Persuna li għandha devozzjoni kbira lejn it-twemmin reliġjuż tagħha. Appel. norm. għal xi mara li tkun temmen biss f’dak li hu sew għaliha u tittratta l-opinjoni ta’ ħaddieħor bħala inferjuri jew ħażina. Wieħed li f’għajnejn in-nies ikun irid jidher li hu qaddis, biss minn taħt ikun qiegħed jagħmel affarijiet mhux xierqa. Bniedem ipokrita. Dan l-appel. ġej mit-Tal. bizocche – M. nisa li ma jiżżewġux u li jinkitbu bħala Terzjarji; nisa lajċi ta’ devozzjoni kbira, biss mingħajr ma dawn ikollhom vot tas-sorijiet. Dawn in-nisa jfittxu li jgħixu ħajja ta’ kastità u talb u jsegwu b’reqqa kbira kull obbligu liturġiku. Carmel Cassar, fl-artiklu tiegħu ‘Popular Perceptions and Values in Hospitaller Malta’ (Hospitaller Malta, p. 462), isemmi li fis-sena 1667, fil-parroċċa tal-Portu Salvu, il-Belt, kien hemm miktuba dsatax-il bizocche minn popolazzjoni femminili ta’ 2,074.