Idj:  ‘Qiesek il-Bambin ta’ Praga’ – tingħad lil xi tfajjel liebes sabiħ, b’ilbies li jixbah fil-forma tal-mantell tal-istatwa tal-Bambin ta’ Praga.   Din hi statwa żgħira, twila mal-40 ċm, u tinsab fis-santwarju tal-Vitorja fi Praga, fir-Repubblika Ċeka. L-istatwa hi ta’ oriġini Spanjola, u kienet mogħtija lill-prinċipessa Spanjola Maria Manriques de Lara minn ommha, bħala rigal tat-tieġ, meta żżewġet lin-nobbli Ċek Vratislav ta’ Pernstyn fis-sena 1556.  Fl-1628, din l-istatwa għaddiet mill-familja Rjali għal għand il-Karmelitani Skalzi, li jieħdu ħsieb il-Knisja tal-Vitorja fi Praga.  Il-globu żgħir f’id il-bambin għandu fuqu salib tal-Kavallieri ta’ Malta. Dan għaliex fiż-żmien, Praga kienet tagħmel parti mill-Prijorat Awstrijak li kien f’idejn l-Ordni ta’ San Ġwann. Il-popolarità ta’ din l-istatwa trawmet l-aktar fil-poplu Malti minn meta fl-1913, il-Karmelitani Skalzi f’Malta bdew joħorġu pubblikazzjoni kull ġimagħtejn imsejħa ‘Il-Bambin ta’ Praga’.  F’dan il-perjodiku, fost affarijiet oħrajn, kienet irrakkuntata l-istorja tal-Bambin ta’ Praga. F’Malta għandna wkoll kappella ddedikata lil dan il-bambin, li tinsab għand is-sorijiet tal-klawsura f’San Ġiljan. Kopja tal-istatwa tal-Bambin ta’ Praga nġabet f’Malta mill-Ordni tal-Kavallieri fi żmien riċenti u kienet ippreżentata lill-knisja tal-Vitorja, l-Belt Valletta.  Din l-istatwa mhix imlibbsa ħwejjeġ ta’ vera bħal dik ta’ Praga.  Din qegħda esposta fuq altar tal-ġenb ta’ din l-knisja.  Replika oħra ta’ din l-istatwa tinsab fil-kappella ddedikata lill-Madonna f’Ħal-Lija. Ara: ‘The Holy Infant of Prague and Malta’ ta’ Carmel Bonavia, The Sunday Times, December 4, 1994;  artiklu fuq l-istess suġġett fuq il-paġna tal-web: www.christmasjoy.110mb.com.