jew BULEBEL: Rif. għar-roqgħa mdaqqsa ta’ art li tinsab bejn Ħal Tarxien u ż-Żejtun. Sal-1614 f’dawk l-inħawi kien hemm kappella ddedikata lil San Anard, u oħra ddedikata liż-żewġ qaddisin San Nikola u Sant’Andrija. Dawn kollha twaqqgħu biex il-beni tagħhom jintużaw fil-bini tal-knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien. Bulebel kien ukoll il-fewdu ta’ barunija li kienet tappartjeni lill-familja ta’ Azzopardi, titlu li kien ħolqu l-Gran Mastru de Rohan. It-Tarxiniżi u ż-Żwieten għandhom frażi: ‘Mela jien għandi Ta’ Bulebel!’ jiġ. ‘Ara ma taħsibx li jien xi sinjur!’ Espr. ‘Dak għandu ta’ Buleben, tafx!’ – jiġ. dik il-persuna tant għandha flus li ma tafx x’se tagħmel bihom. Il-prefiss ‘Bu’ jindika li l-post għandu xi karatteristika partikulari, x’aktarx ta’ kobor; f’dan il-każ l-inħawi huma bu u lebiena, jiġ. art xotta u sħuna. Illum f’Buleben hemm mibnija żona industrijali kbira. Ħajr: Joseph A. Farrugia (Ħal Tarxien). Ara: Il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien ta’ Vincent Borg; Triqat Ħal Tarxien ta’ Joseph A. Farrugia; Ħal Tarxien ta’ Vincent Battistino