Skont Ganado l-bazizji kienu tip ta’ biskuttini li nħolqu minn dulċier mill-Furjana magħruf bil-laqam Ta’ Żerrek. Nafu li dan kellu ħanut fix-xatt tas-Sliema. Ganado jgħid li lejn l-aħħar tas-seklu dsatax kien hawn f’Malta primadonna b’vuċi u figura sabiħa jisimha Enrichetta Basisio. Din kienet għamlet żmien tkanta fit-Teatru Rjal. Dan id-dulċier, li kien affaxxina ruħu minn din il-primadonna, kien beda jżejjen kwalità ta’ biskuttini li kien jipprepara għall-klijenti tiegħu billi jżid bil-ġelu aħmar fuq il-biskuttin l-ittra B, ad unur ta’ din il-primadonna. L-istorja ta’ kif dawn il-biskuttini ngħataw dan l-isem titqabbel minn Ganado mal-oriġini tal-Peach Melba. Il-Peach Melba hi magħmula minn ġelat tal-vanilla mħallat mal-ħawħ u bil-ġulepp tal-lampun (Ing. raspberry). Din l-ispeċjalità, li llum hi magħrufa mad-dinja kollha, ukoll ġejja minn storja simili. Din id-deżerta kienet issemmiet hekk fl-1892 meta dik is-sena, is-soprano Awstraljana Nellie Melba kienet żaret Londra u qagħdet fis-Savoy Hotel. Id-dulċier ta’ din il-lukanda, Auguste Escoffier, ivvinta din id-deżerta u taha dan l-isem għal din is-soprano. Jidher għaldaqstant li d-dulċier Ta’ Żerrek tħajjar u għaldaqstant hu wkoll ried jagħti l-isem tal-ħelu tiegħu għal xi ħadd li kien tant jammira. Skont Ganado, il-bazizji damu jinbiegħu sa żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Ara: Rajt Malta Tinbidel, l-Ewwel Ktieb, pp. 32, 33.