ALLA   Din il-frażi kienet tintuża hekk: ‘Sejjer għal bieb Alla’, jiġ. sejjer għal għonq it-triq, bħallikieku dak li jkun, meta jgħid din il-frażi, jafda fil-ħniena ta’ Alla biex jasal fejn għandu jasal fis-sliem. Espr. ‘telaq għal bieb Alla’ – mar mingħajr ħadd ma jaf fejn kellu jmur. Din il-frażi nsibuha fl-istorja Ix-Xbejba tal-Irdum (1879) ta’ Ġużè Muscat Azzopardi: ‘… Wieħed mill-ġirien … u erba’ xebbiet oħra ltiema telqu wkoll mal-familja Dingli għal bieb Alla.’ Sors: Toni Bajjada u Rakkonti Oħra, Ġużè Muscat Azzopardi, p. 46. Fid-Damma A de S. jispjega din il-frażi hekk: ‘Alababalla’ – Per la porta di Dio.