1. 1. B’mod ġenerali dan hu terminu li jirriferi għas-siġar taċ-ċitru u frott aċiduż, magħrufa hekk. 2. B’mod aktar preċiż, iċ-ċitrat hu l-ixkomb (is. xj. Citrus medica, Ing. citron), frotta li hi l-aktar imfittxija minħabba l-qoxra tagħha, li tintuża mid-dulċiera. 3. Melħ magħmul mill-aċidu ċitriku li jitħallat f’taħlita mill-ispiżjara għax dan jgħin it-taħlit ta’ ingredjenti ma’ xulxin mingħajr ma jikkawża xi tibdil kimiku fl-elementi tat-taħlita. ĊITRATA  Xarba magħmula mill-meraq tal-ixkomb jew mit-tronġ.  ĊITRATI   1. Ħelu magħmul mill-meraq taċ-ċitrat li kien ikollu fuqu forma ta’ salib bħala speċi ta’ disinn ħafif. Dan kien jinbiegħ qisu domna mfattra u mwaħħla ma’ biċċa karta. Hawn min biċ-ċajt kien isejjaħ dan it-tip ta’ ħelu bħala ‘ħarja tas-summien’. Ara: ĦARA TAS-SUMMIEN2. Fig. ħaġa li saret b’mod li ma rnexxietx. Din it-tifsira negattiva tipparaguna sew mal-ispjega ta’ qabilha għaliex il-ħelu taċ-ċitrat kien jieħu forma xejn preċiża, u allura din kienet l-aqwa analoġija għal xi ħaġa li marret ħażin. Espr. ‘għamel ċitrata’, jiġ. ‘għamel qassata’ jew ‘għamel waħda tinkiteb’. Din il-kelma tintuża minn Juan Mamo fl-istorja Kikinu fil-Ħamrun, li dehret f’Il-Berqa tal-14 ta’ Mejju 1932: ‘… Wara ċitrati bħal dawn, mogħdija taż-żmien bla tista’ tiċħadha, … il-Perit u Kikinu… telqu bis-sliem…’ Ara: Juann Mamo – Ġrajja Maltija ta’ Mark Vella, p. 29.