja tad-deheb u ġibed ħafna attrazzjoni lejn il-paviljun ta’ Malta. Inxtara mill-Familja Rjali ta’ l-Ingilterra, u minn dak in-nhar ix-xalel kbar suwed maħdumin bil-bizzilla t’Għawdex ħadu isem ma’ kullimkien fl-Ingilterra u l-Ewropa. Fl-istess okkażjoni tfaħħru wkoll għall-finezza tagħhom il-burduri tal-ħajt abjad li kienu qed jiġu mgħallma fil-Konservatorju f’Għawdex. Wieħed jista’ jifhem għaliex bdew ġejjin minn barra ħafna ordnijiet għall-bizzilla t’Għawdex. Saħansitra d-disinjaturi kellhom jinkorporaw il-figura tas-salib ta’ Malta, dak ta’ tmien ponot li jilbsu l-Kavallieri, f’kull biċċa bizzilla bħala ‘Trade Mark’ biex juru l-ġenwinita tal-bizzilla ta’ Malta maħduma bl-idejn.

In-negozjanti ma baqgħux lura. Bdew iqabbdu disinjaturi li jifhmu fil-bizzilla biex iħaffu x-xogħol u hekk il-produzzjoni tikber fi żmien qasir. Xerrdu t-tagħlim mhux fir-Rabat biss imma wkoll fl-irħula, u dan għamluh billi l-ewwel imur grupp żgħir jitgħallmu fir-Rabat li mbagħad kienu jmorru lura fir-raħal jgħallmu lil sħabhom. Billi x-xogħol ta’ l-insiġ issa kien mar lura ġmielu, allura f’Għawdex lill-bniet miċ-ċokon kienu jgħallmuhom jaħdmu l-bizzilla. Veru li daż-żmien kienu bdew jiftħu l-iskejjel primarji tal-gvern fl-irħula prinċipali kollha, imma dawn ma kienux jgħallmu bizzilla għax il-bniet dik kienu jkunu ġa jafuha mid-dar. Minn ma kellux minn jgħallmu kien imur ħdejn il-ġirien jew qraba u f’kemm ilni ngħidlek kienu jitgħallmu. Ma kienx hemm għira biex wieħed jitgħallem varjeta, disinn wieħed biss kien biżżejjed, u fi żmien qasir kienu jitolbu l-ħajt lin-negozjant ħa jibdew jaħdmulu l-bizzilla għall-bejgħ.

Dawn ix-xeni ta’ ringiela nisa jaħdmu mal-ħajt fit-triq kienet ħaġa normali. Hekk meta l-gvern kull għaxar snin beda jorganizza ċ-ċensiment ta’ kemm hawn nies jaħdmu, nsibu li f’Għawdex kull raħal in-nisa kollha jibdew minn tfal taħt l-10 snin kienu diġa qed jiġu reġistrati bħala ħaddiema li jagħmlu qliegħ mill-bizzilla. Fil-waqt li Għawdex kien hawn eluf jaħdmu l-bizzilla u waħdiet li jaħdmu r-rakkmu, f’Malta kienu bil-kontra – eluf jaħdmu fir-rakkmu u waħdiet jaħdmu l-bizzilla. Kien kollu ta’ xejn li n-negozjanti ppruvaw jiftħu f’Malta l-iskejjel tal-bizzilla bħal dik t’Għawdex, għax f’Malta x-xogħol tal-bizzilla qatt ma qabad bħalma qabad Għawdex.

Dun Ġużepp Diacono u l-Casa Industriale f’Għawdex

Kien ikollna nuqqas kbir mingħajr is-sehem ta’ Dun Ġużepp Diacono fl-iżvilupp tal-bizzilla f’Għawdex. Dan kien l-uniku wieħed li kiteb, fil-qosor imma preċiż kemm jista’ jkun, l-istorja tal-bizzilla f’Għawdex u għadda nformazzjoni tal-prattika li hu stess ġabar minn fomm dawk viċin il-bizzilla. Bl-esperjenza tiegħu wettaq dak li kien jemmen fih, jiġifieri li jekk iwaqqaf skola industrjali bħalma kienu dawk tas-seklu tmintax f’Malta, kellu l-ħila jerġa’ jqabbad in-negozju bħal dari, din id-darba bis-swieq immirati lejn l-Ingilterra. L-iskola fetaħha fix-Xagħra fl-1893 meta kien Arċipriet ta’ dik il-parroċċa.

Ma kienetx bħall-Kongregazzjoni tas-sorijiet Franġiskani li kien waqqaf fir-Rabat fl-1888. Din id-darba kienet immexxija minn nisa lajċi mpjegati mad-dar. L-iskola kienet bla ħlas għat-tfal li jattendu imma x-xogħol li jaħdmu kien jinbiegħ u ġab ħafna qliegħ kemm għad-dar u kemm għat-tfal ta’ bejn l-5 u 15-il sena. Għad-disinni ħaseb dejjem Diacono nnifsu u hekk ħalla dokument ħaj ta’ kif kienet il-bizzilla fi żmienu. Il-bizzillel li ħarġu minn din l-iskola sabu ruħhom mxerrdin mal-pajjiżi kollha u sal-lum għadna nsibu esibiti f’mużewijiet barra minn Malta, għenuq u mkatar il-ġmiel tagħhom li kienu moda ħafna għall-aħħar tas-seklu dsatax.

Pariġġ id-dar tax-Xagħra kellu dar oħra fil-belt Malta minn fejn kien ibiegħ u jieħu l-ordnijiet ġodda. Barra dan kien hemm negozjanti Għawdxin marbuta ma’ din id-dar li ta’ kull ġimgħa kienu jmorru jiġbru x-xogħol maħdum biex ilestuh għall-ħwienet jew anki jsiefru bih. Ġie li anki daħħal il-bizzilla biex tieħu sehem f’wirjiet ta’ l-artiġjanat barra, bħal fil-‘Colonial Exhibition’ ta’ Londra’, u san-nies kien jibgħat hemmhekk jaħdmu l-bizzilla fuq il-pavaljun ta’ Malta.

Imbagħad, fl-1913 il-Casa Industriale tax-Xagħra mxiet lejn Triq it-Tiġrija fir-Rabat u ma reġgħetx ħadet ir-ruħ. Iż-żminijiet inbiddlu, kienet riesqa l-Gwerra, nbidlet il-moda fl-ilbies u l-bizzilla tal-ħarir ma baqgħetx imfittxija. Kien dan iż-żmien li Diacono kiteb il-‘Memorji u Tagħlim’ biex jibqa’ mfakkar il-metodu li wieħed għandu jkun jaf għax is-sengħa kienet sejra lura. Qabdet l-emigrazzjoni lejn l-Awstralja, l-Ingilterra u l-Kanada u għalhekk ħadet spinta l-edukazzjoni u t-tagħlim ta’ l-Ingliż fl-iskejjel tal-gvern. Il-bizzilla twarrbet għall-ġenb u baqgħet tinħadem biss għall-qassisin u l-knejjes. Diacono miet fl-1926 ta’ tmenin sena.

Malta Industries Association Ltd

Bil-Kostituzzjoni ġdida ta’ Malta lejn is-sena 1929, Lord Gerald Strickland kien elett bħala Prim Ministru; hu kien ġie lura Malta wara li għamel żmien gvernatur fl-Awstralja. Mal-ewwel ħaseb biex jerġa’ jqajjem is-snajja ta’ l-insiġ u tal-bizzilla għax dawn setgħu isostnu l-ekonomija ta’ Malta speċjalment fejn jidħol ix-xogħol għan-nisa. Bintu Cecilia li issa kienet iżżewġet f’Londra lil De Trefford ġiet assenjata din il-karriga. Lura Malta bdiet tfittex informazzjoni fuq x’kien hawn fis-suq u ddeċidiet li tibda taħdem bl-għażel abjad iktar milli bil-ħarir kif kienet is-sistema ta’ Diacono.

Kienu ġew in voga t-tvalji tal-mejda, luncheon sets, doileys, kif ukoll biancheria tas-sodda. Għall-għażel, kemm bħala drapp u kemm bħala ħajt, bdiet timporta kwalita fina mill-Ingilterra u anki minn Pariġi. Impjegat lil aħwa Alfred u Carmel Gerada, artisti mgħarufin minn Paola, Malta biex ipittrulha disinni ġodda. Imma kellha ddawwar wiċċha lejn Għawdex biex issib ħaddiema kapaċi jaħdmuhom. Inqalgħet problema għax l-Għawdxin, għalkemm kienu mħarrġa fix-xogħol tal-bizzilla, kienu jafu biss l-istil l-antik u d-disinni l-ġodda sabuhom tqal. Bit-tħabrik ta’ xi ħbieb ta’ Stickland, fosthom is-Sur Pawl Portelli tal-Lingi (li kellu d-Duke of Edinburgh Hotel fi Triq it-Tiġrija, r-Rabat) beda jsib xi tfajliet jafu jaħdmu biex imorru jittrenjaw u fl-istess waqt juru kif jinħadem ix-xogħol fil-ħwienet ta’ Cecilia fil-Belt Malta, fejn jarawhom it-turisti.

Cecilia kellha waħda tajba: li lill-ħaddiema tħallashom fil-pront u flus f’idejhom, mhux bħan-negozjanti l-oħra li kienu jġegħelhom jieħdu l-flus f’oġġetti mill-ħanut tagħhom stess. Imma l-Għawdxin batew xorta waħda, għax minn dawk il-flus li kienu jdaħħlu kienu jridu jsibu jikru fejn joqgħodu l-Belt, riedu jixtru l-ħwejjeġ biex jilbsu pulit, u jixtru x’jieklu, fil-waqt li kieku kienu d-dar Għawdex kienu jgħaddu b’kollox. Fl-aħħar, Cecilia kellha tbiddel il-linja tal-kummerċ: il-ħaddiema jibqgħu d-dar u jaħdmu kemm iridu minn dlam sa dlam, forsi anki bis-sahra, u tivvjaġġa hi bejn Malta u Għawdex. Naturalment kellha l-fiduċja ta’ dawn it-tfajliet jaħdmu fi gruppi f’ċerti nħawi t’Għawdex bħal fl’Għasri, Fontana u tad-Dawwara.

Kienet tinsisti ħafna fuq l-indafa, li l-ħaddiema joqgħodu ġewwa kemm minħabba t-trabijiet u kemm biex ħadd ma jara dawn id-disinni ġodda. Fuq kollox kienet trid xogħol preċiż mhux ta’ kafkaf, u ma kienetx tħallihom itaqqbu disinni huma. Meta tispiċċa ordni kienet tiġbor kemm id-disinni u kemm il-ħajt li jkun fadal biex tiċċekkja li ma kienx hemm tradiment fix-xogħol lil xi negozjanti oħra. Kienet toqgħod b’seba’ għajnejn għan-negozjanti Għawdxin

għax dawn kienu jikkunsidrawha li daħlitilhom fl-għalqa u mingħajr ma riedu kellhom jgħollu xi ftit il-prezzijiet huma wkoll.

Meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija Cecilia ma qasmitx iżjed lejn Għawdex, waqt li n-negozjanti Għawdxin xorta baqgħu jmorru lejn Malta. Il-ħaddiema tal-bizzilla lanqas ma waqfu, imma mhux fuq ix-xogħol ta’ Cecilia. Wara l-Gwerra ppruvat terġa’ tqabbad u minflok ma ġiet hi Għawdex, bdew jieħdu ħsieb jiġbru x-xogħol xi tfajliet minn dawk l-gruppi li kienet organizzat. Kellhom sistema kif isibu n-nies u jgħallmuhom jaħdmu. Anki Cecilia kellha tillaxka s-sistema tagħha għax ġiet bżonn li tixtri bizzilla minn għand negozjanti Għawdxin li jitilgħu Malta billi ma kienetx tlaħħaq mad-domanda li kellha.

Il-‘Maltese Lace’ tal-lum

Ma’ dan l-istink kollu waslu fostna l-magni li f’kemm ilni ngħidlek jagħmlu kwantitajiet kbar ta’ bizzilla fuq disinni kkupjati minn dawk oriġinali Maltin. Il-bizilla bdiet tinbiegħ lit-turist bħala bizzilla ta’ l-idejn, immarkata bħala ‘Maltese Lace’. Ħadd ma sab tarfha, x’taqbad tagħmel? Imma kif ħadd m’għandu xabgħa!

Madankollu qatt ma nistgħu ngħidu li l-bizzilla nqatgħet għal kollox, anki jekk in-nisa Għawdxin għamlu l-qliegħ tagħhom fuq postijiet tax-xogħol ’l barra minn darhom u xi drabi ’l barra anki minn pajjiżhom. L-imħabba u r-rabta li kellhom ma’ din is-sengħa sabieħa għad għandha l-għeruq fil-qalb tan-nisa Għawdxin, anki jekk illum jidher li ħadd ma għandu ħin jagħmilha. Dan l-aħħar infetħu skejjel tas-Snajja u għalqu, skejjel ta’ l-Arti u għalqu; illum għandna s-sistema tal-‘Lifelong Learning’, jgħallmuha lill-kbar għax iż-żgħar għandhom wisq x’jagħmlu bl-istudji tagħhom.

Illum il-bizzilla taċ-ċombini saret arti. Kulħadd jaħdem għalih u għall-familja. Dari kienu jbiegħuha illum nafu ngawduha. Fuq kollox jiddandnu bil-bizzilla l-knejjes għax nitpaxxew narawha fl-isfilata ta’ rukketti fil-purċissjonijiet tal-festi tagħna.

Jalla ma jieqaf qatt iċ-“Ċlikki Ċlikki” taċ-ċombini u Malta tibqa’msemmija għas-sbuħija tal-bizzilla tagħha l-istess bħalma hi għall-għasel pur u l-larinġa bnina!

(C) Dr Consiglia Azzopardi