Fis-sena 1882, l-arkeologu u studjuż Dr Anetto Caruana ppubblika rapport fuq il-fdalijiet antiki li hu kien żar f’Ta’ Baldu, żona li tinsab fin-naħa tal-għolja ta’ Wied ir-Rum, mil ’il bogħod minn Ħad-Dingli. Fost għerien u bjar hawn instabet ċisterna taħt l-art li fiha mat-tlettax-il metru fiċ-ċirkonferenza tagħha, u li x’aktarx kienet tintuża bħala banju li minnu l-bdiewa ta’ dawk l-inħawi kienu jieħdu l-ilma ġieri għax-xorb u t-tisqija tal-għelieqi tal-madwar. Wara l-istudju li għamel Caruana, biż-żmien iċ-ċisterna għebet bil-veġetazzjoni u ntesiet għal aktar minn mitt sena. Din reġgħet instabet fi żmien aktar riċenti u kienet skavata b’mod xjentifiku fl-1999. Fil-kwantità u l-kollettività tagħhom qrib xulxin, dawn il-fdalijiet Ta’ Baldu ġiegħlu lill-istudjużi jaħsbu li dawn huma fdalijiet Rumani. Dan mhux biss minħabba l-banju hekk imsejjaħ Ruman, iżda anki minħabba l-mitħna tal-qamħ li tixxiebah ma’ oħrajn ta’ xeħta simili li mdorrijin nassoċjaw ma’ dan il-perijodu. Minflok, illum jaħsbu li dan il-banju hu uniku għax-xorta tiegħu fil-gżejjer Maltin. Skont l-arkeologu Keith Buhagiar, dan il-banju jmur lura sas-seklu erbatax jew inkella sas-seklu sittax. Dan il-ħsieb inħoloq għax f’dan il-banju ma nstabux il-karatteristiċi ta’ banjijiet Rumani, eż. t-tepiderium, il-calidarium u l-ipokawst, li kienu jinbnew biex isaħħnu lill-banjijiet. Preċiżament fuq livell aktar baxx mill-irziezet li hemm fil-qrib insibu diversi għerien li f’xi wħud minnhom hemm maqtugħin banjijiet kif ukoll ċisterni tal-ilma. Fuq wieħed mill-ħitan hemm id-data 1629. Keith Buhagiar ixebbah iċ-ċisterna tal-banju ma’ oħrajn simili li nstabu Palermo, f’Palazzo Marchesi. Ara: ‘The Roman Baths at Ta’ Baldu’, Treasures of Malta, n. 17, Easter 2000, Vol. VI n. 2, pp. 47-51; ‘Revisiting Wied ir-Rum: Some recent archaeological discoveries’, Melita Historica, Vol. XVI, n. 1, 2012, pp. 77-108. Dawn iż-żewġ artikli huma miktuba minn Keith Buhagiar