F’JUM TWELIDHA

(3 ta’ Marzu 1941)

Rajt dak in-nhar fil-milja kollha tiegħu

Il-kobor ta’ Driegħ Alla ta’ l-insara:

U minn għajnejja

ħassejt għaddejja

(l-ewwel bil-biża’, mbagħ’d bil-ferħ) bħal xmara

Taħraq ta’ dmugħ.

 

Jien għandi għadni nemmen u nibqa’ hekk! It-tafal

U t-tajn u t-trab li bihom ġismi ssawwar

Ħabtu jitfu ġo fija

Aktar minn darba d-dija

Tax-xemx ħelwa tat-tama w tal-qdusija;

Iżda l-għodod ta’ ruħi

-li taf biċċa minn Alla –

Ma ssaddu qatt sal-lum; baqgħu misnuna

Sabiex jitqabdu annuna

Ma’ ġismi w irażżnuh.

 

Ċkejkna Rożanna, bid-demm sħun , magħġuna

U bl-imħabba ta’ tnejn li tawk il-ħajja,

Int għamiltni missier!

Iżda, ja binti, ma kenitx il-ħila

Ta’ missierek u t’ommok

Li ħbub għajnejk xegħlet bid-dawl, u ‘l fommok

Għaniet bil-qawwa tat-tbissim u l-biki;

Kienet l-Id t’Alla twila, twil, twila

Li tilħaq mis-smewwiet sa l-art u ‘l isfel

Mill-qigħan nett tal-baħar,

Li tagħti l-ħdura lill-ħaxix u ‘l weraq,

Li tislet mill-isħab il-leħħ tal-beraq,

Li taħkem kullimkien – u żżomm u tmexxi

Id-dgħajsa tal-ħolqien.

 

Kollox minn Wieħed sar: u l-ħlejjaq kollha

Lil Wieħed biss u ‘l Wieħed waħdu jafu

Il-bidu ta’ nisilhom!

 

Il-bniedem għodda f’idejn Sidu: Alla

Jaqta’, ifassal, idomm, jibni w italla’!

Lill-ħlejjaq jeħtiġilhom,

Sabiex ikunu kif inhuma w jibqgħu,

Il-ħarsien tal-Ħallieq.

Alla kbir wisq: u x-xogħlijiet ta’ Driegħu

Jistqarru u jixhdu l-qawwa ta’ setgħatu!

Jien dan ġarrabtu fit-twelid ta’ binti:

Imma li nfissru ma jtinix il-kliem.

Naf biss li bżajt u fraħt u qalbi nqasmet

Għax ma felħetx iżżomm għal dal-misteru,

Li fil-familja ġiebli l-barka u s-sliem.

 

F’JUM MEWTHA

(21 ta’ April 1941)

Ma domtx nitpaxxa bik, għaxqa ta’ qalbi

U l-akbar hena ta’ żgħużiti mżewġa!

Kont drajtek tabilħaqq; kont sirt inħobbok

Bi mħabba ta’ missier u ta’ poeta

Li jħossu tiela’ l-ġenna

Meta jara titenna,

Bħalkieku f’mera, ix-xbieha tiegħu f’bintu.

Nifsek ħelu, bħal fewġa,

Kont inħossu jimlieli l-qlugħ ta’ ħajti

U jġagħ’lni nirbaħ kull tfixkil; fl-iskola

Kont iġibek sikwit quddiem għajnejja

Tifraħ b’missierek hu u jgħolli Lsienu

Li fuqu ħela l-egħżeż żmien ta’ żmienu.

 

Imm’int issa m’għadekx; waqajt bħal warda

Li biha ttaqqal ġuf il-ġnien ta’ mħabbti

Biex raġa’ tgħarwen hekk malajr! Rożanna,

Għaliex għoġbok tħallini,

Wara li ġejt tisqini

Ftit ħelu u ħafna mrar?

Int kont l-għaxqa ta’ ommok,

Il-faraġ ta’ missierek,

Il-ġid kollu tad-dar!

 

Għax din kienet imtliet bil-miġja tiegħek

U faret bħalma tfur dielja bl-egħnieqed

Fi dħul Settembru u kif ifur is-sema

Bil-kwiekeb f’lejl bla qamar fir-rebbiegħa.

Imm’issa reġgħet baħħ; u xejn ġe’ fiha

Ma baqa’ xi jferraħni,

Ma baqa’ xi jserraħni:

Tbiddlet bħal-lejl min-nhar.

 

L-isħeħ għodod ta’ mħabbti u mħabbat ommok

Għalik, ja binti, ma swew xejn u tfarrku

Quddiem l-għadu qalil tal-ġmiel ta’ ħajtek.

U bla ma ridt u bla ma xtaqt, ja biċċa minn ħajti u ħajjet ommok,

B’qalbi maqsuma rajtek

Tbexxaq għajnejk kemm-kemm il-leminija,

Tiftaħ fommok u tmut.

U migħek, dak il-ħin, ommok u jiena

-bħal żewġ erwieħ tal-ġibs jittalbu l-ħniena –

Ħassejna ruħna mmutu wkoll u ksaħna

Għal ftit, kif fik għal dejjem

Kesaħ u żamm id-demm.

 

Kont inħobbok tassew u ħlift li mħabbti

Nissokta nkattar, kull ma jmur, għalik:

Ħlift li nagħmel minn kollox għall-ġid tiegħek:

Għax l-isbaħ tamiet tiegħi kienu fik.

Imma d-dejr ta’ tamiet u ta’ zewqati

Sibt li bnejtu fir-ramel:

Hu ġġarraf minnufih

Ma’ l-ewwel żiffa riħ:

U jien bqajt bil-ħolma ta’ frugħati….

 

KARMENU VASSALLO

Siġġiewi, 28/4/1941.