F’Malta u Għawdex wieħed jista’ jgħodd mat-88 każin tal-banda. Xi wħud minnhom imorru lura sa nofs is-seklu dsatax.  Ħafna minn dawn għandhom il-laqmijiet tagħhom.  Iż-żewġ każini tal-Belt, dak tas-Socjetà Filarmonika La Vallette  u l-ieħor imsejjaħ il-Kings Own kienu ta’ l-ewwel li ngħataw il-laqam tagħhom, wieħed ‘tal-Ajkla’ u u l-ieħor ‘Tal-Istilla’ rispettivament.  Dak tas-Soċjetà Filarmonika ħa l-laqam tiegħu mill-ajkla tal-arma li kellu l-Gran Mastru de Vallette, għaliex l-ajkla tidher prominenti fuq naħa tal-arma. Dawk tal-Kings Own ispiraw ruħhom mill-istilla li tirrappreżenta l-għerf ta’ San Duminku, il-qaddis patrun, li bih kien mogħni.  Iż-żewġ simboli, dak tal-ajkla u dak tal-istilla it-tnejn jinsabu fis-sema u għaldaqstant it-tnejn jagħtu sens ta’ glorja u superjorità fuq il-ħolqien fid-dinja. Għalkemm ta’ naħa jinki lil oħra: ‘tassew li l-Ajkla togħla – imma ħdejn l-istilla qatt ma tasal.’  Dawn l-istess laqmijiet jinsabu attribwiti għal każini oħra, eż. fiż-żewġ każini ta’ Ħal Luqa, ta’ Ħaż-Żebbuġ u ta’ Ħal Għaxaq kif ukoll tal-Mosta u tar-Rabat. Ara: Studies in Maltese Folklore ta’ Joseph Cassar Pullicino, pp.137, 138; ‘Festa Partiti and the British – Exploding a Myth’ ta’ Jeremy Boissevain, f’The British Colonial Experience, 1800 – 1964; Saints and Fireworks, Jeremy Boissevain.