Il-kelma Barokk/a tirriferi għal stil ta’ arti jew kultura partikulari tal-letteratura, mużika, arkitettura, eċċ. li nħolqot u żviluppat l-aktar fis-seklu sbatax. L-ewwel darba li ntuża dan l-appellattiv kien fis-seklu tmintax, pjuttost biex dan l-istil ikun mmaqdar bħala arkitettura bizzarra, eċċessiva u stramba, u ta’ gosti li għal bosta kienu redikoli. L-arkitettura ta’ stil Barokk kienet introdotta  f’Malta fl-1638, meta Francesco Buonamici ddisinja u bena l-Knisja tal-Ġiżwiti fi Triq il-Merkanti, (dak iż-żmien Strada San Giacomo) il-Belt Valletta. L-istil Barokk hu stil li jagħti sens ta’ lussu u juri l-fantasija tal-perit u s-sengħa tal-bennej. L-arkitettura Barokka tixxebbah max-xenarju ta’ palk, b’disinji ta’ pilastri, kolonni u simboli ta’ weraq, arzell, skrolli, figuri umani, eċċ.  F’Malta, wara Buonamici, komplew diversi artisti fl-arti Barokka, eż. Lorenzo Gafà, Romano Carapecchia, Francois De Mondion u oħrajn. Mattia Preti li kien pittur u arkitett, biddel il-ġewwieni tal-knisja monastika tal-Ordni ta’ San Ġwann minn waħda sempliċi, għal waħda ta’ stil Barokk. L-arkitettura Barokka wara nfirxet ma’ Malta u Għawdex kollha u baqgħet l-istil predominanti għall ħafna knejjes u djar anki fis-seklu għoxrin. Il-kelma barroco bil-Portugiż tfisser perla ineguale. Ara: L-Arti Barokka F’Malta ta’ Keith Sciberras; 5000 Years of Architecture in Malta ta’ Leonard Mahoney; Baroque Churches in Malta ta’ Conrad Thake; Maltese Baroque, Ed. Giovanni Mangion.