Idj: ‘Tah daqqa / waħda tal-Beati Paoli’. Din il-frażi għandha oriġini interessanti għax turi l-kuntatt kulturali bejn il-Maltin u l-Isqallin matul is-sekli li għaddew.  Il-Beati Paoli kienet setta sigrieta li kienet tiltaqa’ bil-moħbi fil-passaġġi ta’ taħt l-art f’Palermo. Din kienet speċi ta’ fratellanza jew mażunerija pjuttost leġġendarja, li antiċipat anki l-Mafia fl-istil u l-iskop tagħha. Jingħad bosta fuqha, biss il-verità hi li qatt ma nstabu dokumenti li jippruvaw min kienu verament il-membri f’din l-għaqda. Din il-konfraternità kienet deskritta u mogħtija laqta’ romantiċizzata fil-ktieb I Beati Paoli, ta’ Luigi Natoli (1921). L-awtur iqiegħed din is-setta f’Palermo tas-seklu sbatax u jpinġiha bħala għaqda ta’ nies li tgħin l-foqra waqt li l-membri tagħha jikkumplottaw biex iqarqu bl-awtoritajiet korotti. Isem din is-setta ġieli ssemma fl-ambitu tal-perijodu medjevali, bħala tribunal sigriet li kien jiġġustizzja n-nies u anki juża l-vjolenza biex ipattiha lil ċerti individwi. Ir-raġuni l-għaliex ngħidu ‘tah daqqa tal-Beati Paoli’ mhux ċara biżżejjed. Biss nistħajjel li din il-frażi tfisser li din tirriferi għal meta xi ħadd jingħata daqqa li jibqa’ taħtha. Kultant issib min jgħid tlajt telgħa tal-Beati Paoli, li jfisser li t-telgħa kienet twiela u wieqfa, b’mod li tgħejja titlagħha. Ara:  I Beati Paoli ta’ Luigi Natoli.

Ara wkoll:  http://www.akkuaria.com/grandi_personaggi/beati.htm