Ħmieġ tal-annimali bħalma huwa dak tal-bhejjem tal-irfigħ, eż. l-bgħula jew il-baqar. Espr. ‘raġel qisu bagħra’, tingħad għal xi bniedem ikrah dagħwa.  1. Bagħri – aġġ. li jirriferi għal xi ħaġa li hi bħall-ħmieġ tal-baqar eċċ.  2. Xi ħaġa li tieħu n-nar malajr – x’aktarx minħabba li fl-antik il-ħmieġ tal-baqar eċċ. kien jitħallat mat-tiben u jintuża biex jitkebbes in-nar bih. L-annimali jħammġu differenti: bagħar jew imbagħar taż-żwiemel, bgħula u ħmir; kagħbur tan-ngħaġ, redus tal-mogħoz, tal-fniek u tal-grieden, rawt tal-baqar; slieħ tat-tiġieġ. Fejn jinġabar ir-redus tal-fniek jissejjah ir-reddiesa, u n-nassaba permezz ta’ hekk ikunu jafu li hemm il-fniek tal-grixti. F’Għawdex għemm taqbila: ‘Tax-Xagħra jieklu mbagħra, tan-Nadur jieklu l-kagħbur!’ Sors: Anton Attard.