1. Wara ftit li l-Ingliżi ħadu l-amministrazzjoni tal-gżejjer Maltin f’idejhom, kienu bdew jutilizzaw is-Sagra Infermerija, l-isptar tal-Ordni fil-Belt, bħala sptar militari. Intant issa l-Maltin setgħu jagħmlu użu minn diversi sptarijiet żgħar, fosthom dak ta’ Santo Spirito fir-Rabat u ieħor li l-Ingliżi fetħu fil-Furjana ħdejn l-Ospizio. L-istess bini qabel kien iservi ta’ konservatorju tan-nisa, li l-Ordni kien fetaħ fl-1735. Dan l-isptar kien iffrekwentat mill-popolazzjoni li kienet tgħix madwar il-Port. Sal-1848 dan kien sar l-Isptar Ċentrali ta’ Malta. Għall-ewwel, iċ-Ċentrali kien jaqdi sa madwar 200 pazjent, imbagħad fl-1885 spiċċa kellu 355 sodda. Fit-Tieni Gwerra Dinjija bosta dipartimenti minn dan l-isptar kienu tqassmu f’diversi binjiet kbar madwar Malta. Imnalla sar hekk għax dan l-isptar intlaqat tliet darbiet mill-bombi tal-għadu, darbtejn fi Frar u darba f’Mejju tal-1941. Meta ftit wara l-Gwerra nfetaħ St Luke’s, b’madwar 450 sodda, iċ-Ċentrali baqa’ jservi għal ftit żmien l-aktar għall-kura tal-għajnejn u d-dentistrija. Finalment iċ-Ċentrali għalaq għalkollox biex wara ftit il-binja nbidlet bħala d-Depot Ġenerali tal-Pulizija.   2. Rif. għal ċerti skejjel li l-Gvern beda jiftaħ fit-tletinijiet biex iservu ta’ skola għad-distrett. Dan ifisser li fl-irħula fejn ma kienx hemm skejjel fejn wieħed jitgħallem bis-serjetà, wieħed kien imur fi skola partikulari tad-distrett biex jitgħallem. Eż. Ta’ dan: min kien jgħix fl-inħawi tal-Imqabba u l-Qrendi kien jimxiha kuljum saċ-Ċentrali ta’ Ħal Tarxien. Ara: Rajt Malta Tinbidel, it-Tielet Ktieb ta’ Herbert Ganado, pp. 208-220.