1. Tip ta’ bebbuxu tal-baħar, komuni ħafna fil-Mediterran u ibħra oħra (is. xj. Cerithium vulgatum, Ing. the horn-shell). Dan il-bebbuxu għandu l-forma ta’ spiral imtawwal u mmaljat waqt li fit-tul tiegħu jieħu x-xeħta ta’ lembut rasu l-isfel. Norm. dan il-bebbuxu jgħix moħbi fil-ħama jew fir-ramel. Magħruf ukoll bħala ‘bebbuxu granċ’ jew ‘eremit’. Hemm ukoll tip ta’ bebbuxu tal-art, magħruf bħala ‘brankutlu tal-art’. Ismijiet oħra għal dan il-bebbuxu huma ‘żugromblu’ jew ‘trajbu’ (is. xj. Runinia decolleata). Etim. brancutulo minn branca (driegħ) – rif. għall-bosta ‘dirgħajn’ jew swaba’ rqaq li joħorġu mill-bebbuxu tal-baħar ta’ dan it-tip.   2. Tip ta’ nokklu fix-xagħar li jieħu forma ta’ spiral li jintelaq la ġenba fuq il-ġbin. Anki A. de S. isemmi dan it-tip ta’ nokklu ħiereġ fuq in-ngħas bħala ‘brankutlu’. F’xi żmien lejn il-ħamsinijiet u s-sittinijiet dan l-istil ta’ xagħar kien moda.   3. Fig. tifel imqareb.