Fis-sena 1650 il-Kavallier Fra Giovanni Bighi xtara biċċa art kbira fuq l-għolja li tifred il-bajja tal-Kalkara minn dik tar-Rinella, magħrufa bħala Tas-Salvatur. Fra Bighi qabbad lil Lorenzo Gafà jibnilu villa u magħha kappella bħala r-residenza tal-villeġġatura tiegħu. Sfortunatament il-Kavallier Bighi ma laħaqx gawda l-villa għax miet fl-imxija tal-pesta li laqtet lil Malta fl-1676. Kienet marda oħra li ġiegħlet lil din il-proprjetà tkun żviluppata f’bini aktar imponenti. Fl-1827, Malta ntlaqtet mill-imxija tal-ġidri, li nfirxet ma’ kullimkien u qatlet ħafna nies. Il-Gvernatur Frederick Ponsonby ħa taħt idejh l-artijiet kollha ta’ Fra Bighi biex fuqhom ikun jista’ jinbena sptar. Fl-1830 beda x-xogħol fuq bini ta’ dan l-isptar biex jintuża esklussivament mill-morda u l-midruba tar-Royal Navy. L-isptar sewa għoxrin elf lira sterlina. Dan kien l-ewwel bini ta’ ċerta importanza li l-Ingliżi bnew f’Malta. Il-kumpless tal-binjiet ittella’ fi stil neoklassiku skont id-disinn tal-inġinier militari George Whitmore. Kien dan l-inġinier li ta sura lill-kumpless ta’ akropoli ta’ żmien il-Griegi. Dan wieħed jista’ jinnutaħ meta wieħed iħares lejn il-promontorju ta’ Bighi min-naħa tal-Belt. Fl-1903 nbnew żewġ blokki oħra, waħda tagħti għal fuq il-bajja tar-Rinella u l-oħra li tagħti għal fuq il-bajja tal-Kalkara. L-isptar għalaq fl-1970. Illum parti minn dan il-kumpless isservi bħala l-uffiċċju amministrattiv ta’ Heritage Malta, kif ukoll bħala ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Konservazzjoni u Restawr tal-Wirt Kulturali Malti. Parti oħra tal-bini sservi bħala Esplora, ċentru ta’ tagħlim popolari tax-xjenza. Ara: ‘Bighi Naval Hospital – Of Whitmore and Xerri’ ta’ Andrè Zammit, The Sunday Times, June 6, 1999; A Chronicle of 20th Century Malta ta’ Michael Cassar, p. 336.