L-oriġini ta’ din il-familja rjali tnissel mill-fergħa tad-dinastija Kapetja, jiġ. minn żmien Hugh Capet, magħruf ukoll bħala Hugo Magnus, li mexxa ’l-Franki mis-sena 987 sas-sena 996. Mill-1589 ’il quddiem, id-dinastija tal-Borboni żammet għal bosta sekli l-poter monarkiku, mhux biss fi Franza iżda anki f’diversi pajjiżi oħra, kemm Ewropej kif ukoll fil-kontinent Amerikan. Fis-seklu tmintax u s-seklu dsatax, bis-saħħa ta’ bosta żwiġijiet u gwerer, il-Borboni kienu jirrenjaw ukoll fi Spanja, Napli, Sqallija, Parma u l-Lussemburgu – f’dan l-aħħar pajjiż il-dixxendenti ta’ din id-dinastija għadha ‘tirrenja’ sal-lum bħala ducat (Ing. Grand Duchy). Fi Franza l-familja rjali tal-Borboni (Bourbon bil-Franċiż) tneħħiet mill-poter fl-1792, b’riżultat tar-Rivoluzzjoni Franċiża(1789). Mill-fergħa Spanjola tal-Borboni ħarġet il-familja monarkika li mill-1734 mexxiet ir-Renju taż-Żewġ Sqalliji (jiġ. Napli u Sqallija). Kien ir-Re Borboniku Ferdinandu ta’ Napli li fl-1798 talab lill-Ammirall Orazju Nelson biex jintervjeni biex jgħin lill-Maltin jeħilsu mill-Franċiżi waqt l-Imblokk. L-istess Re kien offiż bil-kbir hekk kif l-Ingliżi ħadu lil Malta taħt idejhom u flok tellgħu l-bandiera Borbonika, tellgħu dik Ingliża. L-Ingliżi neħħew kull tama li r-Re Borboniku jieħu lura ’l Malta, kif suppost kienu obbligati li jagħmlu, meta l-ewwel iffirmaw it-Trattat ta’ Amiens (1802), u wara dak ta’ Vienna (1814). Wieħed min-nobbli tal-familja Borbonika ta’ Franza, il-Konti Louis Charles de Beaujaulais, li kien it-tifel tad-Duka Philippe d’Orlean, wasal Malta fl-aħħar jiem 8 ta’ Mejju 1808, ibati mill-marda tat-tuberkolożi, u miet ġimagħtejn biss wara l-wasla tiegħu. Hu ndifen fil-knisja ta’ San Ġwann, il-Belt. Ħu dan il-Konti, Louis Philippe, li kien ipproklamat bħala r-Re ta’ Franza fl-1830 ikkommissjona qabar għal Konti fl-1833 u dan illum isebbaħ il-Kappella ta’ Franza. Konnessjoni mal-Burboni hi iż-żjara li għamel ir-Re ta’ Napli f’Ġunju tas-sena 1844. Dan kien Ferdinandu II, magħruf ukoll bħala Re Bomba. Hu kien ġie jagħmel żjara statali, mal-mara tiegħu.