Kumittiva

1. Grupp ta’ żeffiena tal-Karnival. Dawn jippreparaw ruħhom bi kwantità kbira ta’ provi għal bosta xhur qabel il-Karnival. Imbagħad fil-jiem tal-Karnival kienu jmorru jisfnu kemm fl-ibliet tal-Cottonera kif ukoll il-Belt Valletta. F’Għawdex ukoll kien hemm bosta kumittivi. Skont Anton F. Attard dawn kienu il-kumittivi ta’ Sannat, tal-Għarb, dawk Ta’ Kerċem, ta’ San Lawrenz u tax-Xagħra. 2. Żifna tal-Karnival li tixbah il-Maltija. Il-kumittiva kellha seba’ tappiet, jew seba’ żifniet: il-Kollura, l-Ingliża, il-Franċiża, il-Mina, il-Kannizzata, is-Salib u l-Parata. Tal. comitiva: grupp, kumpanija

Kuċiniera

Spiritiera ta’ daqs pjuttost ikbar mis-soltu, ħafna drabi b’erba’ ftejjel, ġieli aktar, li tintuża għal tisjir kbir. Kull ftila, biex tinxtegħel jew tintefa kienet ttitella’ ‘l fuq u titnżżel ’l isfel b’buttuna li wieħed idawwar lejn naħa jew oħra. Il-ftejjel kienu jinxtegħlu jew waħda waħda, jew kollha f’daqqa, skont il-bżonn. Meta wieħed kien issajjar ‘fuq ta’ bi tlieta’ dan kien ifisser li t-tliet ftejjel kollha kienu jinxtegħlu biex is-sħana tagħhom tkun aktar qawwija u l-ikel isir malajr. Ftila waħda biss kienet tkun miżmuma mixgħula nofs ta’ nhar sħiħ biex iżżomm l-ikel ‘itektek’) jew inkella biex iżżomm xi kitla msaħħna. Kien hemm ukoll il-kuċiniera tal-istim u l-kuċiniera tat-tromba.

Koppi

Idj. ‘Reġa’/erġajna koppi’ – Tnehida li tfisser li xi ħadd għaddej minn esperjenza ripetuta. L-aktar li tingħad din l-espressjoni hi meta xi ħaġa mhux pjaċevoli isseħħ kemm-il darba. Il-kelma koppi ġejja mill-logħob tal-karti li fl-antik flok id-disinn tal-qlub fuq il-karti kien hemm kalċi li bit-Taljan jissejjaħ coppa (pl. coppe). Din l-espressjoni hi ispirata mil-logħba tal-karti msejħa ‘Trisett’. Il-logħba tintlagħab hekk: Il-karti tal-logħob immarkati bil-qlub (koppi) ta’ kulur aħmar jitqiegħdu fuq il-mejda tal-logħob. Imbagħad l-avversarju jew il-lagħbi li jkun tefagħhom jerġa’ jitfa’ karti oħra bil-koppi.   Bħal din l-espressjoni ngħud wkoll ‘waqa l-ASS!’  

Korpsant

Jew KORPUSANT:

Ir-relikwi, jew aħjar il-fdalijiet tal-ġisem tal-qaddis li jkun meqjum l-aktar fil-knejjes, norm. f’xi kappella jew artal laterali tal-knisja. Eż. ta’ dan hu l-korpsant ta’ Santa Ewfemja li l-Ordni ta’ San Ġwann ġab miegħu minn Rodi. Lejn nofs is-seklu sbatax il-Katidral tal-Imdina kien akkwista żewġ korpsanti, dawk ta’ Santa Fawstina u ta’ Santa Agata. Imbagħad fis-seklu tmintax kienu bosta dawk il-knejjes li raw kif għamlu u ġabu, il-korpsanti ta’ qaddisin oħrajn l-aktar mill-Italja,. Xi wħud minn dawn kienu jkunu fdalijiet ta’ xi skeletri li jkunu nstabu f’xi katakombi, x’aktarx f’Ruma. Ħafna kienu malajr jemmnu li dan l-għadam kien ta’ xi qaddis li miet martri waqt il-persekuzzjoni Rumana. B’kollox fil-gżejjer Maltin jinsabu mat-tnejn u tletin korpsant. Ftit huma dawk il-korpsanti magħrufa u popolari, anzi dawn huma pjuttost kważi anonimi u injorati. Fost il-korpsanti l-aktar meqjuma hemm dak ta’ Santa Liberata li jinsab fil-knisja tal-Kapuċċini fil-Kalkara. Tant hu hekk li il-knisja hi magħrufa hekk anki jekk il-Kapuċċini kienu ddedikawha  lil Santa Barbara. Korpsant ieħor magħruf hu dak ta’ San Valentinu, li hemm fuq l-artal ta’ San Mikiel fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Balzan. Dan kienet issirlu festa għalih fl-14 ta’ Frar. L-aktar korpsant riċenti u li hu meqjum hu dak tal-uniku qaddis Malti, San Ġorġ Preca, miżmum fil-kappella tal-Madonna Mirakoluża, fil-knisja tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.), il-Blata l-Bajda. Ara: TRANSULAZZJONI. Ara wkoll: ‘Santa Liberata and the Bearded Female Crucifix’ ta’ Giovanni Bonello, Histories of Malta, Confusions and Conclusions, pp. 39-54. Ara wkoll: Drawwiet u Ħajja mill-Istorja ta’ Malta, Guido Lanfranco, pp. 50, 51. Ara wkoll: http://www.stgeorge.org.mt, News & Events – Monday, November 17, 2008.

Kolera

Marda ikkawżata mill-bakterja vibrio cholera. L-isem Cholera morbus ingħata fl-1704, għall-marda li fl-Indja kienet u għadha tfiġġ u xi minn daqqiet tilħaq proporzjonijiet epidemiċi. Din il-marda laħqet lil Malta kemm-il darba, matul is-seklu dsatax. Is-sors ta’ dan il-mikrobu hu l-ilma, jew l-ikel infettat. Is-sintomu l-aktar evidenti ta’ din il-marda hi dijarea qawwija u uġigħ ta’ żaqq. Din l-infezzjoni tikkawża nixfa minn ġewwa fi ftit sigħat. Jekk il-fluwidi li jonqsu fil-ġisem ma jkunux mogħtija lura, il-pazjent imut fi ftit żmien. Il-marda nfirxet għall-ewwel darba lejn il-Mediterran fis-seklu dsatax, l-aktar bejn l-1816 u l-1826, x’aktarx meta kaxkruha magħhom mill-Indja il-baħrin u s-suldati Ingliżi. Il-fejqan minn din il-marda kien diffiċli, u l-unika mediċina għaliha kienet xarba b’taħlita ta’ ħxejjex mediċinali, biex ittaffi l-uġigħ, iżda li ma tfejjaqx. F’Malta, il-kolera infexxet f’epidemija f’dawn id-dati:

1837 (kienu mietu f’Malta 809, u f’Għawdex 366)
1854 (kienu mietu total ta’ 348 ruħ)
1865 (kienu mietu 1,873 ruħ)
1867 (kienu mietu 400 ruħ)
1877 (kienu mietu 440 ruħ)
1887. (Ma għandix statistika tal-imwiet f’din is-sena.)

 

Koċċla

1. Mollusk tal-baħar. Wieħed jista’ jara kwantità kbira ta’ koċċli l-aktar mal-blat, jew miġmugħa mal-qiegħ tad-dgħajjes u tal-bastimenti. Minn żmien għal ieħor ikun hemm bżonn li l-qiegħ tad-dgħajsa jkun xkatlat biex il-koċċli u l-pjanti li jkunu qed jikbru mal-qiegħ ma jtaqqlux l-opra tal-baħar. Jeżistu diversi tipi ta’ koċċli. Forsi l-aktar magħrufa huma dawk tal-ispeċi Ostrea edulis (Ing. Mud jew Edible oyster), u oħrajn simili. Dawn huma tip ta’ mħar żgħar li darhom jitla’ kemxejn imtarraġ u ‘l fuq. 2. Fig. Nuqqas totali ta’ enerġija fil-bniedem, bħal meta wieħed tagħtih puplesija. Espr. ‘Narra taqbdek koċċla’, jew, ‘Qisu koċċla’ – tingħad għal bniedem mgħaxxex u bla enerġija. Puplesija jew ċmajra. 3. Koċċla hi wkoll rif. għal marda partikulari fejn il-ġisem tal-bniedem jiggronċja u jitkebbeb.  Palsy (1831) Sqal. cocciuli. Tal. cocciola.  Sors: J.A.

Klistjanija

KLISTANIJA / KASTELLANJA:  Il-klistanija tirreferi għar-residenza jew l-palazzz tal-Kastellan, għaldqstant il-bini tal-Qorti. Orig. Castellania. Fiż-żmien medjevali, il-Kastellan f’Malta kien mibgħutmillawtoritajiet li kienu jiggvernaw ‘l Malta minn Sqallija.  I-kastellankellu r-residenza tiegħu fil-kastell ta’ Sant’Anġlu, il-Birgu u dan kien norm. imexxi il-GWARNIĠĠJON tal-post. Biż-żmien, il-kastellan kellu wkoll rwol ta’mħallef.. Mal-wasla tiegħu f’Malta, l-Ordni ta’ San Ġwann stabbilixxa l-kastellan fil-Birgu, fil-binja fejn wara kien mogħti lill-inwiżitur.  Meta l-Ordni mar il-Belt, il-kastellanja kienet stabbilita fi Triq il-Merkanti, fejn illum hemm il-Ministeru tas-Saħħa. Mal-kastellanja kien hemm il-ħabs. Il-faċċata ta’ din il-binja reġgħet inbniet fi stil Barokk fl-1760 minn Francesco Zerafa. Idj: ‘Wiċċu qisu l-għatba tal-klistanija’ – din tingħad għal xi ħadd li wiċċu jagħtih u ma jistħix. Ara: The Castellania Palace, From Law Courts To Guardian of the Nation’s Health,  ta’ Paul Cassar, 1988.

Kina

1. Ċaqquf.  Ngħidu,: ‘Qisu tal-kina’  – tingħad għal xi ħadd li hu delikat. Etim. Ori[. din kienet rif. għall-porċellana impurtata miċ-ċina. 2.  Sriedek, tiġieġ jew ħamiem imsejjaħ ‘Tal-kina’minħabba ċ-ċokon u l-ħlewwa tagħhombħal xi ħaġa żgħira u delikata. (Ing. china). Wieħed  jista’ jassumi li  xi darba kienu jeżistu xi xogħlijiet taċ-ċeramika li setgħu kienu jirraffiguraw dawn l-għasafar u b’hekk l-isem beda japplika ukoll  għal dawn it-tjur żgħar.

Kifs

L-eklissi, kemm tax-xemx kif ukoll tal-qamar. Meta dawn jiddallmu ngħidu dawn jiksfu. Mill Għarbi:     …  . Il-kelma bl-Għarbi għandha l-konsonanti s qabel il-konsonanti f u tinstema’ kisf. Meta l-kifs tal-qamar, jiġ. meta il-qamar jgħatti x-xemx, iħalli it-tarf tax-xemx jidħer, dan jissejjaħ, eklissi anulari, (bħal-ċurkett, bit-Taljan.) Il-kelma kifs tintuża minn Temi Zammit bħala verb fil-kitba tiegħu, ‘L-Eklissi’,… ‘x’ħin wasal il-waqt ix-xemx bdiet tikfes, [bdiet tkun mgħottija mill-qamar]…Sors: Ħrejjef, Stejjer, u Kitba Oħra, miġburin minn A. Cremona, Progress Press, (1963).

Kewkba tax-xuxa

Jew KEWKBA BID-DENB jew RAXX TAD-DENB:    Isem ieħor għal tip ta’ kometa li tidher tkaxkar magħha d-dawl. Fenomenu astrali li meta jidher dejjem jqajjem il-kurżità. Mingħajr l-għerf xjentifiku astronomiku, bosta fl-antik kienu jaqgħu għas-superstizzjonijiet u xi wħud kienu jemmnu li meta tidher din il-kometa dan kien sinjal ta’ twissija minn Alla, ta’xi katakliżmu li kellha taqgħa dalwaqt fuq l-umanità. Meta fis-sena 1909 dehret il-famuża Halley’s Comet ħafna interpretawha bħala sinjal ta’ risq ħażin, l-aktar għax denbha kien imgħawweġ ’l isfel u mhux ’il fuq. Għal ħafna, ir-risq ħażin kien ikkonfermat meta xi snin warafaqqgħetl-Ewwel Gwerra Dinjija tal-1914 li kkważat il-mewt ta’ miljuni kbar ta’ nies. Ovvjament din l-interpretazzjoni ngħatat wara li seħħu l-affarijiet. L-aħħar darba li dehret il-kometa Halley kien fl-1986. Ara:  Folklore of An Island, ta’ Tarcisio Zarb, pp. 341-348.

Kewkbet is-safar

Rif. bil-Malti għall-iStella Polaris (Ing. Polar Star / Northern Star). Għal mijiet ta’ snin, l-aktar mis-seklu ħmistax ’il quddiem, din l-istilla kienet meqjusa bħala punt ta’ riferiment għall-baħħara biex isibu d-direzzjoni tan-navigazzjoni tal-bastiment. Dan għaliex din hi kewkba li dejjem tidher f’post fiss fis-smewwiet, lejn it-Tramuntana (Ing. Polar Axis), u ta’ min wieħed jafda fiha bħal riferiment ta’ direzzjoni. Il-bqija tal-istilel u l-kostellazzjonijiet li jidhru fis-smewwiet huma ppożizzjonati b’xi mod jew ieħor f’relazzjoni magħha. Dun Karm kiteb poeżija ddedikata lil din il-kewkba. Din il-poeżija li dehret f’Leħen il-Malti u fil-Ward ta’ Qari Malti (1945), p. 241, għandha erba’ strofi u tibda hekk:

 

Int biss ma titħarrekx; u kull flgħaxija
fil-jiem li naħrab tal-ibliet is-sħana
minn sema safi, ibajjad bl-oħla dija,
tidhirli tlebleb fuq it-Tramuntana.


Kewkba Feġġa

KEWKBA FEĠĠA   Kewkba li tfiġġ fis-sema mingħajr stennija u li tgħib wara ftit sekondi (Ing. shooting star). F’Ward ta’ Qari Malti, (1945), il-poeta V. Mifsud Bonnici kiteb poeżija twila li ġġib l-isem Kewba Feġġa. L-ewwel strofa ta’ din il-poeżija tgħid hekk:

Kewkba feġġa

li bħal vleġġa

tgħaddi tiġri ġe’ smewwiet,

nindaħallek

jekk nagħmillek

jiena dal-mistoqsijiet?

 

F’nota tal-istess ktieb fejn dehret din il-poeżija l-editur jinfurmana li fl-irħula, meta n-nies jaraw kewkba feġġa, kienu jwiddbu li mhux sew tħares lejha għax tista’ tiġrilek xi magħmul. Min jara dan il-fenomenu kien imwissi li għandu jitlob hekk: ‘Istorni biex nistrok.’ Dan il-verb ġej minn ‘satar’, jiġ. għatta jew ħeba. Qawl: Nistrok biex tistorni sakemm il-mewt tiġborni. Sorsi: Ward ta’ Qari Malti (1945), p. 76-78; E.S.I.

Kaxxarizz

1. Kaxxa li tinġarr, jew armarju, fejn jinqaflu ħwejjeġ żgħar personali. Fis-sagristija kull qassis ikollu l-kaxxarizz tiegħu, li fih iqiegħed il-paramenti, il-kalċi u affarijiet oħra meħtieġa biex iqaddes. Anki l-abbatini jista’ jkollhom il-kaxxarizz tagħhom fejn jerfgħu ħwejjiġhom. 2. Għamara fl-injam, ġen. iddekorata bil-panewijiet, li tinsab fil-ġnub jew fin-nofs tas-sagristija jew swali oħra fl-ambjent tal-knisja, eż. sagristija jew oratorju. Dan it-terminu kultant jirriferi għad-dekorazzjoni tal-kaxxa bil-panew mingħajr il-ħtieġa tal-kxaxen. Wieħed jista’ jara xogħol sabiħ ta’ kaxxarizzi fis-sagristija tal-knisja ta’ San Pawl, il-Belt. Dawn inħadmu fi żmien il-Gran Mastru Manoel de Vilhena, kif turi l-arma. Xogħol ieħor sabiħ jinsab fl-oratorju tas-Sagrament, fl-anness tal-kunvent tad-Dumnikani, il-Belt. Ta’ min wieħed isemmi wkoll il-kaxxarizzi sbieħ li hemm fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ. Sqal. casciarizzu. Ara: Teżori fil-Knejjes Maltin, Vol. 1, p. 214.  

Karettun tal-bolrejs

Dan kien jinbena mit-tfal biex jiġru fit-toroq bih. Kien ikun magħmul minn tavla jew twavel zgħar  kemm jifilħu tifel joqgħod bil-qiegħda. Minn taħt it-tavla jgħaddu żewġ injamiet, bħal kurrenti kull naħa tat-truf fil-wisgħa biex mat-truf tagħhom jintrabtu l-borejs. Imbagħad injama fin-nofs minn taħt ukoll li b’vit u skorfina jifforma maqbad li jservi speċi ta’ steering li wieħed seta’ jidderiġib’ħabel irqieq. Ir-roti tall-karettun kienu dejjem ikunu tal-ball bearing races, jew kif kienu jgħidulom tal-borejs. Il-ball races kienu jkunu meħuda minn xi spare parts ta’ xi gear tal-karozza jew parti minn magni kbar li tkun qegħda ssirilhom l-manutenzjoni jew ikunu intremew. Bi tlieta jew b’erbgħa minn dawn ir-roti mwaħħlin waħda ma’ kull tarf tal-kurrenti, dawn il-karettuni kont titla’ fuqhom u tiġri l-aktar fejn it-triq tagħti għan-niżla. Dan is-sewqan kien ipaxxi t-tfal u ħafna drabi jinkorla l-kbar għax kienu jagħmlu ħoss tremend meta jgħaddu mill-abitat.

Karavaġġesk

Stil ta’ arti li hu ispirat mit-tpinġija tal-artist magħruf Michelangelo Merisi da Caravaggio. Dan l-artist, illum ta’ fama mondjali, ġie Malta fl-1607. Caravaggio jibqa’ jissemma bħala l-ewwel u l-aqwa esponent tal-arti msejħa chiaroscuro.  It-terminu ‘Karavaġġesk’ jirriferi wkoll għal karatteristiċi oħra li dan il-pittur kien tant magħruf għalihom. Caravaggio kien ispirat fil-figuri li pinġa tan-nies kien bosta drabi ispirat minn nies li għexu fi żmienu li hu għażel bħala mudelli. Fl-arti Karavaġġeska jispiċċa l-ideal tal-figuri tal-qaddisin bi sbuħija perfetta. Minflok tispikka r-realtà tal-figura umana bid-difetti u ġieli l-kruha kollha tagħha. Hekk pereż. nsibu li fil-pittura ta’ San Ġakbu, li hemm fl-Oratorju ta’ San Ġwann, il-figura ta’ dan il-qaddis hi mpinġija b’mod li turi li l-mudell kien bniedem reali, għax naraw il-ġilda mkemmxa u skura tal-pala ta’ idu tinbidel f’kulurha minn dik ta’ driegħu bajdanija li norm. Tkun mgħottija, bħal ma jiġri fir-realtà. Karatteristika oħra importanti tal-pitturi ta’ Caravaggio hi l-kompożizzjoni u l-qsim tax-xena f’diversi partijiet, bħal pereż. fit-tpinġija ta’ Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann, li wkoll tinsab fl-istess Oratorju ta’ San Ġwann. Hawn naraw l-eżekuzzjoni tal-qaddis n-naħa tax-xellug, waqt li l-bqija tal-pittura hi kważi vojta, ħlief għal tnejn min-nies jittawlu minn ġo tieqa.

Karlin

(Pl. karlinijiet, karnijiet) Munita ta’ flus antika li oriġ. kienet mitbugħa f’Anjou, Franza mir-Re Karlu 1 fl-1278. Din il-kelma baqgħet tintuża għal bosta denominazzjonijiet ta’ flus f’diversi renji u għal bosta sekli. F’Malta ta’ ħmien l-Ordni il-karlin kien jiswa 10 ħabbiet. Sa żmien l-Ingliżi din il-munita kienet għada tintuża sakemm l-Ingliżi introduċew is-sold (1823). Anki wara il-Maltin kienu jħobbu jsemmuha, l-aktar it-Tliet Karnijiet (Karlinijiet) li kienu l-ekwivalenti għal żewġ soldi u nofs. Idj. Ma tiswix karlin – rif. għal kwalunkwe oġġett ta’ ftit valur.

Karfusu

1. Wieħed minn ħafna appellativi li u magħruf bihom ix-xitan. 2. Logħba ta’ bosta tfal li fosthom jintgħażlu tlieta. Tifel jew tifla tagħmilha ta’ Ġesù, tifla oħra tagħmilha tal-anġlu u tifel ieħor jagħmilha ta’ Karfusu, jiġ. tax-xitan. It-tifla li tagħmilha ta’ Ġesù, b’vuċi baxxa biex ma tinstemax mill-‘anġlu’ jew minn ‘Karfusu’, tagħti kulur lil kull wieħed u waħda mit-tfal li jkun hemm madwarha. Imbagħad jersqu lejha l-Anġlu u Karfusu u jsaqsuha x’tip ta’ kuluri hi tat lit-tfal. Fil-fatt din isaqsuhielha bit-Taljan: ‘Che colore?’ L-anġlu u Karfusu jibdew jissuġġerulha kulur wieħed wara l-ieħor, kif imisshom skont it-tokk. Kull darba li ż-żewġ karattri jaqtgħu l-kulur ta’ xi tifel jew tifla dawn ikollhom imorru ħdejn l-Anġlu jew Karfusu, skont min minnhom qata’ l-kulur. Fl-aħħar jingħaddu kemm-il tifel jew tifla hemm mal-‘anġlu’ u ma’ ‘Karfusu’, u jirbaħ dak li jkun qata’ l-akbar numru ta’ kuluri. TKARFAS Sar xitan, ixxajtan. Sqal. chifarusu. corto e gobbo. Sors: Logħob, Taqbil u Ġugarelli ta’ Guido Lanfranco, Wise Owl Publications, p. 35.

Kastvall

jew KASTVAL / KAWŻALLA   1. Ġebla norm. tal-qawwi minn Għawdex li tkun twila madwar 60 ċm u wiesgħa daqs 15-il ċm li fiha kien jitħaffer speċi ta’ kanal mat-tul kollu tagħha, biex jintefa’ l-metall maħlul, fejn jifforma ruħu qabel ma jibbies. 2. Il-forma li tingħata lid-deheb jew lill-fidda meta dawn jiddewbu biex isiru ingotti – deheb kastvall. 3. Metall ieħor li jingħata din il-forma biex jintuża bħala saborra fuq il-bastimenti.  4. Ħadida twila, bħal virga, li tintuża bħala fus biex magħha jinżammu r-roti tal-karru jew karozzin.  5. Fig. bniedem ipokrita u li juri wiċċ b’ieħor. Bniedem li ma jistħi minn xejn. Espr. ‘wiċċ ta’ kastvall’. Hemm espr. oħra li tingħad b’mod ċiniku: ‘Dak il-bniedem fih biċċa deheb kastvall.’ Din tingħad għal xi ħadd li hu faċċol u għaldaqstant mhux ta’ min jafdah.  ĠOBON TAL-KASTVALL Tip ta’ ġobon li jsir mill-ħalib tal-baqar u jingħata s-sura ta’ ħbula mmaljati li jiddendlu minn lasti orizzontali biex jitħalla jistaġna bil-mod il-mod. Isem li ġej minn tip ta’ ġobon magħruf li jsir fl-Italja t’Isfel, l-aktar fi Sqallija madwar Ragusa, u li jgħidulu caciocavallo. Fl-Italja l-forma ta’ dan il-ġobon tixbah lil-lanġas, u jintrabat f’għenieqed. Biss, fir-reġjun ta’ Ragusa dan il-ġobon jingħata l-forma ta’ ingott tad-deheb. Etim. Sq. cascavaddu; final. Tal. cacciacavallo. Sorsi: E.S.I. u J.A

Kartaglorja

Jew KARTA TAL-GLORJA   Fuq l-artal, dari, il-qassis ċelebrant kien ikollu miktuba quddiemu l-orazzjonijiet ta’ ċertu tul tal-quddiesa, parti-liturġija tal-jum. Dan it-talb kien jitqiegħed fi kwadretti biex is-saċerdot ikun jista’ jaqrah faċilment. Dawn kwadretti norm. kienu jkunu tlieta, bil-kwadru tan-nofs xi ftit akbar mit-tnejn l-oħrajn. Fost it-talb kien ikun hemm biċċa mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, għaliex fl-antik qabel ma tintemm il-quddiesa din kienet dejjem tinqara, il-Kredu u l-Glorja, u t-talb tal-ħasil tal-idejn (il-lavabo).Xi drabi kienu jitqassmu f’erba’ talbiet, kollha fl-istess inkwatru. Maż-żmien dawn il-kwadretti bdew ikunu f’forma aktarx dekorattiva tal-injam, tal-metall jew tal-fidda, bħalma mdorrijin narawhom fuq l-artal. Sors prinċipali: Lorenzo Zahra. Ara wkoll: ‘Il-Glossarju’, www.kappellimaltin.com.

 

Kartabun

Skwerra li tintuża mill-mastrudaxxi jew mill-bennejja biex jimmarkaw l-angoli akuti bi preċiżjoni fuq xogħol tal-injam jew tal-ġebel. B’hekk ix-xogħol ta’ nċanar u minċotti joħroġ angolat b’kantuniera preċiża. Idj: ‘Il-ħaġa daħlet qisha kartabun’ – jiġ. l-oġġett qabel preċiż mal-post li kien imqiegħed fih. Sqal. cartabboni. 

Kamużell

1. Tip ta’ maskra / maskarat.  2. Fil-folklor Malti dan kien bniedem li jdaħħaq bil-mossi tiegħu u bill-ħwejjeġ li kien jilbes fil-Karnival. Appel. użat kemm għall-annimali kif ukoll għan-nies li għandhom imneħirhom ċatt jew mgħawweġ. Tal. camuso – imnieħer ċatt jew mgħaffeġ. Fit-teatru Grieg din il-fiżjonomija, irrappreżentata fuq il-maskri tal-atturi, meta mħallta ma’ xufftejn kbar u ġbin imżerżaq kienet tirrifletti l-persunaġġ ta’ bniedem sempliċi, fidil u x’aktarx belhieni. Etim. Tal. camuso – M. aġġ. għal imnieħer imfattar jew bħal dak ta’ mogħża. Ara: Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor, p. 127.  (D.) LIBES KAMUŻELL, andò in maschera. KAMUŻEL   (D) Maschera buffone zanni, L. scurra.  E.S.I. jagħti l-kelma bħala KEMUŻELL.

Kakotina

jew KOKKODINA:   Il-pjanta tal-kakaw (Is. xj. Theobroma cacao) għandha ż-żerriegħa tagħha bajda, qisa tal-fażola, biss, din tiskura fil-kanella meta tinxef. Din iż-żerriegħa hi tajba biex minnha jittieħed il-butir jew iż-żejt tal-kawkaw li bih issir iċ-ċikkulata. Minn dan iż-żejt issir anki ċerta mediċina u sapun.  Oriġ. kien it-tribù Rama tan-Nikaragwa, fl-Amerika Ċentrali, li kien ikabbar il-kawkaw.  Il-kawkaw jew cocoa, inġieb fl-Ewropa, mill-Ispanjoli fl-1585, bħala żerriegħa, minn Vera Cruz, fil-Messiku. L-isem oriġ. ġej mill-kultura Azzeka fejn Cacahuatl kienet tfisser ‘l-ikel tal-allat’. Tal. Cacao. Din ix-xarba daħlet f’Malta fi żmien il-Kavallieri, u għal ħafna żmien kienet tinxtorob biss mis-sinjuri. Din bdiet tissejjaħ mill-Maltin kokkodina jew kakotina.

Kaħwa

Kelma oħra li fl-antik kienet tirriferi għall-kafè. Isemmiha M.A.V. (1796). Iż-żerriegħa tal-kafè taf l-oriġini tagħha fl-Etjopja. Sas-seklu sittax ix-xarba tal-kafè kienet l-aktar popolari fil-Kajr u f’Istanbul. Xi dokumenti juru li mill-1633 ’il quddiem il-kafè kien popolari fit-taverni tal-Birgu. L-iskjavi li kienu miżmuma fil-ħabsijiet Maltin fi żmien l-Ordni kienu rinomati għall-kafè tajjeb li kienu jsajru, u ma kinux ftit dawk il-Maltin, u anki kavallieri, li kienu jmorru jduqu l-kafè minn xi taverna tal-ilsiera. Fis-seklu dsatax f’Malta l-kafè kien sar xarba ferm popolari, anki jekk l-Ingliżi kienu jippreferu t-te. Il-kafè kien jissajjar fl-istanjata u l-frak tiegħu jitħalla jaqa’ fil-qiegħ (dan ngħidulu l-fond tal-kafè). Il-kafè f’Malta kien rinomat bħala xarba li tagħmel tajjeb għall-uġigħ ta’ żaqq, l-aktar jekk ikun imħallat bl-ilma żahar. Biex jingħata togħma differenti hawn min il-kafè jżidlu l-kannella (Ing. cinnamon), l-imsiemer tal-qronfol (cloves) jew il-ħlewwa (Ing. aniseed). Ara: KAFENA / KAFIENA. Ara wkoll: A History of Food ta’  Carmel Cassar; ‘The Maltese Who Pioneered Coffee in Europe 1665’ ta’ Giovanni Bonello, Histories of Malta – Figments and Fragments, Vol. II, pp. 48-51; Storja tal-Kultura tal-Ikel f’Malta ta’ Kenneth Gambin u Noel Buttigieg, pp. 151-155, 213-216; The Way We Ate ta’ Matty Cremona, pp. 105-110

Kabozza

Mantell, li kien jintlibes mill-bdiewa meta joħorġu jaħdmu filgħodu kmieni fl-għelieqi, biex jipproteġu ruħom mis-sirda.  Dan il-mantell li kellu wkoll barnuża, kien ta’ materjal oħxon, magħmul mis-suf tan-nagħaġ u l-qoton. Sa nofs is-seklu għoxrin il-kabozza kienet għadha tintlibes mill-bdiewa tal-Għarb u dawk ta’ San Lawrenz f’Għawdex. Ħaġa kurjuża hi, li din il-kabozza kienet tintlibes ukoll fil-funerali, biss minn taħt fuq, jiġ., il-ġewwieni tal-kabozza jidher fuq barra. Fit-Tuneżija għadek tista’ tara bdiewa li jilbsu dan it-tip ta’ mantell. Ara: Mill-Ħajja ta’ l-Imgħoddi ta’ Anton F. Attard, pp. 52, 53. Sqal. cappucciu.

Ittrija

Titlu ta’ oriġini Biżantin lill-‘Madonna li Turi t-Triq’. Il-kelma Ittrija, jew Itrija ġejja minn hogitria li bil-Grieg li tfisser ‘Dik li turina t-triq’.  Dan it-titlu għandu l-oriġini tiegħu fil-Lvant Nofsani, prob. fis-Sirja. F’Malta teżisti kappella ddedikata lill-Madonna tal-Ittrija li tinsab maqtugħa għaliha f’xifer l-għolja li tagħti fuq Binġemma.