(Ir-Rabat, Għawdex)   L-isem tal-binja imponenti li hemm fi Pjazza Indipendenza (it-Tokk). Din inbniet fl-1733, fi żmien il-Gran Mastru Manoel de Vilhena, biex fiha jiltaqgħu u jamministraw il-Ġurati, jiġ. l-membri tal-Università ta’ Għawdex. Hawn għadhom jinsabu ħafna dokumenti relatati mal-amministrazzjonijiet antiki ta’ Għawdex. Il-bini kien ikkommissjonat mill-Ordni u ddisinjat mill-arkitett Franċiż François de Mondion. Biss il-binja li hemm illum inbidlet fil-forma tagħha, u l-parti ta’ quddiem li tħares lejn il-pjazza għandha forma ta’ nofs tond, li kienet miżjuda fl-1860. Fi żmien l-Ingliżi dan il-bini kien iservi bħala Arkivju Notarili, għassa tal-Pulizija kif ukoll Berġa u Uffiċċju tas-Saħħa. Illum il-Banca Giuratale sservi kemm bħala s-sede tal-Kunsill Lokali tar-Rabat kif ukoll bħala l-Uffiċċju tal-Kultura ta’ Għawdex.