Din kienet waħda mill-eqdem baned f’Malta (ċ. 1860). Tissejjaħ hekk għaliex kien ċertu Indri Borg li għaqqad din il-banda f’Ħaż-Żebbuġ. Il-banda kienet tikkonsisti minn ħmistax-il mużiċist, li ħafna minnhom kienu jdoqqu strumenti tal-korda. Dawn kienu jdoqqu f’okkażjonijiet speċjali bħal tiġijiet u festi tar-raħal. Illum, il-frażi ‘Banda ta’ Indri’ tirriferi għal banda ta’ mużiċisti, pjuttost antikwata jew sempliċi. Ta’ min wieħed jgħid, li Indri Borg (1888 – 1903), kien għami minn ta’ sentejn, biss xorta kien kapaċi jdoqq diversi strumenti. Mhux talli hekk, talli kien ukoll jikkomponi l-mużika u anke jsewwi orgnijiet tal-knejjes. Bosta nies li kienu għomja kienu jkunu mħajra jitgħalmu strument biex jaqilgħu x’jieklu bil-mużika. Indri kien ukoll il-fundatur ta’ din il-banda, kien ukoll għaqqad l-ewwel banda tal-Isle Adam tar-Rabat fl-istess perijodu. Ara: ‘Borg Indri’ fid-Dictionary of Maltese Biographies Vol I. ta’ Michael Schiavone.