Bastun pastorali magħruf ukoll bħala crosier. L-oriġini tal-baklu tmur lura sas-seklu ħamsa W.K. meta jissemma f’ittra li l-Papa Ċelestin bagħat lill-isqfijiet ta’ Vienne u Narbonne fi Franza. Il-baklu jingħata mill-Papa lill-prelat tal-Knisja li jkun ordnat isqof.  Waqt iċ-ċerimonja tal-ordinazzjoni l-Papa jgħid: Accipe baculum pastoralis jiġ: ‘Irċievi l-bastun tar-ragħaj!’. Mela l-baklu hu simbolu tal-awtorità, li flimkien mat-tjubija spiritwali, jgħati lill-isqof is-setgħa imexxi l-merħla tiegħu bħala ‘r-ragħaj it-tajjeb’. Il-baklu norm. jinġarr mill-isqof fir-riti liturġiċi u anki minn prelati li huma aktar ’l isfel mill-isqof fil-ġerarkija tal-Knisja. Biss, meta l-prelat ikun xi ħadd ta’ kariga iżgħar, il-parti mgħawġa tal-bastun tinżamm tħares ’il lejn il-prelat u mhux lejn in-nies.