1. Affarijiet li jkunu ta’ inkwiet u wġigħ ta’ ras; ħsibijiet ta’ ċertu obbligu li wieħed ikun irid jagħtihom l-attenzjoni li jistħoqqilhom. Espr. ‘Dejjem jinqala’ xi ċfolloq.’ M.A.V. (1796) jispjega din il-kelma bit-Taljan bħala imbarazzo.   2. Pjanta tubera selvaġġa li tikber is-sena kollha, li twarrad fjuri sofor qishom ileqqu u pjuttost kbar bħala proporzjon mal-pjanta. Lat. Ranunculus bullatus. Din il-pjanta tikber tista’ tgħid kullimkien, l-aktar fejn hemm blat bil-ħofor żgħar bi ftit ħamrija fil-blat, bħal pereż. fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli. Issibha wkoll tikber fil-ġnub tat-toroq imwarrba u mas-swar. Jeżistu wkoll ĊFOLLOQ TAL-ILMA u ĊFOLLOQ TAL-WIED. Tal. cifalone. Ing. autumn buttercup. Ara: Flora u Fawna ta’ Malta, ed. Joe Sultana, pp. 62, 63; u www.wildplantsofmalta.com.