Wara li l-kriżi tas-Swejż (1956), in-Navy Ingliża bdiet tara kif tirtira bil-mod il-mod il-flotta tagħha mill-Mediterran, u tħalli din iż-żona taħt is-sorveljanza tas-Sixth Fleet Amerikana. Dan kien żmien meta l-Gvern Ingliż kien qiegħed jipprova jnaqqas ħafna mit-toqol finanzjarju kbir li kellu fil-kolonji. Għaldaqstant, hekk kif l-użu tad-Dockyard beda jonqos, ried jara kif jagħmel biex it-Tarzna f’Malta taqleb ix-xogħol tagħha minn wieħed purament militari għal wieħed ibbażat fuq tiswijiet ta’ bastimenti merkantili. Wara kollox ix-xogħol tat-tiswijiet tal-bastimenti navali seta’ jsir fir-Renju Unit fi żmien meta l-ekonomija u l-industrija kellhom jirpiljaw biex ikun provdut aktar xogħol. Fid-29 ta’ Marzu tal-1959, il-Gvernatur Robert Laycock, f’ċerimonja simbolika fil-Palazz, il-Belt, kien mogħti ċ-ċwievet tat-Tarzna mir-Rear Admiral Copeman tan-Navy Ingliża biex imbagħad ippreżenta dawn iċ-ċwievet lill-Group Captain George Bailey, Chairperson ta’ Bailey Group. Id-ditta Bailey ta’ C. H. Bailey ta’ Newport f’Wales kienet obbligata li tħallas l-Ammiraljat 30,000 lira sterlina għall-kiri tat-Tarzna. Il-Gvern Ingliż kien ħareġ daqs 7 miljun lira sterlina u nofs, f’self, biex jgħin lil din il-kumpanija tirristruttura ruħha u tibda taħdem b’mod aktar effikaċi. Iż-żmien li Bailey dam imexxi t-Tarzna ma kienx twil bosta għaliex il-kumpanija bdiet tirrealizza li bis-6,350 ruħ li wirtet bħala impjegati u l-problemi li kellha mal-Union, ma setgħet qatt tagħmel il-profitti. Is-sitwazzjoni ma kinetx sostenibbli u fl-1963 din il-kumpanija ma komplietx topera f’Malta. Minflokha daħlet għall-impenn li tamministra t-Tarzna kumpanija oħra Ingliża, is-Swan Hunter Group. Ara: Rajt Malta Tinbidel, ir-Raba’ Ktieb, Herbert Ganado, pp. 221-232; Malta Drydocks, 1963-2010 ta’ Michael Cassar, pp. 12-25; A Chronicle of 20th Century Malta, Michael Cassar u Joseph Bonnici, pp. 264, 290; Ġrajjiet Malta ta’ John Inguanez, p. 85. Ara wkoll id-dibattiti fil-Parlament Ingliż, fejn hi diskussa t-tmexxija tat-Tarzna mid-ditta Bailey. www.hansardmilkbanksystems.com