1.Il-binja jew palazzin fejn kienu jgħixu l-Kavallieri tal-istess lingwa jew nazzjon. Il-bereġ inbnew għall-Kavallieri li ma kellhomx flus biżżejjed biex jixtru jew jikru residenza għalihom infushom. Il-Birgu dawn il-bereġ kienu fl-inħawi hekk imsejħa l-Collachio. Mhux hekk il-berġa tat-Taljani. Minħabba s-sens ta’ dover lejn il-ħajja marittima li kienu fdati biha, din il-berġa kienet allokata post fix-xatt tal-Birgu qrib Sant’Anġlu. Fil-Birgu tinsab berġa li m’hemmx il-Belt, dik tal-Ingilterra, waqt li fil-Belt hemm berġa, dik tal-Bavarja li ma kienetx inbniet il-Birgu. 2. Klinika. (pl. bereġ). E.S.I. jgħid li anke l-kelma Fr. Auberge ġejja mill-Għ. al burġ: – M. Post ta’ kenn.  Ritratt

BERĠA 2. (klinika)  Fl-ewwel tletin sena li l-Ingliżi kienu bdew jamministraw f’Malta, l-isptar prinċipali għall-poplu kien dak tal-Furjana, imsejjaħ iċ-Ċentrali. Dan l-isptar kien dejjem ikun iffullat bil-pazjenti u b’nies oħra li kienu jiġu jittallbu għall-mediċina biex jitfejqu minn kull tip ta’ mard. Fis-sena 1832 l-Ingliżi kienu ddeċidew li jiftħu klinika u spiżerija fil-Belt biex inaqqsu l-piż tax-xogħol mill-isptar tal-Furjana. Kienet għalhekk infetħet speċi ta’ klinika fil-bini kbir li hemm fin-naħa ta’ fuq ta’ Triq il-Merkanti, li fi żmien l-Ordni kien iservi ta’ berġa għall-kavallieri Taljani. Dan il-post beda jissejjaħ La Farmacia dei Poveri. Hawn kienu jaraw in-nies żewġ tobba ċivili u żewġ tobba tal-militar, kif ukoll spiżjar. Fi ftit żmien din il-klinika bdiet isservi madwar 4,000 ruħ fis-sena. Minkejja li kienu għaddew aktar minn tletin sena minn meta l-Ordni tkeċċa ’l minn Malta, in-nies kienu xorta baqgħu jirriferu għal dan il-post bħala ’l-Berġa’. B’hekk ġara illi meta fl-1848 kienu nfetħu kliniċi oħrajn, waħda f’kull distrett, dawn ukoll bdew jissejħu ‘il-Berġa’. Dak iż-żmien kienu ġew ingaġġati għoxrin tabib li bdew jissejħu medici dei poveri, biex iservu b’xejn tliet darbiet fil-ġimgħa minn dawn il-bereġ li nfetħu f’għaxar distretti. Bosta drabi dawn il-bereġ u l-ispiżeriji kienu jinfetħu fl-istess binja fejn kien hemm l-għassa tal-pulizija. Ta’ min wieħed ifiehem li dak iż-żmien it-tobba tad-distretti kienu jagħmlu parti mill-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija. Ara: Palatial Buildings of Valletta – A History of the Auberge d’Italie, the Auberge de Castille and the Castellania ta’ Kevin Cassar, pp. 16, 17; u Birkirkara fis-Seklu XIX ta’ Winston Zammit.