Tip ta’ ingwent mediċinali, ħafna drabi magħmul mill-pjanti. Krema jew żejt ifuħ li jagħmlu ġid lill-bniedem meta jindilek fuq il-ferita jew fuq il-ġisem. Rimedju mediċinali li jagħti serħan u sens ta’ komfort lil min jużah. Meta saċerdot jagħmel l-ewwel quddiesa tiegħu (Prima Messa) kienu jindilkulu jdejh bil-balzmu. Matul iċ-ċerimonja li fiha jkun ikkonsagrat l-Isqof jintuża wkoll il-balzmu. Idj: ‘il-kliem ħelu tiegħu ħassu nieżel bħal balzmu’. Ara: Drawwiet u Ħajja mill-Istorja ta’ Malta, ta’ Guido Lanafranco, pp. 70, 71.

BALZMU TAL-LUNZJATA  Dari kien hawn tradizzjoni li jekk tiġieġa tbid bajda fil-25 ta’ Marzu, festa tal-Madonna tal-Lunzjata, din il-bajda ma tittikilx. Minflok il-bajda kienet tinżamm merfugħa għax kienu jemmnu li biż-żmien din issir tfuħ u tarmi riħa ta’ balzmu. Wara xi żmien, din il-bajda kienu jofqsuha u l-kontenut tagħha jħalltuh bix-xaħam biex isir ingwent li jfejjaq.