1. Tavla magħmula tawwalija li titqiegħed fuq il-mejda tal-kċina biex fuqha tinħadem l-għaġina jew biex jitqatta’ l-ikel, bħal-laħam eċċ. Il-Piccolo Dizionario (1856) jispjega dan l-oġġett bit-Tal. tagliere, u bl-Ing. trencher. L-istess terminu kien jintuża anki għall-istess tip ta’ tavla li fuqha kien isir xogħol tal-idejn. Din it-tavla kienet titqiegħed fuq il-kuxxtejn ta’ dak li jkun jaħdem bilqiegħda biex jaqta’ l-oġġetti fuqha.  2. Logħba tat-tfal li fiha tintuża din it-tavla. Din titqiegħed wieqfa għat-tul tagħha f’pożizzjoni angulata mal-ħajt. Il-logħba hi magħrufa wkoll bħala ‘Żurżieqa’. It-tfal jitilqu l-boċċi jew lewż minn fuq għal isfel ta’ din it-tavla, bl-iskop li dawn jiżżerżqu dritt lejn l-art u jolqtu l-lewż jew il-boċċi li jkunu mqiegħda fl-art qrib iċ-ċiknatur. Min jolqot imqar boċċa, jirbaħ kull boċċa li jkun hemm fl-art. Jekk le, iħalli l-boċċa tiegħu fejn tieqaf u sieħbu jimmira l-boċċa tiegħu minn fuq l-istess ċiknatur lejn l-istess lewż. Lanfranco jgħid li hemm logħba Franċiża li tixbah lil din u li tissejjaħ Chacun son tour, li bil-Malti tfisser ‘kulħadd wara min imissu’; meta wieħed jippronunzjaha, din il-frażi tqarreb lejn ‘ċiknatur’. Wieħed irid jara jekk dan ix-xebh hux kumbinazzjoni.