Is. xj.  Morus alba.  Is-siġar taċ-ċawsli kienu tħawlu għall-ewwel darba fi żmien l-Ordni, f’diversi partijiet ta’ Malta, biex bihom tkun żviluppata l-industrija tal-ħarir. Dan għax id-dudu tal-ħarir jiekol il-weraq taċ-ċawsli li jinqata’ apposta minn din is-siġra. Meta d-dudu jkun kiber jibda jipproduċi l-ħarir, li jinsġu mdawwar miegħu stess biex jagħmel il-fosdqa (jiġifieri id-dud isir kukuwn).  Il-fosdqa mbagħad tittieħed biex tinfetaħ u minnha jittieħed il-ħarir.  Dan il-proġett agrikolu-industrijali jidher li ma rnexxiex. Fis-seklu dsatax, l-awtoritajiet Ingliżi reġgħu ppruvaw jagħtu spinta biex din l-industrija tal-ħarir tinbeda mill-ġdid, iżda s-suċċess reġa’ kien limitat. It-triq li tagħti miż-Żejtun lejn il-Fgura u Ħaż-Żabbar hi magħrufa bħala t-Triq taċ-Ċawsli, għaliex hawn għad hemm numru kbir minn dawn is-siġar.  Ing. White Mulberry. Interessanti li fil-lingwa Sanskrit il-frotta taċ-ċawsli tissejjah tuta, li bil-Malti hija frotta viċina ħafna taċ-ċawsli u li bl-Ingliż tissejjaħ Black Mulberry.