Fil-kuntest l-aktar strett tat-tifsira tal-kelma, il-bolla hi dak id-digriet jew dokument li l-Papa jippubblika meta jagħmel stqarrija ta’ importanza kbira. Il-bolla tista’ tkun maħruġa biex tkun imħabbra xi domma li turi jew tenfasizza xi twemmin tal-fidi. Din l-istqarrija jew proklama tista’ tkun ukoll tip ta’ komunikazzjoni li biha l-Papa jagħti l-awtorizzazzjoni jew id-direzzjoni tiegħu fil-politika amministrattiva tal-Knisja Kattolika. Il-bolla tal-Papa hi wkoll dak id-dokument maħruġ mill-Papa li jagħti kwalunkwe awtorità biex isir xi avveniment reliġjuż. Il-bolla tal-Papa tingħata wkoll meta jkun skomunikat xi ħadd mill-Knisja Kattolika. Fuq livell ieħor, bil-bolla, il-Papa jista’ jagħti privileġġ jew dispensa lil xi djoċesi, parroċċa, istituzzjoni jew xi nies partikulari. Fil-Malti nsibu l-espr. ‘Dak miżżewweġ bil-bolla’ – jiġ. l-koppja ngħatat id-dispensa, bħal meta din tkun magħmula minn għarajjes li huma kuġini ta’ xulxin. L-ewwel bolla tal-Papa kienet ħarġet fis-seklu sitta, għalkemm dak iż-żmien dan it-terminu ma kienx jintuża. Mis-seklu tnax ’il quddiem dawn id-dokumenti beda jkollhom siġill taċ-ċomb, tax-xema’ jew tad-deheb. Fil-fatt il-kelma ‘bolla’ ġejja mil-Lat. bullire; M. dewweb. Fuq naħa ta’ dan is-siġill beda jkun hemm iddisinjati l-uċuħ ta’ San Pietru u San Pawl, u fuq in-naħa l-oħra l-isem tal-Papa li jkun ħareġ dik il-bolla. Matul is-sekli ħarġu kwantità kbira ta’ bolli, eż. fl-:

1206 – Religiosam Vitam: B’din il-bolla l-Papa Onorju III stabbilixxa l-Ordni Dumnikan.

1520 – Exsurge Domine: Il-Papa Ljun X ordna lil Martin Luteru jirtira 41 mid-90 teżi li kien ippubblika kontra l-Knisja Kattolika u t-twemmin tagħha.

1564 – Benedictus Deus: Il-Papa Piju IV rratifika d-digrieti tal-Konċilju ta’ Trento.

1738 – In eminenti apostolatus specula: Il-Papa  Klement XII ipprojbixxa li l-Kattoliċi jsiru membri tal-Mażunerija.

1868 – Aeterni Patris: Il-Papa Piju IX sejjaħ il-Konċilju Vatikan I.

1871 – Pastor Aeternus: Il-Papa Piju IX stabbilixxa l-infallibilità tal-Papa.

1950 – Munificentissimus Deus: Il-Papa Piju XII iddefinixxa l-Assunzjoni tal-Madonna.