Espr. ‘Qisha pupa tal-biskwin’ – tingħad għal xi tifla żgħira b’ġilda fina. Etim. Bisque jew bisquit tfisser xi ħaġa msajra darbtejn. Il-pupi msejħin Bisque kienu magħmulin mill-porċellana u mpinġijin b’kuluri li jagħtu xeħta ’l-ġilda bħallikieku hi ta’ vera. Il-forom kienu jissajru darbtejn, l-ewwel darba f’temperatura ta’ 1,260 ċentigradu, imbagħad wara li jingħataw iż-żebgħa għat-tieni darba kienu jerġgħu jissajru għat-tieni darba f’temperatura aktar baxxa. Dawn it-tip ta’ pupi bdew isiru fi Franza madwar l-1865, u wara anki fil-Ġermanja. Il-pupi tal-biskwin baqgħu popolari sa madwar is-snin tletin.