Żona msejħa hekk li tinsab bejn Bieb il-Bombi u l-Blata l-Bajda. L-isem proprju ta’ dawn l-inħawi kien Ta’ Braqxija. Il-ġenettiv Ta’, jagħti wieħed x’jifhem li din l-art kienet xi darba tinħadem minn, jew inkella kienet il-proprjetà ta’ xi ħadd magħruf b’dan il-laqam. G. Wettinger jgħid li hu possibbli li l-kelma ‘braqxija’ hi appellattiv femminili tal-maskil ‘berxaq’, li jfisser ‘kulur varjegat’. Ta’ Braksja (jinkiteb Ta’ Braxia) illum iservi biss ta’ riferenza għaċ-ċimiterju li jieħu l-istess isem. Dan kien inbena fis-sena 1857, biex iservi ta’ lok tad-dfin għal dawk kollha li mhux Kattoliċi. Dawk midfuna hawn huma l-aktar Ingliżi Protestanti kif ukoll oħrajn ta’ bla twemmin partikulari. Dan iċ-ċimiterju kien l-ewwel biċċa xogħol tal-Perit Emanuele Luigi Galizia, l-istess perit li ddisinja iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u ċ-Ċimiterju tat-Torok li hemm il-Marsa. F’Ta’ Braxia hemm midfuna mal-4,800 persuna, fil-parti l-kbira tagħhom Ingliżi li kienu jservu fil-Militar u fin-Navy, u l-familjari tagħhom. Hemm ukoll xi residenti oħra barranin, fosthom anki xi Amerikani u anki xi ftit Maltin. F’sezzjoni żgħira, wara ħajt li jifred din il-parti mill-bqija taċ-ċimiterju, hemm ukoll oqbra Lhud. Iċ-ċimiterju Ebrew kien jintuża diġà fl-1831. Ta’ Braxia għadu sal-lum jintuża għad-dfin. Hemm jieħdu ħsieb ir-restawr u l-manutenzjoni tiegħu l-membri tal-Friends of the Ta’ Braxia Cemetery, li huma wkoll membri ta’ Din l-Art Ħelwa. Sors: Dr Andy Welsh. Ara: Ta’ Braxia Cemetery, ktieb gwida ta’ Alan Keighley (ippubblikat minn Din l-Art Ħelwa, 2010); ‘Friends of Ta’ Braxia’, Chev. Charles Gatt, Vigilo, n. 4, October 2013, pp. 24, 25.