Is-Sehwien

Is-Sehwien

Wieħed sehwien (1) kien miexi u f’idu l-ħabel tal-ħmar u kien iġebbdu warajh. Rawh żewġ irġiel moħħom jilħqilhom u qal wieħed minnhom lil sieħbu: jien nieħu dal-ħmar lil dar-raġel. (more…)

Kelma Ġġib Lill-Oħra

Kelma Ġġib Lill-Oħra

“Ejja nilagħbu” għajjat Wenzu, tifel maħmuġ u mċewlaħ,waqt li xiref f’bieb id-dar, b’kisra daqsiex f’idu, lil Karmenu li kien joqgħod quddiemhom. Karmenu, tifel ta’ xi seba’ snin, kien fit-tieqa b’bott tal-landa f’idu mimli. kafe u ħobż imfittet.

“Ġej, Wenz” għajjat mit-tieqa, bela’ malajr il-kafe u niżel jiġri. Wenzu ħareġ żugraga daqsiex mill-but, b’sitt ħabbiet għamel dawra fl-art u tafa’ s-sitta fiha. Dawwar il-ħabel maż-żugraga, xeħitha fl-art,u beda jerfagħha fuq qiegħ idu u jitfagħha fuq is-sitta, biex kieku joħroġha mid-dawra. Wieħed wara l-ieħor damu jilagħbu daqs nofs siegħa, iżda fl-aħħar messet darba lil Wenzu u ma satax jolqotha s-sitta. Wenzu kien izommha ż-żugraga u ma riedx tħalliha tgħaddi.

“Narġa’ nilgħab,” qal, “din ma tgħoddx.” Karmenu tfantas,”Lili jmiss” qal “inti lgħabt.”

Narġa’ nilgħab” tenna l-ieħor “għax iż-żugraga tiegħi.”

F’dak il-ħin leħen werżieqi ta’ mara, omm Wenzu, għajtet minn ġewwa: “Wenzu”.

“Hawn” wieġeb dak minn barra, waqt li l-istess leħen reġa’ nstama: “Ejja ‘l hawn, ja xitan.”

“Mela ma rridx nilgħab,” qal Karmenu, “kiesaħ.”

“Kiesaħ inti” tenna Wenzu “mela jien” u f’dan il-waqt resaq lejn sieħbu u ġibidlu tiġbida xagħru.

“Ma” werżaq Karmenu, li tawwal idu biex ixejjer daqqa ta’ ħarta lil Wenzu.

Omm Karmenu, Katarin, ħarġet tiġri minn ġewwa għal għajta ta’ binha, u meta rathom imqabbdin f’xulxin, bla ma qagħdet tifli min minnhom kellu ħtija, ġibdet lejha ‘l binha minn driegħu, u niżżlet xi daqtejn fuq dahar Wenzu. Omm Wenzu, Manan, donnha kienet qiegħda tissajjahom minn wara l-bieb, għax malli rat lil Katarin tmiss lil binha, ħarġet tiġri daqs balla, ġibdet lil Wenzu lejha u qalet: “Katarin meta trid xi ħaġa, ejja sib lili mhux lil ibni, għax dak mhux ta’ idejk, ja kiesħa li int, jew tgħir għal ibni, għax lil tiegħi daħħluhuli l-iskola u tiegħek baqa minn barra.”

“Ma daħħluhx l-iskola għax għadu żgħir. M’hemmx għalfejn ingħir. Tgħir int għalija mela jien, għax ir-raġel tiegħi daħal mal-gvern, u tiegħek landier ta’ ħabba.”

“Ajma jommi,” reġgħet Manan, “mur ara x’post għandu mal-gvern: kennies.”

“U biżżejjed, ja wiċċ il-mewt, kullħadd igħid li int marida, daqs kemm int safra u ħadra, donnha l-għira q’ed tagħmel bik” għajtet Katarin.

“Mhux sfura dik Katarin,” qalet Manan, “dik bjuda. Mhux bħalek sewda tuta donnok torka. Għax ma tgħidx bid-daħk li jidħku bik meta toħroġ xi ħarġa b’dak wiċċek donnu vopa imkagħbra fid-dqieq u biex tnaqqas ftit is-swidija. Dak għandek tgħid, ja dandaluna, għajjura, kiesħa.”

“B’daqshekk ma tnaqqaslix ġieħi,” qalet fis-saħna Katarin, “qatt ma sliftni xejn u ma raddejtulekx. Fejn baqgħet sejra dik il-pjanċa li sIiftek, Katarin? fejn baqgħet sejra? tajthieli hux? naħlef li mindu tajthielek ma rajthiex b’għajnejja. Ħalliela.”

“Ħalliela, ħalliela jien, Manan?” qalet Katarin, “l-ewwelnett il-pjanċa raddejthielek, u mbagħad ma tiftakarx meta raw lil żewġek bil-lejl jaqbeż il-ħajt ta’ l-għalqa tas-Sifu bi xkora fuq dahru, u kif laqatha mal-ħajt kien hemm xi erba’ tiġiġiet ġo fiha li bdew igħajjtu għajat tax-xjaten? Jien jew żewġek ħallelin, Manan?”

Manan rat li messet pont ħażin, ma kenitx ħasbet x’setgħet tweġibha Katarin, w instamtet għax nafuha aħna l-istorja tar-rħula: donnhom ikunu q’ed jistennew xi ġlieda, għax malli żewġ nisa jwerżqu, ir-raħal joħroġ bi ħġaru. Manan stħat u riedet iddawwar il-biċċa.

“Imma ma rajtux int,” qalet, “smajthom biss igħidu, u dak li jgħidu n-nies tiħux għalih. Imma jiena naf li l-pjanċa ma tgħajthielix. Ħalliela.”

“Ħalliela int, kiesħa, sewda, maħmuġa .. ”

“Maħmuġa, safra …”

“Tgħajjarnix iktar, għax hekk igħaddi kuntistabbli żgur inħarkek, ħalliela.”

Lanqas laħqet qalet, li fil-kantuniera ma deherx Karmnu l-pulizija. In-nies li kienu hemm iħarsu, bdew jitilqu, imma ż-żewġ nisa fis-saħna li kienu baqgħu jiġġieldu u ma baqax hemmekk ħlief Pawlu l-Iskurdat. Malli wasal Karmnu, iż-żewġ nisa sfaru, bdew jerġgħu lura u jwaħħlu waħda fl-oħra.

Karmnu qata qasir u ħarrikhom it-tnejn.

Mar fuq Pawlu l-Iskurdat u qallu: “Pawl ħa nħarkek bħala xhud.”

“X’inhu, x’inhu, xhud?” qal Pawlu, li kienu jgħidulu Skurdat għax kien, miskin, nieqes daqsxejn minn moħħu.

“Xhud, iva. Tini ismek u kunjomok, fejn toqgħod u x’tagħmel.”

“Jiena, jiena ma nagħmel xejn, noqgħod ma’ missieri u jisimni Pawlu l-Iskurdat.”

“Iva missierek fejn joqgħod?” qal Karmnu l-pulizija.

“Missieri, missieri joqgħod hemm id-dar tagħna, wara l-knisja.”

“!t-triq ma tafx x’jisimha?” tenna Karmnu.

“Minn daqshekk iwa, Sda. San Ġwanni t’Alla Kruċ. No. 4.”

“Biżżejjed daqshekk” qal Karmnu daħħal il-Iapes w il-karta fil-but u telaq.

Pawlu l-Iskurdat mejjel kemm kemm il-beritta, tefa l-pipa f’ħalqu, daħħal idejh fil-but u qagħad jara lil Karmnu sejjer.

Meta dan għab, Pawlu ċċaqlaq, “hawn jien” qal “imħarrek b’xhud, għal quddiem il-maġistrat, tajba tassew.”

 

Gius. Pace.

26/1/1933

 

 

 

 

Dak Kien Żmien

Dak Kien Żmien

Dak kien żmien! Meta niftakar x’kull waħda konna nagħmlu, ninsa s-sebgħin sena li għandi, fis idub iċ-ċpar li sikwit jinġema’ quddiem għajnejja, ir-rogħda li għandi f’saqajja ma nħosshiex aktar, bħal saħħa ġdida, barranija nħossha tixtered ma’ ġismi kollu u trid kieku tqabbiżni u tqajjimni minn fuq is-siġġu li għoddu ttaqqab bil-qgħad bla hedu u tqil ta’ ġismi bla saħħa. (more…)

Il-Milied

Il-Milied

Tista’ tgħid li l-Insara kollha jinħassu l-aktar miġbuda lejn Ġesu, Il-Feddej, minn dak li tgħallimna l-Knisja Mqaddsa fuq it-twelid tiegħu, fil-faqar u f’rokna ta’ għar imwarrab ta’ Betlehem. In-nies aktar lemħet il-qdusija ta’ Ġesu, mita ried jidher fqir fi twelidu, milli meta wera ruħu bħala mgħallem tal-ġnus, meta xerred it-twemmin tal-ħajja l-ġdida minn kulfejn għadda, meta għamel l-akbar għeġubijiet, meta fixkel il-għerf tas-sinagogi u mita ta’ ruħu f’idejn l-għedewwa li qerduh. Il-Milied jiġbor fih il-kobor kollu ta’ Sifna Ġesu, għax kulħadd jifhem li s-sultan tal-ħlejjaq kollha ried jitwieled f’maqjel, biex juri l-imħabba tiegħu u jfisser li l-faqar m’hux la dnub u l-anqas għar. (more…)

Il-Milied fil-Qawl u l-Folklor

Il-Milied fil-Qawl u l-Folklor

Bosta mill-qwiel huma marbutin ma’ xi festa tal-knisja jew tal-pajjiż. Għaliex il-festi kienu jfakkru d-data tal-kalendarju u ngħataw bħala ismijiet lix-xhur mill-bidwi, min-nassab, mis-sajjied u x’naf jien. U l-Milied ġmielu bħal ħafna festi oħra ħalla ismu f’bosta mill-qwiel tagħna. Għidt bosta għax il-Milied hi festa kbira għal kulħadd, kbar u żgħar.

(more…)

Man-Nannu f’Wied Bufula

Man-Nannu f’Wied Bufula

In-nannu Pepp, Alla jaħfirlu, kien jeħodna Wied Bufula. Kellu nitfa ta’ razzett ħelu f’fomm dan il-wied, li jinsab qrib Għajn Rasul, f’San Pawl il-Baħar. Kien jaħseb minn lejlet it-tluq, jitma’ ‘l-ħmar ftit aħjar mis-soltu; ħadan ħarrub, siegħ xgħir, u barmil ilma ta’ l-għajn, ħelu u frisk. Jiġbor kollox f’soror, jagħti daqqa t’għajn lill-karrettun u l-arnies, jiġifieri x-xedd, il-ganċ, il-mitraħ ta’ taħt ix-xedd, il-barda u t-taranti, u ma jinsiex il-ħannieqa msensla b’għamra ġnieġel, il-kappestru li kien ixidd f’ras il-ħmar, u r-riedni. Ma kienx jinsa l-frosta, għax meta l-ħmar kien iwebbes rasu, ħmar hu, kien jibża’ jofroq xi għadira ilma, li dak iż-żmien kienet komuni, meta t-toroq ma kinux joħolmu bl-asfalt jew tarmak, imma kienu jixbħu aktar lil xi trejqa mwarrba li ssib forsi illum madwar l-Aħrax tal-Mellieħa. (more…)

Fejn Ħrabt?

Fejn Ħrabt?

Fejn ħrabt ja żmien bla ħin għalija?

Qiegħed f’xi rokna mħabbel m’għanqbut ħsiebi?

Sikwit ngħarrixlek, nara nilmaħx dellek

tal-waqtiet sbieħ niġġerra ‘l bogħod ma’ ħbiebi.

(more…)

Binti

Binti

F’JUM TWELIDHA

(3 ta’ Marzu 1941)

Rajt dak in-nhar fil-milja kollha tiegħu

Il-kobor ta’ Driegħ Alla ta’ l-insara:

U minn għajnejja

ħassejt għaddejja

(l-ewwel bil-biża’, mbagħ’d bil-ferħ) bħal xmara

Taħraq ta’ dmugħ.

 

Jien għandi għadni nemmen u nibqa’ hekk! It-tafal

U t-tajn u t-trab li bihom ġismi ssawwar

Ħabtu jitfu ġo fija

Aktar minn darba d-dija

Tax-xemx ħelwa tat-tama w tal-qdusija;

Iżda l-għodod ta’ ruħi

-li taf biċċa minn Alla –

Ma ssaddu qatt sal-lum; baqgħu misnuna

Sabiex jitqabdu annuna

Ma’ ġismi w irażżnuh.

 

Ċkejkna Rożanna, bid-demm sħun , magħġuna

U bl-imħabba ta’ tnejn li tawk il-ħajja,

Int għamiltni missier!

Iżda, ja binti, ma kenitx il-ħila

Ta’ missierek u t’ommok

Li ħbub għajnejk xegħlet bid-dawl, u ‘l fommok

Għaniet bil-qawwa tat-tbissim u l-biki;

Kienet l-Id t’Alla twila, twil, twila

Li tilħaq mis-smewwiet sa l-art u ‘l isfel

Mill-qigħan nett tal-baħar,

Li tagħti l-ħdura lill-ħaxix u ‘l weraq,

Li tislet mill-isħab il-leħħ tal-beraq,

Li taħkem kullimkien – u żżomm u tmexxi

Id-dgħajsa tal-ħolqien.

 

Kollox minn Wieħed sar: u l-ħlejjaq kollha

Lil Wieħed biss u ‘l Wieħed waħdu jafu

Il-bidu ta’ nisilhom!

 

Il-bniedem għodda f’idejn Sidu: Alla

Jaqta’, ifassal, idomm, jibni w italla’!

Lill-ħlejjaq jeħtiġilhom,

Sabiex ikunu kif inhuma w jibqgħu,

Il-ħarsien tal-Ħallieq.

Alla kbir wisq: u x-xogħlijiet ta’ Driegħu

Jistqarru u jixhdu l-qawwa ta’ setgħatu!

Jien dan ġarrabtu fit-twelid ta’ binti:

Imma li nfissru ma jtinix il-kliem.

Naf biss li bżajt u fraħt u qalbi nqasmet

Għax ma felħetx iżżomm għal dal-misteru,

Li fil-familja ġiebli l-barka u s-sliem.

 

F’JUM MEWTHA

(21 ta’ April 1941)

Ma domtx nitpaxxa bik, għaxqa ta’ qalbi

U l-akbar hena ta’ żgħużiti mżewġa!

Kont drajtek tabilħaqq; kont sirt inħobbok

Bi mħabba ta’ missier u ta’ poeta

Li jħossu tiela’ l-ġenna

Meta jara titenna,

Bħalkieku f’mera, ix-xbieha tiegħu f’bintu.

Nifsek ħelu, bħal fewġa,

Kont inħossu jimlieli l-qlugħ ta’ ħajti

U jġagħ’lni nirbaħ kull tfixkil; fl-iskola

Kont iġibek sikwit quddiem għajnejja

Tifraħ b’missierek hu u jgħolli Lsienu

Li fuqu ħela l-egħżeż żmien ta’ żmienu.

 

Imm’int issa m’għadekx; waqajt bħal warda

Li biha ttaqqal ġuf il-ġnien ta’ mħabbti

Biex raġa’ tgħarwen hekk malajr! Rożanna,

Għaliex għoġbok tħallini,

Wara li ġejt tisqini

Ftit ħelu u ħafna mrar?

Int kont l-għaxqa ta’ ommok,

Il-faraġ ta’ missierek,

Il-ġid kollu tad-dar!

 

Għax din kienet imtliet bil-miġja tiegħek

U faret bħalma tfur dielja bl-egħnieqed

Fi dħul Settembru u kif ifur is-sema

Bil-kwiekeb f’lejl bla qamar fir-rebbiegħa.

Imm’issa reġgħet baħħ; u xejn ġe’ fiha

Ma baqa’ xi jferraħni,

Ma baqa’ xi jserraħni:

Tbiddlet bħal-lejl min-nhar.

 

L-isħeħ għodod ta’ mħabbti u mħabbat ommok

Għalik, ja binti, ma swew xejn u tfarrku

Quddiem l-għadu qalil tal-ġmiel ta’ ħajtek.

U bla ma ridt u bla ma xtaqt, ja biċċa minn ħajti u ħajjet ommok,

B’qalbi maqsuma rajtek

Tbexxaq għajnejk kemm-kemm il-leminija,

Tiftaħ fommok u tmut.

U migħek, dak il-ħin, ommok u jiena

-bħal żewġ erwieħ tal-ġibs jittalbu l-ħniena –

Ħassejna ruħna mmutu wkoll u ksaħna

Għal ftit, kif fik għal dejjem

Kesaħ u żamm id-demm.

 

Kont inħobbok tassew u ħlift li mħabbti

Nissokta nkattar, kull ma jmur, għalik:

Ħlift li nagħmel minn kollox għall-ġid tiegħek:

Għax l-isbaħ tamiet tiegħi kienu fik.

Imma d-dejr ta’ tamiet u ta’ zewqati

Sibt li bnejtu fir-ramel:

Hu ġġarraf minnufih

Ma’ l-ewwel żiffa riħ:

U jien bqajt bil-ħolma ta’ frugħati….

 

KARMENU VASSALLO

Siġġiewi, 28/4/1941.

 

Omm

Omm

LIL OĦTI

Ħallini nħaddnek, għażiża oħti, miegħi

W-inq’għed fuq ġbinek fommi,

Biex hemm inħalli l-bewsa tal-qalb tiegħi

Minn flok fuq il-ġbin t’ommi.

Għax lilha rajt quddiemi, w x’ħin dirgħajja

Infetħu biex minn tagħha nilqa’ l-benna,

Jien l-ajru għalaqt ma’ sidri flok il-ħajja,

U minnufih ftakart li qegħdha l-Ġenna !

 

Nistħajjel, oħt, se’r tistaqsini l-għala

Daqshekk jien l-ommi nqimha.

Jien nagħdrek għax int omm ma tafx xi tfisser,

Għax ċkejkna bqajt iltima.

Iżda ma nafx infehmek, maħbuba oħti,

Bil-kliem xi tkun din l-omm, sejħa qawwija;

Għalhekk ngħidlek kelmtejn fuq fuq kif nista’

Biex int tagħraf il-bqija.

 

Omm dik li ttik il-ħajja w-għal imħabbtek

Iġġarrab kull tbatija;

Omm dik li tibqa’ tqimek ma’ tul ħajtek

Daqs meta kont tarbija.

Hi dik li dejjem taħseb

Biex tgħallmek biss is-sewwa;

Hi l-għajta li ssejjaħlek

Mit-triq bil-qerq mixgħula tal-għedewwa,

Hi l-kenn ta’ l-iben twajjeb,

Hi s-serħ ta’ l-iben niedem,

Hi l-ġabra ta’ kull tieba

Li timxi mit-twelid sal-mewt tal-bniedem.

 

Dik hija l-omm li fl-ewwel xhur ta’ ħajtek

Ħallietek, maħbuba oħti, minnha fqira;

Iżda tibżax għax fuq ħaddejk tinġabar

Xbihietha l-egħżeż wirt, l-egħżeż tifkira.

Għalhekk ħallini nħaddnek, oħti, miegħi

W-inq’għed fuq ġbinek fommi,

Biex hemm inħalli l-bewsa tal-qalb tiegħi

Minn flok fuq il-ġbin t’ommi.

 

“PRO PATRIA” (ARTHIUR V. VASSALLO).

Dehret fl-edizzjoni ta’ Leħen il-Malti ta’ Novembru 1931.

Il–Presepju

Il–Presepju

Ġo għar imberraħ tidher l-omm Marija,
Ġużeppi ħdejha t-tnejn bil-bard musfara,
Maxtura b’xi tibniet bejn baqra u ħmara
Fejn hemm fi ħrieqi: il-Bambin tarbija;

U fejn xi palma jew dwejriet kennija
Rgħajja reqdin b’xi anġlu jagħti l-bxara:
Waslu, ġejjin, kulħadd lejn l-għar biex jara,
Mill-belt ta’ Betlem, l-aktar nies għaqlija:

Fuq għolja midħna, fejn il-wied xi sienja;
Fil-bogħod il-bogħod, rekbin fuq iġmla, gejja
Lejn dak il-għar, ma’ kewkba s-slaten Maġi.

Presepju sbejjaħ, b’ruħ ta’ tifel ħienja
Ħdejk noqgħod jien, tbissima fuq xofftejja:
Int tnissel fija: sliem u ħsieb farraġi,

MARJU AGIUS – LEĦEN IL-MALTI 1931

Ferħa bla Temma

Ferħa bla Temma

Ġamri kien minsub fuq il-ħajt tal-għalqa jlaqqax maqbad ta’ moħriet. Kemm kemm jitħarrek għadda minn taħtu Sidor ta’ Żebbeġ biż-żiemel tiegħu, ċeklem, ċeklem, miexi warajh, rasu ‘l isfel, għajnejh ġamra u rkobbtejh jirtogħdu. (more…)

Disgħa, Għaxra, Ħdax

Disgħa, Għaxra, Ħdax

L-Imgħallem Ġorġi….

Stenn, stenn, kos; qabel xejn hemm bżonn niftiehmu. Jiena sa nsemmih Ġorġi; iżda la naf kienx jismu Ġorġi, u la Wenzu u la Doru. Minn ftit ‘il hawn, semmejt bosta nies b’isimhom; imma dawn l-ismijiet ħlaqthom jiena: L-imħallef Armanin, u Toni ta’ Warda, u Ġamri ta’ Wied Qannotta, aktarx qatt ma kienu fid-dinja; jekk xi isem qabel, għax seħlet1 ġiet hekk. Jiena nistqarr li ma rrid insemmi u nriegħex lil ħadd – Ma kellix nisma’ li xi ħadd ħa għalih! (more…)

Mill-Qotna sal-Maktur

Mill-Qotna sal-Maktur

Snil ilu, kont ktibt xi ħaġa fuq il-kliem Malti, kliem ta’ xi snajja’ li ma jifhmux ħlief min għandu x’jaqsam ma’ dik is-sengħa li tkun. Għax hawn xi wħud li jgħidu li l-Malti hu fqir wisq mill-kliem. Foqra huma, għax bil-Malti ma jafux.

U jiftaħru li ma jafux!

Ħallina minn dawn iżda; u sa nibda mil-lum, inġib xi ħaġa fuq is-snajja’. U nibda b’taħdita bejn omm u bintha.

 

Netta. Ma, issa dal-maktur kif sar? X’kien qabel?

Ommha. Dak, sena, sentejn ilu, kien ħaxixa fl-art.

 

  1. N. Mela jekk naqta’ ftit ħaxix, isir maktur, u libsa, u liżar? Nixtieq!
  2. O. Mhux kull ħaxix isir maktur jew xaqaq. Trid tkun xitla tal-qoton, li f’Malta u Għawdex isir tajjeb.

 

  1. N. Imma mbagħad din ix-xitla jew is-siġra xi jsir minnha? Jaqtgħu l-imkatar minnha bħalma naqta’ l-ġiżimin mill-qasrija?
  2. O. O Binti, li kont taf kemm xogħol jinħtieġ sa ma jittieħed maktur!

 

  1. N. Għidli, Ma, għax ma nafx.
  2. O. Ngħidlek li naf; il-quddiem titgħallem iżjed.

 

  1. N. Ix-xitla tal-qoton togħla xejn?
  2. O. f’Malta le, f’artijiet oħra iva. Il-qoton irid raba’ tajjeb, u l-art trid tinħadem tajjeb.

 

  1. N. Meta jiżirgħuh?
  2. O. Ibejtuh F’April u Mejju. Il-bejta hi ħofra fit-trab.

 

  1. N. Idum ma jinbet?
  2. O. Wara xi ġimgħa. Għall ħabta ta’ Santa Marija, jagħmel il-moxt, u l-moxt isir ġewż.

 

  1. N. Mela l-imxat u l-ġewż isiru minn din ix-xitla wkoll?
  2. O. Il-moxt huwa l-ward li tagħmel ix-xitla; u l-ġewż mhux dak li tħobb int. Flok qalba, ikun fih il-qoton imqabbda miegħu żerriegħa.

 

  1. N. Baqa’ wisq għall-maktur?
  2. O. Issa tara. Meta l-ġewż jinxef u jiftaħ igħidulu bjad. Joħortuh1, jeħduh id-dar u jdommuh.

 

  1. N. F’xi qafla?
  2. O. Idommuh, jiġifieri joħorġu l-qoton biż-żerriegħa u kollox mill-fosdqa2. Il-fosdqa għan-nar, il-qoton għax-xogħol.

 

  1. N. Iż-żerriegħa kif jeħelsuha mit-tajjar?
  2. O. Bir-raddiena tal-ħalġ, li jkun fiha bħal żewġ lembubiet iduru ma’ xulxin. Aktarx xi bniet jaħilġu.

 

  1. N. Dir-raddiena qatt titħassar?
  2. O. Meta l-lembubiet jimliesu, joborduhom.

 

  1. N. x’jiġifieri tobrod?
  2. O. Tgħaddi bil-barrada jew lima.

 

  1. N. Iż-żerriegħa tiswa għal xi ħaġa?
  2. O. Barra miż-żrigħ, jitimgħuha lill-bhejjem hawn Malta. Fl-artijiet oħra jagħsru minnha ż-żejt.

 

  1. N. U t-tajjar?
  2. O. Sa issa għadu mhux tajjar, igħidulu maħluġ, għax jaħilġuh.

 

  1. N. Kif isir tajjar?
  2. O. Jeħduh għand id-daqqaq, u dan idoqqu.

 

  1. N. Din oħra! X’idoqqlu? Vjolin jew trumbetta?
  2. O. U La vjolin u la żummara: idoqqlu bil-watar u biċ-ċikk. Għax din il-kelma iddoqq bil-Malti tfisser tpaħpaħ, trattab3.

 

  1. N. Il-watar u ċ-ċikk: dawn żewġ kelmiet qatt ma smajthom.
  2. O. Il-watar ikun rumnell irqiq ta’ l-imsaren, bħal dawk tal-kuntrabaxx: u jgħidulu hekk, għax dari din il-kelma watar kienet tfisser imsaren. Iż-żewġ truf ikun marbuta maż-żewġt irjus tal-għuda milwija u tirtakad, u jgħidulha qaws, u d-daqqaq iħabbat biċ-ċikk fuq il-watar.

 

  1. N. Issa fhimt. Igħidu ċikk għax iċekċek. Il-watar iparpar, jaħbat mal-maħluġ, il-maħluġ jitpaħpaħ u jsir tajjar. Hux hekk?
  2. O. Hekk hu. In-nisa tagħżlu bir-raddiena, u jsir imraden. L-imraden jinġabru fuq l-imħalla u jsir milwiet4.

 

  1. N. U dan mhux ħajt?
  2. O. Int għidlu ħajt, imma hu jingħad magħżul.

 

  1. N. U l-maktur?
  2. O. Dalwaqt neħilsek. In-nissieġa tmidd il-medd fin-newl u tibda tinseġ, jiġifieri tmexxi l-mekkuk mil-lemin għax-xellug u mix-xellug għal-lemin, u tħaddem saqajha fuq ir-rifs. Il-medd biċċa jitla’ u biċċa jinżel u hekk issir ix-xoqqa.

 

  1. N. U l-maktur?
  2. O. Arġa’! ix-xoqqa tista’ tkun bajda u mbagħad tiżebagħ x’lwen iridu, jew tistampaw fuqha ward u x’naf jien, bħall-maktur tiegħek; jew tista’ tkun ta’ aktar minn lewn wieħed, bħall-fanfri ta’ Malta. Rajt kemm xogħol binti?
  3. N. Iva, u niżżikħahr talli għallimtni

 

  1. PRECA – 1937

 

  1. Joħortuh: Biex nitkellmu bir-reqqa, ngħidu li l-ewwel jaqtgħu l-bjad il-mitfuħ; imbagħad, meta jasal fl-aħħar, joħortuh, jiġifieri jaqtgħu li baqa’ kollu, miftuħ, imbexxaq u magħluq.
  2. Fosdqa: igħidula wkoll ħliefa
  3. Iddoqq – to beat
  4. L-imraden jinħallu fuq l-imħalla u jsiru marella kbira li tiltewa fi tnejn (milwa)