Waħda mid-daħliet tas-swar tal-Cottonera  li tinsab barra l-Birgu, qrib il-kulleġġ ta’ Saint Edwards.  Dan il-bieb kien mibni fl-1675 fi żmien il-Gran Mastru Nicholas Cottoner, bħala wieħed mis-seba’ bibien minn fejn wieħed kellu aċċess mis-swar tal-Kottonera. Din id-daħla hi msejħa wkoll Bieb Notre Dame. Fuq il-faċċata ta’ dan il-bieb, li kien iddiswinjat b’mod sabiħ mill-arkitett Romano Carapecchia, jidher il-bust tal-Gran Mastru Nicholas Cottoner. Jissejjaħ Bieb is-Sultan, minħabba l-bust tal-bronż li juri lil dan il-Gran Mastru.  Dak iż-żmien il-Gran Mastri kienu meqjusa mill-Maltin bħala s-Slaten tal-pajjiż.  Leġġenda ħelwa tgħid li x’imkien fid-direzzjoni li qed iħares il-wiċċ ta’ dan il-bust hemm teżor moħbi. Illum dan il-bini iservi bħala l-uffiċċju prinċipali tal-Fondazzjoni Wirt Artna.