(pl. bdiebet). Tip ta’ fifra, waħda mill-eqem strumenti mużikali fid-dinja. Dan għaliex fil-mod sempliċi tiegħu il-bedbut kien jinħadem billi tinqata’ biċċa qasba, daqs 7.5 ċm. mill-pjanti tal-qamħ, tal-ħafur jew tal-qasab tal-widien. Fil-qasba jittaqqab xaqq fil-parti l-aktar qrib ta’ fomm id-daqqaq biex jifforma bieba żgħira li tperper meta d-daqqaq jonfoħ fit-toqba f’tarf il-qasba. B’hekk joħroġ ħoss qisu ta’ suffara. Dan kien strument li faċli jsir, kemm mill-kbar kif ukoll miż-żgħar. Biss mhux dejjem kien faċli li joħroġ il-ħoss. Insibu li kienet tiżisti għanja li d-daqqaqa kienu jgħannu biex bħal speċi jħajru il-bedbut idoqq sew:

Doqq bedbut doqq ħa nixtrilek ħabba / ċappa tin

Nixħetielek ġewwa bir u nġibulek bir-rampil

Fid-dinja Għarbija il-bedbut jissejjaħ ukoll żummara. Il-bedbut jagħmel ukoll parti integrali mill-istrument taż-żaqq għax hu mill-bedbut li d-daqqaq jonfoħ. A. de S. jirriferi għal bedbut bħala cifoletto. Ara: ŻUMMARA, ŻAQQ.  Ara: Doqq Ja Bedbut Doqq’ ta’ Anna Borg Cardona, fil-ktieb Folkor, ed. Guido Lanfranco. pp.31-41; A Guide to Maltese Folk Music, ta’ Ruben Zahra, pp. 12, 13.