1. Il-bażi tal-injam, ġen. għoli mal-1.70 m, magħmul biex titqiegħed l-istatwa fuqu.  Fuqu tistrieħ il-bradella, (Ara: BRADELLA). Il-bankun li ħafna drabi jkun iddekorat b’xogħol sabiħ ta’ interzjar u riljievi, kultant mdaħħal bl-istatwa b’kollox fin-niċċa fejhn jibqa’ espost. 2. Bank tal-injam twil li kien jintuża biex iżomm l-għodda tal-mastrudaxxa. 3. Il-bank fil-ħanut tat-te li jintuża mis-sid biex jaqdi n-nies.  4. Il-mejda kbira u għolja fis-sagristija fejn fuqu jinfirxu l-paramenti li jilbsu l-qassisin. Din l-għamara sservi bħal gradenza għax fiha jitqiegħdu il-paramenti tas-saċerdoti. 5. Għamara tal-kawba li titqiegħed fil-ġenb fuq il-presbiterju forma ta’ tliet siġġijiet imwaħħlin flimkien ħalli fuqhom joqgħodu ċ-ċelebrant u ż-żewġ konċelebranti l-oħra.