Dan kien tip ta’ elmu li f’Malta konna nassoċjawh l-aktar mal-militar Ingliż tal-era Vittorjana. L-isem proprju tiegħu kien il-Bombay Bowler jew il-Pith Hat (pith hu dak il-materjal qisu sufra li kien jintuża fil-kappell. Dan il-materjal hu magħmul mill-gewwieni taz-zokk tal-pjanta (is. xj. Aescheymnomene aspera, li tikber l-aktar f’imkejjen ta’ għadajjar fl-Indja). Il-bumbajħett għandu żewġ pizzi wieħed fuq quddiem u ieħor fuq wara biex jipproteġu r-ras mix-xemx u x-xita. Dan it-tip ta’ kappell kien ħafif u fl-istess ħin resistenti. Biż-żmien, anki l-pulizija Ingliżi bdew jilbsu dan it-tip ta’ kappell li sar sinonimu mal-English Bobby. F’Malta, il-membri tal-Forzi Armati u l-Pulizija ta’ Malta jilbsu tip ta’ Bumbajħett f’okkażjonijiet ċerimonjali. Biex wieħed ikun preċiż, dan it-tip ta’ elmu jissejjaħ, Wolseley Hat, imsemmi għal Field Marshal Sir Garnet Wolseley, (1833-1933).