Ilmiklem.com bi pjaċir iħabbar li Martin Morana, awtur ta’ diversi kotba li jikkonċernaw il-vokabularju Malti, altruwistikament offra li jaqsam ma’ dan is-sit u għalhekk magħkom ilkoll, ħafna mix-xogħol tiegħu. Fil-gimgħat u x-xhur li ġejjin, naqra naqra, dan is-sit sejjer itella’ selezzjoni sostanzjali tal-kontenut li kien oriġinarjament miġbur fil-ktieb jismu Bejn Kliem u Storja f’kategorija maħluqa għal tal-apposta u li tistgħu ssibuha fuq ix-xellug tal-paġna tad-dħul.

***

Martin Morana twieled u għex għal ħafna żmien il-Birgu. Studja l-Liċeo u ggradwa B.A. fl-Istorja mill-Università ta’ Malta. Fost suġġetti oħra waqt l-istudji tiegħu mess ħafna mas-suġġetti tal-Arkeoloġija u l-Antropoloġija tal-Mediterran. Ħadem għal bosta snin mad-Dipartiment tal-Mużewijiet Statali. Ilu jaħdem għal dawn l-aħħar għoxrin sena fl-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, fejn għal bosta snin kien promotur tal-prodott turistiku Malti ma’ mijiet ta’ nies tal-midja barranija. Għal dawn l-aħħar snin kien involut fl-organizzazzjoni ta’ ħafna avvenimenti fuq livell nazzjonali. Kiteb ukoll ħafna artikli fuq l-istorja ta’ Malta f’diversi pubblikazzjonijiet. Ħareġ ukoll żewġ monografi fuq riċerka li hu kien għamel, wieħed dwar l-Ipoġew u l-ieħor dwar Għar Dalam. Morana hu wkoll gwida liċenzjat f’diversi lingwi.
Martin Morana ħareġ il-ktieb Bejn Kliem u Storja fl-2011 u fl-2012 ħareġ Ara x’Int Tgħid. Biex il-Kliem Ikun Sew ġie ppubblikat fl-2014. Dawn it-tliet kotba huma kollha relatati ma’ kliem antik Malti u s-sinifikat tiegħu matul iż-żmien

***

Il-ktieb Bejn Kliem u Storja illum huwa totalment mibjugħ u għalhekk mhux ser issibuh aktar fil-ħwienet però għad fadal xi kopji (mhux wisq) tal-kotba Ara x’Int Tgħid u Biex il-Kliem Ikun Sew u għalhekk nirrakomandaw lil kulmin hu interessat fl-ilsien Malti sabiex jakkwista kopja tagħhom qabel ma jgħibu mill-ħwienet huma wkoll.