1. Kamra jew dar żgħira li sservi ta’ kenn kontra x-xemx jew ix-xita. Kostruzzjoni temporanja. Il-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq u tal-Barrakka ta’ Isfel li jagħtu fuq il-Port il-Kbir, kellhom bħal-loġġa msaqqfa kull wieħed, biex toffri kenn lil min irid igawdi l-arja u l-veduta ta’ dawk l-inħawi. Il-Barrakka ta’ Fuq kienet mibnija fi żmien il-Kavallieri biex dawn setgħu jgħaddu ż-żmien liberu tagħhom hemm. Il-Barrakka t’Isfel ġiet żviluppata fi żmien l-Ingliżi. Qawl: Għal min għandu jmut bil-pesta m’hemmx barrakka għalih – jiġ., m’hemmx rimedju għal min qed isofri b’kundizzjoni gravi. Dan il-paragun oriġina mill-fatt illi fi żmien il-pesta dawk infettati kienu jinżammu f’iżolament fi kmamar żgħar mibnija apposta.  Tal. Barracca: costruzione in legname, facilmente smontabile. sors etim. E.S.I.  2. BARRAKKA Binja minfejn jitqassmu l-paljijiet tat-tiġrija tradizzjonali magħrufa wkoll bħala t-TRIBUNA. Hemm waħda s-Saqqajja, ir-Rabat ta’ Malta u oħra r-Rabat ta’ Għawdex.